San Franġisk  - artikli  

 

<<|werrej|>>


Franġisku u l-Misteru ta' l-Inkarnazzjoni

Il-Misteru ta' l-Inkarnazzjoni fil-ħsieb ta' San Franġisk


 kitba ta' George Aquilina OFM


Il-Misteru ta' l-Inkarnazzjoni

"Il-miġja mis-Sema ta' dan il-Verb tal-Missier, hekk meqjum, qaddis u msebbaħ, kienet imħabbra mill-Missier l-Aktar Għoli nnifsu, permezz ta' l-Arkanġlu Gabrijel lill-Imqaddsa u glorjuża Verġni Marija. Mill-ġuf tagħna ħa ġisem veru bħal tagħna u jbes l-istess dgħufija tagħna l-bnedmin" (II Ittra lill-Insara, 4). Dan il-kliem waħdu jurina x'importanza San Franġisk kien jagħti lill-misteru ta' Alla magħmul bniedem. Kliem meqjus u preċiż. L-Iben ta' Alla maħbub sa minn dejjem, jibes ġisem dgħajjef bħal tagħna. Sar bniedem bħalna f'kollox barra mid-dnub, imma fl-istess waqt, hu l-Verb hekk meqjum, qaddis u msebbaħ, mingħajr ebda riserva jew tnaqqis.

 

Għalhekk, fl-Inkarnazzjoni ta' l-Iben, Alla jidher lill-bniedem (Alla żar lill-poplu tiegħu). San Franġisk dan jinnotah sew fil-kliem tal-Bibbja meta jistqarr: "Il-Missier jgħammar f'dawl li ħadd ma jista' jersaq lejh (Tim 6,16), u Alla huwa spirtu (Ġw 4,24), u lil Alla ħadd qatt ma rah (Ġw 1,18)". L-imħabba tiegħu lejna ġabitu f'għamla ta' bniedem bħalna, għamla li tidher, biex aħna nistgħu narawh u nagħrfuh. Ma riedx iħallina fl-inċertezza, lanqas fil-ħsieb limitat ta' moħħna. L-imħabba-tiegħu wasslitu li jsib il-mezz sempliċi li kulħadd jista' jarah u jduq din l-imħabba tiegħu. Ta' dan San Franġisk jinfexx f'att ta' ringrazzjament: "U nroddulek ħajr għax, kif ħlaqtna permezz ta' l-Iben tiegħek, hekk ukoll bl-imħabba qaddisa tiegħek li biha ħabbejtna (Ġw 17,26) ridt li Hu jitwieled, Alla veru u Bniedem veru, mill-glorjuża dejjem Verġni u l-aktar ħienja, l-imqaddsa Marija" (RegNB 23,3). Hekk il-qaddis jurina ċar il-mezz biex nagħrfu l-imħabba ta' Alla: "Lid-dixxipli tiegħu l-Mulej Ġesù jgħidilhom: Jiena hu t-Triq, il-Verita u l-Ħajja. Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi. Kieku għaraftu lili, kontu tagħrfu wkoll lil Missieri. Minn issa 'l quddiem tagħfuh, anzi diġà rajtuh. Qallu Filippu: Mulej urina l-Missier u jkun biżżejjed għalina. Ġesù wieġbu: Ili daqshekk magħkom, Filippu, u għadek ma għaraftnix? Min ra lili ra lill-Missier" (Ġw 14,6-9).

 

Għal San Franġisk dan mhux kliem li jtennih għaliex sempliċement qiegħed fil-Vanġelu. Qabel xejn kellu f'moħħu l-grazzja kbira li ingħatatilna permezz ta' l-Inkarnazzjoni: Kristu għalina hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja. L-Iben ta' Alla magħmul bniedem hu l-Verità li tiddi li fiha nistgħu nagħrfu lill-Missier, it-Triq żgura li twassal għand il-Missier li jgħammar f'dawl li lejh ħadd ma jista' jersaq, ilajja li twassal sa għand Alla li hu spirtu u li ħadd qatt ma rah. F'Ġesù Alla hu hekk viċin tagħna, hekk li fih Alla jsir rejaltà li tmissha.

 

Imma għal San Franġisk il-grazzja ta' l-Inkarnazzjoni tidher wisq aktar fl-imġieba ta' bejnietna u f'dik ta' Kristu: "kull ma għamiltu ma' wieħed fost dawn ħuti għamiltuh miegħi". Difatti l-qaddis jasal li jħobb u jqim lill-Verġni Marija għaliex permezz tagħna s-sultan tal-glorja sar ħuna (II Cel 198).

 

L-Inkarnazzjoni ma fetħitx sempliċement it-triq li twassal sa għand Alla, imma tatna wkoll il-possibilità li nsiru ħaġa waħda fi Kristu. Il-għaqda ta' l-ulied mal-Missier tas-sema, hija grazzja hekk kbira għal San Franġisk, li jtenni: "O kemm hi ħaġa glorjuża, qaddisa u kbira li jkollna Missier fis-sema!...0 kemm hi ħaġa qaddisa, u ta' għożża, magħġuba u umli, ta' sliem u ħlewwa u tjubija, kemm hi ħaġa ta' min jixtiegħa fuq kull ħaġa oħra, li jkollna lil dan bħala Ħuna" (II Ittra lill-Insara, 54). Ninnutaw li l-qaddis bħal donnu qed ifittex l-aħjar kliem biex jesprimi l-ferħ ta' qalbu għal dan id-don u grazzja.

 

Ir-rikonoxxenza ta' San Franġisk

għall-grazzja ta' l-Inkarnazzjoni

Il-grazzja ta' l-Inkarnazzjoni hi waħda ta' kobor bla qjies, u l-kobor ta' l-imħabba ta' Alla lejna hi wkoll misteru. Hekk jiġi li l-obbliġu tagħna ta' ringrazzjament lanqas ma għandu jkun nieqes. Franġisku ma kienx jieqaf irodd il-ħajr għal din il-grazzja: "Ifirħu f'Alla, l-għajnuna tagħna; għandu bil-ferħ lill-Mulej, Alla ħaj u veru, b'leħen ta' hena ... Għax il-Missier l-aktar qaddis tas-sema, Sultan tagħna, sa minn qabel iż-żminijiet, bagħat mill-għoli 'l-Ibun l-maħbub; u twieled mill-imqaddsa Xebba, il-Qaddisa Marija. Dakinhar il-Mulej wera l-ħniena tiegħu, u mal-lejl dwiet il-għanja tiegħu. Dan hu l-Jum li għamel il-Mulej: nifirħu u nithennew fih ... Jifirħu s-smewwiet u tithenna l-art; imewweġ imħarrek il-baħar fil-milja tiegħu; jifirħu l-għelieqi u kull ma fihom. Għannulu għanja ġdida; ħa tgħanni lill-Mulej f'art kollha" (Uffiċċju tal-Passjoni, Salm 15 għal Żmien il-Milied). Għanja ta' radd il-ħajr bħal din, toħroġ biss minn fomm min ikun daħal sa ġewwanett fil-kontemplazzjoni ta' dan il-misteru, hekk li jitlob lill-ħolqien biex dan jingħaqad miegħu.

 

Ninnutaw ukoll li mhux biss bil-kliem wera din il-verità, imma bil-ħajja tiegħu kollha, li kienet offerta ta' ringrazzjament bla tmiem. "L-umiltà ta' Alla li dehret fl-Inkarnazzjoni - jgħidilna Celano - u l-imħabba tal-Passjoni kienu tant imdaħħla f'moħħu, li diffiċilment kien jirnexxilu jaħseb f'ħaġa oħra" (1 Cel 84). U Santa Klara, li fehmet sew il-ħsieb ta' Franġisku, ittenni: "Il-missier l-aktar qaddis tagħna Franġisku, li mexa fuq il-passi tiegħu ... sakemm dam ħaj b'ebda mod ma tbiegħed minnu, la bil-kliem u lanqas bil-ħajja li għex" (TestCl 33).

 

Ma nistgħux ma napprezzawx din l-imħabba li Alla wera lejna permezz ta' Ibnu jekk ma nġorruhx f'qalbna, u ma nqisux ruħna bħala ħutu u wlied l-istess Missier; għaliex Kristu mhux biss il-verità, id-"Dawl veru", it-Triq, il-"Għerf spiritwali", imma wkoll hu l-ħajja li l-bniedem għandu jkollu fih innifsu. U Franġisku jitlob biex dan iseħħ. "Missier qaddis, ħarishom f'ismek lil dawk li tajtni ... berikhom u qaddishom. U rrid, Missier, li dawk li tajtni jkunu huma wkoll miegħi fejn inkun jiena, biex jaraw il-glorja li inti tajtni fis-saltna tiegħek" (II Ittra lill-Insara, 54).

<<|werrej|>>


Dan ir-rakkont deher fir-Rivista ta' Kultura Franġiskana, Spirtu u Ħajja, nru 62 Ottubru - Diċembru, 2002, 22-23.

Assisi 13.7.2003


 

San Franġisk kien jagħti

importanza

kbira

lill-misteru ta' Alla magħmul bniedem.