San Franġisk, il-Franġiskani u l-Immakulata Kunċizzjoni

 

|werrej|>> 


San Franġisk u d-Domma ta' l-Immakulata


ta' Patri Thomas Calleja ofmconv



Ir-Rifletturi fuq l-Immakulata 


Ta’ kull sena nhar it-8 ta’ Diċembru l-ispotlights fil-knejjes kollha li hawn fid-dinja u b’mod partikulari f’dawk immexxija mill-patrijiet ta’ san Franġisk ikunu ppuntati fuq l-istatwa tal-Verġni Immakulata.  L-istatwa tal-Kunċizzjoni li matul is-sena tkun meqjuma fin-niċċa tagħha, tinħareġ, titqiegħed taħt il-kuruna bil-mant kahlani fil-post imhejji fil-ġenb tal-knisja u tintrama bix-xemgħat u l-bukketti tal-fjuri għall-okkażjoni tal-festa tagħha.

 

L-ispotlights ser jinxtegħlu nhar t-8 ta' Diċembru  ta' din is-sena wkoll għall-festa tal-KunċizzjoniDin is-sena 2004 ir-rifletturi ser ikunu b'dawl aktar qawwi. Dan minhabba li din is-sena hija l-okkażjoni tal-150 anniversarju   tal-proklamazzjoni tad-Domma ta' l-Immakulata Kunċizzjoni bil-bulla Ineffabilis Deus  tal-Papa Piju IX  (1854-2004).

 

Id-dawl tar-rifletturi fuq l-istatwa tal-Kunċizzjoni huwa stedina biex ahna nirriflettu u nimmeditaw fuq il-figura ta’ Marija. Aħna lkoll mistiedna biex jitfgħu ħarsitna fuq il-misteru tal-Kunċizzjoni.  L-għajnejn iridu jkunu ppuntati mhux tant fuq l-istatwa tal-Verġni mbierka daqskemm fuq il-misteru ta’ Marija, “il-Mimlija bil-grazzja”, magħżula minn Alla qabel il-ħolqien tad-dinja u mħarsa minn kull tebgħa tad-dnub tan-nisel biex tkun għamara xierqa għall-iben tiegħu.

 


L-ulied ta’ san Franġisk


Jekk inqallbu ftit il-ktieb ta’ l-istorja Franġiskana nsibu li kienu ħafna dawk l-ulied tal-Qaddis ta’ Assisi li matul il-medda taż-żmien dawru għajnejhom fuq ix-xbieha ta’ din “il-Mara liebsa x-xemx, bil-qamar taħt riġlejha u b’kuruna ta’ tnax-il kewkba fuq rasha” (Apk 12:1).  Fost dawk li kellhom għożża speċjali lejn il-Kunċizzjoni nsibu lil san Ġużepp ta’ Copertino (1603-1663), li għadna kemm iċċelebrajna l-erba’ mitt sena mit-twelid tiegħu.  Matul iż-żmien li kien jgħix fis-Sacro Convento f’Assisi, dan il-qaddis devot tal-Madonna kuldarba li kien isib ruħu quddiem l-istatwa tal-Kunċizzjoni kien ikollu mumenti qawwija ta’ talb li kienu jintemmu f’estasi u titjir mistiku ta’ l-għaġeb.  Dan il-qaddis ta’ Copertino kellu devozzjoni kbira u mimlija mħabba lejn l-Immakulata.  Kien jinsġilha kliem u strofi ta’ mħabba li kien ikantahom ukoll waqt id-diversi festi tal-Madonna.

 

Barra san Ġużepp ta’ Copertino nsibu għadd ta’ patrijiet u qaddisin Franġiskani li dawru l-ħarsa ta’ qalbhom fuq il-Verġni Marija.  Fost dawn insemmu lil san Bonaventura minn Bagnoreggio (1217-1274) u lill-beatu Ġwanni Duns Skotu (1265-1308).  Dan ta’ l-aħħar b’mod partikulari ħadem bis-sħiħ għall-kawża ta’ l-Immakulata u rnexxielu jegħleb l-iskola duttrinali permezz ta’ distinzjoni sottili u konvinċenti li baqgħet magħrufa: “Decuit, potuit, ergo fecit”. Duns Scotu miet lejn il-bidu ta’ l-1300.  Warajh id-duttrina ta’ l-Immakulata  għamlet passi ’l quddiem u l-patrijiet Franġiskani għamlu minn kollox biex id-devozzjoni tixtered aktar u aktar.  Il-predikaturi Franġiskani kienu jinsġu u jxandru t-tifħir lil Marija fil-pjazez tal-bliet prinċipali ta’ l-Italja.  Fost dawn san Bernardin ta’ Siena (1380-1444) u san Franġisk Anton Fasani (1681-1742).  Il-qaddis Fasani kellu mħabba speċjali lejn Marija Immakulata.  Il-festa tagħha kienet il-festa ta’ qalbu.  Kien jiċċelebra ta’ kull sena novena devota u solenni b’diskorsi fervorużi u li jqanqlu l-qlub.  Fi żmien aktar qrib tagħna d-devozzjoni Franġiskana u l-imħabba lejn Marija Immakulata hija rrappreżentanta minn san Massimiljanu Marija Kolbe (1894-1941).  Patri Kolbe, il-martri ta’ l-imħabba u “l-Miġnun ta’ l-Immakulata” – kif kienu jsejħulu – ingħata b’ruħu u ġismu biex iġib ’il quddiem id-domma ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni.  Kolbe fehem li l-misteru ta’ l-Immakulata jħaddan rifless mhux biss fuq il-persuna ta’ Marija imma wkoll fuq il-missjoni tagħha fi ħdan l-istorja tal-fidwa.

 


Fl-iskola ta’ san Franġisk


Il-mistoqsija donnha tiġi waħdiha.  Minfejn xorbu u kisbu din l-imħabba dawn il-patrijiet?  Min kien li għallem lil dawn l-irġiel ta’ Alla biex idawru l-ħarsa tagħhom fuq il-Verġni Marija?

 

It-tweġiba hija ħafifa!  Dawn il-patrijiet kienu ffurmati u kibru fl-iskola tal-Fqajjar ta’ Assisi.  Kien mingħand san Franġisk li dawn il-patrijiet xorbu l-imħabba u d-devozzjoni tagħhom lejn Marija, dik li fi kliem Franġisku stess, “għamlet lis-Sinjur tal-Majestà ħuna” (2 Cel 198).  Ir-rabta ta’ Franġisku ma’ Marija hija miġbura prinċipalment fil-viżjoni tar-rapport intimu tagħha fl-opra tas-Salvazzjoni.

 

Huwa minnu li fil-ħajja ta’ san Franġisk, kif insibuha rrakkuntata mill-ewlenin kittieba li kitbu dwaru, u fl-istess kitbiet tiegħu, ma nsibu l-ebda riferimenti ċari jew espliċiti dwar il-misteru tat-Tnissil bla Tebgħa.  Din il-verità, kif nafu, ġiet żviluppata aktar tard mill-iskola Franġiskana.  Minkejja dan, fi żmien san Franġisk kienet diġà teżisti ċ-ċelebrazzjoni tal-festa tat-Tnissil ta’ Marija. Din kienet festa antika li sabet il-bidu tagħha fi ħdan il-monasteri tal-Palestina fis-seklu sebgħa.  Ta’ min jinnota, iżda, li l-oġġett ta’ din iċ-ċelebrazzjoni tat-Tnissil ta’ Marija m’hux l-istess bħal dak tal-festa tat-Tnissil bla Tebgħa li niċċelebraw fi żmienna nhar it-8 ta’ Diċembru ta’ kull sena.  Fiż-Żminijiet tan-Nofs kienu jiċċelebraw il-festa tal-Kunċizzjoni ta’ Marija nhar it-8 ta’ Diċembru, iżda mingħajr ma kienu jiddiskutu l-fatt tat-Tnissil bla tebgħa. L-istess kif kienu jiċċelebraw it-Tnissil ta’ Ġwanni l-Battista nhar l-24 ta’ Settembru u fl-24 ta' Ġunju mbagħad kienu jiċċelebraw il-festa tat-twelid tiegħu.  Kellhom jgħaddu aktar minn sitt sekli mill-mewt ta’ san Franġisk qabel ma l-papa Piju IX ipproklama permezz tal-kostituzzjoni Ineffabilis Deus “il-Mara liebsa x-xemx” mingħajr l-ebda dnub oriġinali, kollha kemm hi pura u Immakulata.  Id-domma ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni ġġib id-data tat-8 ta’ Diċembru 1854, li din is-sena qed niċċelebraw il-mija u ħamsin sena mill-proklamazzjoni tagħha.  Kien wara din id-data storika li l-festa tat-Tnissil ta’ Marija li kienet iċċelebrata fi żmien san Franġisk saret il-festa tat-Tnissil bla Tebgħa u li issa l-Knisja tpoġġi quddiema għar-riflessjoni tagħna lkoll.

 


Franġisku, Prekursur tad-Domma


Jidher ċar li fi żmien Franġisku kien għadu ma jeżistix it-terminu “Immakualta Kunċizzjoni”.  Minkejja dan kollu, inħossni konvint li san Franġisk kien iħares lejn Marija bl-għajnejn ta’ qalbu fil-ġabra tat-talb tiegħu.  F’waħda mit-talbiet tiegħu Franġisku jinfexx f’għana ta’ tifħir, stagħġib u radd il-ħajr lil Alla talli tana omm bħalma tana.  “Għall-unur ta’ Marija”, jirrakkonta Tumas ta’ Celeno, “Franġisk kien ikanta tifħir partikulari, jgħolli ’l fuq talb, u joffri għożża hekk kbira li l-ilsien tal-bniedem lanqas biss jista’ jfisser” (2 Cel 198).

 

Lil san Franġisk nistgħu nqisuh bħala dak li ħejja t-triq għad-domma ta’ l-Immakulata.  Il-Qaddis ta’ Assisi kien xettel rapport ta’ mħabba singulari ma’ Marija u kien iqimha bħala “dik li nisslet il-Verb, il-mimlija bil-grazzja u bil-verità (Leg. M. 3).  Infatti s-sens ewlieni tad-domma li pproklamat il-Knisja fl-1854 kif rajna aktar ’il fuq, jinsab miġbur fl-espressjoni tat-tħabbira ta’ l-anġlu lil Marija: “mimlija bil-grazzja”, espressjoni li kienet tant għal qalb Franġisku.  Filfatt Franġisku kien isellem lill-Verġni Marija b’mod personali: “Int li fik kien hemm u hemm il-milja tal-grazzja u kull ma hu tajjeb”.

 

Jekk wieħed iqalleb il-kitbiet ta’ san Franġisk kif ukoll dawk li kitbu dwaru l-ewwel kittieba, żgur jiltaqa’ ma’ għadd ta’ xbihat ta’ Marija.  Fit-Tislima li kiteb lill-Beata Verġni Marija, Marija hija “s-Sinjura qaddisa, Reġina qaddisa, l-omm ta’ Alla”.  Franġisku kien isejjaħ lil Marija: “Verġni magħmula Knisja u magħżula mill-Missier qaddis tas-sema u minnu kkonsagrata, flimkien ma’ l-iben waħdieni u qaddis tiegħu u ma’ l-Ispirtu Santu Paraklitu”.  Il-qaddis Fqajjar ta’ Assisi kien jaf li l-kobor ta’ Marija jinsab fir-rabta tagħha mat-Trinità li “għażlitha” u “kkonsagratha”.  Marija ma kinitx magħżula għax kienet qaddisa, anzi, il-qdusija tagħha hija frott ta’ l-għażla u l-konsagrazzjoni li saritilha u għaldaqstant għall-predestinazzjoni li tagħha saret oġġett.

 

Jidher li t-titli li Franġisku jagħti lil Marija ma humiex biżżejjed biex ifisser il-kobor tagħha.  Għaldaqstant Franġisk joħloq oħrajn ġodda.  X’jagħmel?  Franġisku jissellef l-“Ave” ta’ l-anġlu ħabbar u jissokta joħloq f’forma qisha ta’ litanija t-tislim tiegħu lill-maternità ta’ Marija.  Araw x’jgħidilha: “Ave Palazz tiegħu, Ave Tabernaklu tiegħu, Ave Dar tiegħu, Ave Lbies tiegħu, Ave Qaddejja tiegħu, Ave Omm tiegħu”.  Huma kollha kemm huma titli li Franġisku seta’ jagħtihom biss lil dik li hija “mimlija bil-grazzja” u għalhekk “qaddisa” u “Immakulata”.

 

Franġisku jesprimi t-twemmin tiegħu f’talba li nsibu fil-kapitlu tlieta u għoxrin tar-Regola mhux Bullata.  F’din it-talba waqt li Franġisku jrodd ħajr lil Alla għall-ħidma tiegħu tas-salvazzjoni, jitfa’ l-aċċent fuq il-Verġni Marija.  Franġisku jistqarr: “O Alla setgħani, l-aktar qaddis, Alla kbir u li tista’ kollox...  aħna rroddulek ħajr għax kif ħlaqtna permezz ta’ ibnek, hekk ukoll permezz ta’ l-imħabba qaddisa tiegħek, li biha ħabbejtna, ridt li hu jitwieled għalina, bħala veru Alla u veru bniedem mill-glorjuża dejjem verġni, qaddisa u mbierka Marija” (Rnb 23:1-3).

 

Minn din it-talba nistgħu nifhmu kif Franġisku kien daħal fil-misteru profond ta’ Marija bħala mara marbuta kollha kemm hi mat-Trinità Qaddisa.  Din ir-rabta ta’ Marija mat-Trinità tidher fit-Tislima lill-Verġni Mbierka li Franġisku kiteb bħala antifona fil-bidu u fit-tmiem ta’ kull salm ta’ l-Uffiċċju tal-Passjoni, li kif nafu fassal bħala talba ta’ kuljum għall-aħwa tal-bidu.  Hekku l-kliem ta’ Franġisku: “Qaddisa Verġni Marija, minn fost in-nisa ma twieldet qatt oħra bħalek”.  U hekku kif Franġisku jkompli jpinġi u jisfuma b’kuluri sbieħ il-figura ta’ Marija fil-gwarniċ Trinitarju: “Int il-bint u l-qaddejja tas-Sultan il-Kbir l-aktar għoli u tal-Missier tas-sema, int l-omm tal-Mulej qaddis tagħna Ġesù Kristu, int l-għarusa ta’ l-Ispirtu s-Santu”.

 


Franġisku u t-titli lil Marija


It-titli li Franġisku jagħti lil Marija jwassluna biex naħsbu fuq kollox fl-opra li Alla wettaq f’Marija sabiex din il-ħlejqa umli tkun disponibbli kollha kemm hi għall-opra tat-Trinità.  Ta’ min jinnota li t-titlu “Bint u Qaddejja tal-Missier” u dak ta’ “Omm tal-Mulej Qaddis tagħna Ġesù Kristu”, kienu magħrufa sewwa mit-tradizzjoni ta’ żmien san Franġisk, filwaqt li t-titlu ta’ “Għarusa ta’ l-Ispirtu s-Santu” jidher li kien użat minn Franġisku nnifsu għall-ewwel darba.

 

Dan l-artiklu ċkejken mhux mifhum li jkun xi spazju għall-approfondiment spiritwali.  Lanqas mhu mifhum li jkun xi trattat teoloġiku dwar it-titli użati minn Franġisku dwar l-omm ta’ Ġesù.  Minkejja dan, minn dak li għidt nistgħu naslu biex nikkonkludu li fi Franġisku kienet tonqos biss il-frażi ċara li aktar tard ġiet ifformulata bit-titlu ta’ “l-Immakulata Kunċizzjoni ta’ Marija”. 

 

Ir-rabta li hemm bejn it-titlu “Għarusa ta’ l-Ispirtu s-Santu” u l-misteru ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni qiegħda fil-fatt li b’dan it-titlu Franġisku bħal donnu għolla l-velu li kien jostor ir-rabta ta’ l-għaġeb li għandha Marija mal-Persuni divini tat-Trinità Qaddisa.

 


Ngħixu mill-ġdid l-esperjenza ta’ Franġisku


M’għandniex għalfejn nistagħġbu wisq li Duns Scotu u t-teoloġi l-oħra li kibru u ġew iffurmati fl-iskola ta’ Franġisku u li taw is-sehem tagħhom fil-kawża ta’ l-Immakulata, poġġew f’termini teoloġiċi ċari u eżatti lill-misteru ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni ta’ Marija.  Dak li għamlu kien li komplew fuq il-passi tal-kontemplazzjoni mistika ta’ l-imgħallem u fundatur tagħhom san Franġisk.

Bla dubju l-impenn tas-segwaċi ta’ Franġisku matul il-medda taż-żmien favur il-kawża u d-difiża ta’ l-Immakulata ta kontribut kbir għall-proklamazzjoni solenni tad-domma. 

 

L-impenn ta’ dawn il-Franġiskani huwa stedina u fl-istess waqt mudell għalina ta’ kif aħna wkoll nistgħu ndawru ħarsitna fuq Marija ħalli aħna nkunu nistgħu ngħixu llum l-esperjenza ta’ san Franġisk.

 

Dawk li huma parti mill-familja Franġiskana kif ukoll dawk li jridu jimxu fuq il-passi tal-Qaddis ta’ Assisi, huma msejħa biex iqimu l-Verġni Marija fil-misteru tat-Tnissil bla Tebgħa u biex iqisuha bħala l-patruna speċjali ta’ l-Ordni Franġiskan.  Huma mħeġġa wkoll biex ixerrdu bil-ħeġġa kollha ta’ qalbhom il-kult ta’ dan il-misteru kif għamlu dawk ta’ qabilhom.

 

F’għaqda u sintonija ma’ l-ispirtu ta’ san Franġisk fil-knejjes kollha mmexxija mill-ulied tal-Fqajjar ta’ Assisi,  din is-sena b'mod speċjali fl-okkażjoni tal-mija u ħamsin sena mill-proklamazzjoni tad-domma, ser jinxtegħlu l-ispotlights fuq l-istatwa devota ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni.

 

Din is-sena wkoll il-gwardjani flimkien mal-komunitajiet tal-patrijiet qed jistiednu lil kulħadd biex jieħu sehem f’din il-festa bl-akbar solennità.  Kulħadd – u fost dawn hemm int ukoll – huwa mistieden biex idawwar il-ħarsa fuq il-Verġni Marija, l-Immakulata Kunċizzjoni.

 

Ix-xbieha tat-Tnissil bla tebgħa ta’ Marija trid tfakkar lilna lkoll kemm aħna li Alla għażel lilna wkoll biex bħal Marija “jkunu qaddisa u bla tebgħa quddiemu fl-imħabba” (Efes 1:4).


Dan l-artiklu ta' Fr Thomas deher l-ewwel darba bit-taljan bit-titlu Gli occhi sulla Vergine Immacolata fir-rivista San Francesco Patrono d'Italia, Basilica di San Francesco Assisi, n.12 Diċembru 2002, p18. l-verżjoni bil-malti ta' dan  l-artiklu deher bit-titlu L-“Ispotlights” fuq l -Immakulata fir-Rivista: Tota Pulchra, Ktejjeb-Tifkira tal-Festa ta' l-Immakulata Kunċizzjoni 2003, Nru 22, Franġiskani Konventwali - Victoria Għawdex, p.46.  Hawnhekk l-artiklu sarlu xi rtokki żgħar fid-dati.

Valletta: 22.2.2004


 

Talba ta'

San Franġisk

lil Marija

 

Qaddisa Verġni Marija

minn fost

in-nisa ma twieldet qatt oħra bħalek.

Int il-bint

u l-qaddejja

tas-Sultan

il-Kbir

l-aktar għoli

u tal-Missier

tas-sema,

Int l-omm

 tal-Mulej Qaddis tagħna

Ġesù Kristu,

Int

l-għarusa

ta’

l-Ispirtu

s-Santu.