Kultura Frangiskana - Storja

 

<<|werrej|>>


Frate Jacoba

mara, nobbli, miżżewġa, omm u armla b’qalb Franġiskana


Kitba ta’ Fr Thomas Calleja ofmconv.


Frate Jacoba  

Jacoba dei Settesoli hija l-unika mara li kellha x-xorti li tkun preżenti waqt il-mewt ta’ San Franġisk wara nżul ix-xemx ta’ nhar is-Sibt 3 ta’ Ottubru 1226. Hija wkoll l-unika mara li tinsab midfuna fil-kripta ħdejn il-qabar ta’ San Franġisk.  Min kienet din l-mara li messitha grazzja hekk kbira?

 

Jacoba (jew Giacomina) kienet mara nobbli Rumana bint familja ta’ nisel Normann. Kienet miżżewwġa lill-Konti Graziano dei Frangipane, magħruf bħala s-Sinjur tal-Kastell ta’ Marino u proprjetarju tas-Septizomoni (jew Settisolio jew Sette soli) f’Ruma. Kien mill-isem ta’ din il-proprjetà li n-nies kienu bdew isejħulha Dama dei Sette Soli jew Jacoba dei Settesoli. Dwar ħajjet Jacoba ma nafux wisq. Nafu, iżda, li daħlet fix-xena tal-ħajja tal-Qaddis Franġisku fiż-żmien meta dan iż-żagħżugħ ta’ Assisi kien għadu qed jagħti l-ewwel passi tiegħu fil-mixja wara Kristu fit-triq tal-faqar Evanġeliku.

 

Mill-kalkoli li għamlu l-istudjużi dwar din il-mara, nistgħu ngħidu li Jacoba twieldet lejn is-sena 1190, bejn wieħed u ieħor meta t-tfajjel Franġisku kellu diġà madwar tmien snin. L-ewwel dokumenti li jitkellmu dwarha jmorru lura lejn is-sena 1210. Dawn jgħidu li Jacoba kienet ġa miżżewġa lil Graziano u omm ta’ żewġ ulied, Giovanni u Graziano (uħud jgħidu li t-tieni tifel kien jismu Giacomo). Dwar żewġha lanqas ma nafu wisq. Nafu li miet fl-1212 f’età żgħira u ħalla lil martu armla u amministratriċi ta’ l-artijiet u tal-kastelli li kellhom mifruxa ma’ Ruma u ma’ l-inħawi Rumani ta’ Astura u Cisterna.  

 

Jacoba kienet mara ta’ karattru qawwi ħafna. Għalkemm żagħżugħa kienet għarfet tgħaqqad flimkien il-ħajja spiritwali li toħroġ mill-messaġġ tal-Vanġelu mal-ħajja materjali u ammistrattiva tal-ġid li ħallielha żewgha. Kienet mara tar-ruħ u devota, b’qalb kbira u lesta tagħtiha u taqsamha mal-foqra, mal-morda u ma’ kull minn kien fil-bżonn fosthom Franġisku u l-irħieb sħabu.

 

Imsejħa “Frate Jacoba

Fl-1209 lejn ix-xahar ta’ April Franġisku wasal Ruma biex jikseb mingħand il-Papa Innocenz III l-approvazzjoni tar-regula li kien għadu kemm fassal għalih u għall-aħwa li kienu nġabru madwaru u li xtaqu bħalu jgħixu l-Vanġelu. Waqt li kien Ruma lil Franġisku mhux kollox ġieh dritt u lixx. Minn naħa sab bsaten fir-roti min-naħa ta’ xi rjus kbar tal-Kurja Rumana. Iżda mill-oħra sab daqqa t’id u appoġġ mingħand għadd ta’ ħbieb fost dawn il-Kardinal Giovanni Colonna, isqof ta’ Sabina u l-Kardinal Ugolino, isqof ta’ Ostia, li mbagħad sar Papa bl-isem ta’ Girgor IX. Flimkien ma’ dawn ta’ l-aħħar Franġisku sab għajnuna mill-mara twajba Jacoba dei Settesoli. Din kienet iżżomm lilu lil ħutu l-patrijiet fid-dar tagħha u ddur bihom fil-bżonnijiet. Din il-mara hija miżmuma bħala waħda mill-benefatturi bikrin ta’ l-Ordni Franġiskan.

 

Hemm min iżomm li Jacoba kellha sehem fl-ispirazzjoni ta’ San Franġisk li jwaqqaf it-Terz Ordni fl-1221. L-istess kif qabel Klara ta’ Assisi, kienet qanqlet lill-Qaddis biex iwaqqaf l-Ordni monastiku Franġiskan femminili fl-1215, li wara sar magħruf bħala l-Ordni ta’ Santa Klara. Kien matul t-tielet vjaġġ tiegħu f’Ruma, li Franġisku kellu rabtiet aktar sodi ma’ din il-mara nobbli Rumana, armla u omm, biex jitwaqqaf it-Terz Ordni li mbagħad bierku l-Papa Onorju III. Min-naħa tiegħu Franġisku għaraf il-kwalitajiet u l-qawwa tar-ruħ u l-integrità ta’ din il-mara żagħżugħa. Franġisku ħabbha bħala ħabiba tiegħu u ta’ ħutu l-patrijiet. Għażel li jsejħilha mhux tant “Sinjura” jew “Domina”, kif kienu jissejħu n-nisa nobbli ta’ żmienu, imma sejħilha bl-isem familjari ta’ “Frate Jacoba”. Kien iqisha waħda minn ħutu. Minħabba li kienet tant soda u qawwija fil-karattru tagħha kien għażel li jsejħilha bl-isem maskili ta’ “Frate”.

 

Familjarità ma’ Franġisku

Il-familjarità ta’ Frate Jacoba ma’ San Franġisk kienet magħrufa minn kulħadd u waslet għandna mill-kronaki u mill-kitbiet Franġiskani tal-bidu. Meta kien Ruma Franġisku kien mistieden aktar minn darba għand din is-segwaċi fidila tiegħu biex joqgħod għandha flimkien ma’ sħabu. Skond il-Legenda Maior mitkuba minn San Bonaventura, waqt waħda mill-waqfiet tiegħu f’Ruma, Franġisku kien qala’ ħaruf, u tah lil Frate Jacoba biex tieħu ħsiebu. Dan l-imbierek ħaruf ġwejjed ma kien iwarrab qatt minn djul din il-mara, kien jimxi warajha fid-dar, barra u kull fejn tmur. Jekk filgħodu s-sinjura kienet iddum xi ftit ma tqum din il-ħliqa ċkejkna kienet titla’ fuq il-friex u tqajjem lil Frate Jacoba billi tmissha bil-qrun ċkejken u bil-karba ħelwa tagħha biex b’hekk tagħmlilha sinjal u tħeġġiġha tħaffef lejn il-knisja għall-quddiesa fil-ħin. Waqt li is-Sinjura kienet tkun fil-knisja tisma’ l-quddies, il-ħaruf kien joqgħod jistenna barra fuq iz-zuntier tal-knisja. Ta’ kull sena meta kienet tqarweż il-ħaruf Jacoba kienet iżżomm is-suf tiegħu sakemm kellha biżżejjed biex bih tagħmel tonka ġdida lil Franġisku. (LM VIII,7).

 

Jingħad li meta kien għadu ħaj Franġisku, Frate Jacoba kienet qabdet pittur biex ipitter kwadru tal-Qaddis. Dan il-kwadru huwa miżmum fil-kunvent ta’ Greccio. Fuq il-kwadru hemm kitba li tgħid: “veru ritratt tal-Missier Serafiku San Franġisk ta’ Assisi, li kien imqabbad isir mill-mara nobbli Rumana Giacoba dei Settesoli.

 

Ma’ Franġisku fl-aħħar ta’ ħajtu

Il-beatu Tumas ta’ Celano jiddedika l-kapitlu VI tat-Trattat tal-Mirakli kollu kemm hu lil Jacoba dei Settesoli. Fost l-oħrajn jirrakkonta dwar kif meta Franġisku kien qorob lejn it-tmiem ta’ ħajtu sejjaħ wieħed mill-patrijiet u qallu: “Inti taf is-Sinjura Jacoba dei Settesoli, mara li ġġib ħafna rispett lill-Ordni tagħna, li kellha tkun taf bil-mewt tiegħi u ma tkunx preżenti hawn ħdejja, żgur li jisgħobbiha ħafna.” Il-qaddis issokta jgħidlu, “għarrafha u għidilha li jekk trid tilħaqni ħaj tħaffef tiġi.” Il-qaddis talab lil patri jġib il-karti, pinna u klamar biex jikteb ittra lis-sinjura Jacoba. Fost affarijiet oħra fl-ittra Franġisku talabha tiġi minnufih u ġġib magħha d-drapp lewn l-irmied biex jitkeffen fih, għadd ta’ xemgħat li jkun hemm bżonn għad-difna, maktur biex tgħattilu wiċċu bih, imħadda għal taħt rasu u fl-aħħarnett talabha ġġib magħha mill-ħelu li kienet tagħmillu meta kien iżurha f’Ruma.

 

Ħaġa ta’ l-iskantament, hekk kif Franġisku temm jiddetta l-ittra tiegħu tinstema’ taħbita fuq il-bieb tal-post fejn kienu qegħdin. Kulħadd stagħġeb. Kienet Frate Jacoba! Imnebbħa minn Alla fit-talb li ħajjet Franġisku kienet waslet fit-tmiem, ġabret xi affarijiet meħtieġa u flimkien maż-żewġ uliedha u għadd ta’ rġiel rekbin fuq iż-żwiemel telqet minn Ruma u rħitilha lejn Assisi. L-istagħġib kompla żdied meta raw li is-sinjura Rumana kienet ġiebet magħha dak kollu li xtaq Franġisku. Fosthom id-drapp lewn l-irmied għat-tkeffin u l-mostaccioli, il-ħelu tal-lewż u l-għasel li Franġisku kien tant kien iħobb. L-awturi tal-Fjuretti fir-Raba’ Konsiderazzjoni fuq l-Istimmati Mqaddsa jkomplu jirrakkuntaw li wara li tatu jiekol gidma minn dan il-ħelu Jacoba nxteħtet għarkobbtejha f’riġlejn San Franġisk u ħaddnet dawk ir-riġlejn immarkati u mżejnin bil-pjagi ta’ Kristu. B’qima kbira bdiet tbushom u xxarrabhom bid-dmugħ, tant li l-aħwa li kienu hemm ħasbu li qed jaraw lil Maddalena f’riġlejn Ġesù. Frate Jacoba baqgħet hemm ħdejn Franġisku fil-knisja ċkejkna ta’ Santa Marija ta’ l-Anġli sakemm ruħ il-Qaddis ingħaqdet ma’ Oħtu l-Mewt u ttajret hienja lejn is-sema.

 

Il-Fjuretti jirrakkuntaw ukoll li Jacoba ħadet ħsieb tħallas minn butha l-ispejjeż tal-funeral ta’ San Franġisk. 

 

L-aħħar snin ta’ ħajjitha

Wara l-funeral jingħad li Jacoba marret lura Ruma fejn għexet għal madwar tlettax-il sena mogħtija għall-ħajja ta’ karità u ħniena mal-foqra. Jacoba baqgħet iżżomm rabta mill-qrib mal-patrijiet u tgħinhom mill-aħjar li tista’. L-ewwel kunvent Franġiskan f’Ruma kien l-isptar ta’ San Biagio vicin Trastevere, li skond t-tradizzjoni twaqqaf minn Jacoba nfisha u li aktar tard inbidel fil-kunvent ta’ San Francesco a Ripa u mogħti lill-patrijiet fl-1231.

 

Ftit anqas minn sentejn wara l-mewt ta’ Franġisku Frate Jacoba terġa’ żżur il-Belt tant għażiża ta’ Assisi. Ma setax jonqos li din il-mara b’qalb hekk Franġiskana ma tkunx mill-ġdid f’Assisi nhar is-16 ta’ Lulju 1228. Dak in-nhar, bla dubju kienet fil-Pjazza ta’ San Ġorġ biex tassisti ghall-kanonizzazzjoni ta’ San Franġisk mill-Papa Girgor IX. Bla dubju wkoll li l-għada Frate Jacoba kienet fost il-folla preżenti biex tassisti għat-tqegħid u t-tberik ta’ l-ewwel ġebla tal-knisja li kellha tinbena f’ġieħ il-Qaddis il-ġdid. Biex jieħu ħsieb il-bini l-Papa ħalla f’idejn Fra Elija, patri li Frate Jacoba kienet tafu sewwa. Din il-knisja monumentali kellha tkun il-qabar tal-Qaddis u fl-istess waqt il-“Caput et Mater” (r-Ras u l-Omm) ta’ l-Ordni Franġiskan. Il-bini sar fuq għolja barra mill-ħitan tal-belt magħrufa bħala "colle dell’inferno". L-isem, dak in-nhar bix-xieraq inbidel f’dak ta' "colle del Paradiso" - il-Għolja tal-Ġenna. Ma jistax jonqos lanqas li Frate Jacoba kienet waħda minn ta’ l-ewwel li wieġbet l-appell tal-Papa Girgor u għamlet l-offerta tagħha tal-flus b’riżq il-bini ta’ din il-Knisja l-ġdida.

 

Ix-xogħol ta’ l-ewwel parti tal-bini tlesta f’qasir żmien. Infatti sentejn wara li tqiegħdet l-ewwel ġebla, il-Bażilka t’isfel kienet ġa lesta biex tilqa’ fiha l-fdalijiet tal-QaddisMa setax ikun lanqas li din il-ħabiba tal-qalb ta’ San Franġisk ma tergax tmur Assisi sentejn wara. Bla dubju kienet hemm dak in-nhar tal-25 ta’ Mejju 1230. Dak il-nhar, lejlet Għid il-Ħamsin saret it-traslazzjoni tal-ġisem ta’ San Franġisk mill-knisja ta’ San Ġorġ, fejn Frate Jacoba ratu jindifen ftit anqas minn erba’ snin qabel, għall-knisja li kienet għadha kemm tlestiet l-ewwel parti tagħha f’tarf il-belt. Dak in-nhar saret purċissjoni sabiħa mat-toroq tal-Belt bil-ġisem ta’ Franġisku fuq karru mħejji għall-okkażjoni miġbud mill-għoġiela fost il-kant, il-ferħ u ċ-ċapċip tal-folla li fiha kien hemm Frate Jacoba.

 

Jacoba wara li ħadet ħsieb tgħaddi ġidha kollu lil binha Giovanni, minħabba li binha Giacomo miet ftit snin qabel, baqgħet tgħix bħala terzjarja Franġiskana. Lejn l-aħħar snin ta’ ħajjitha Jacoba nġabret fil-belt ta’ Assisi. Minn din il-belt imbierka ruħ Frate Jacoba ttajret lejn is-sema fl-1239 meta kellha madwar 49 sena. Qabel il-laqgħa tagħha ma’ Oħtha l-Mewt Frate Jacoba kellha x-xorti tara l-bini tal-Bażilka ta’ San Franġisk kważi mitmum. Fl-1236 kienet lesta l-Bażilka ta’ fuq u fl-1239 intemm ukoll ix-xogħol fuq il-kampnar u ndaqqu għall-ewwel darba l-qniepen. Ma jistax jonqos li Frate Jacoba semgħet ukoll id-daqq ferrieħ ta’ dawn il-qniepen ġodda.

 

Qrib Franġisku wara mewtha

Fit-testment tagħha Frate Jacoba fost l-oħrajn ħalliet miktub ix-xewqa li wara mewtha tindifen qrib il-Qaddis maħbub tagħha Franġisku. Ix-xewqa tagħha ntemmet. Wara mewtha l-ġisem tagħha kien imqiegħed fil-Bażilka t’isfel ħdejn il-kappella ta’ San Stanislaw, sewwa sew taħt l-art ħdejn il-pulptu u viċin l-altar maġġur mibni fuq il-qabar ta’ San Franġisk. Mal-ħajt f’dan post sallum għad hemm affresk li sar mill-pittur famuż Cesare Sermei (1581-1668) li juri lil Frate Jacoba toffri l-libsa li kienet ħejjiet lil Franġisku mis-suf tal-ħaruf.

 

Aktar qrib tagħna fl-1932, wara li kien sar tiġdid fl-istrutturali tal-kripta li hemm taħt il-Bażilka t’isfel, il-fdal tal-ġisem ta’ Fra Jacoba nġarr għall-post ieħor. Nhar t-3 ta’ Ottubru 1932, lejlet il-festa ta’ San Franġisk, il-fdalijiet tagħha tqiegħdu f’urna u ttieħdu b’mod solenni biex jitpoġġu f’niċċa mħejjija apposta fl-indana li hemm fejn jiltaqgħu ż-żewġ turġien tal-kripta. In-niċċa fejn hemm il-ġisem tagħha qiegħda sewwa sew biswit il-qabar ta’ San Franġisk. Fuq l-urna hemm miktub l-isem Fr Jacopa de Septemsoli. Hemm ukoll kitba oħra li tgħid: “Hic requiescat Iacopa sancta nobilisque romana” (hawn tistrieħ Jacoba qaddisa u nobbli Rumana).

 

Il-pellegrini mid-dinja kollha li jżuru l-qabar ta’ San Franġisk jieqfu jsellmu lil din il-mara twajba u qaddisa. Mara li f’ħajjitha mxiet fuq il-passi ta’ Franġisku. Mara li għexet l-ispirtu tal-Vanġelu bħala miżżewga, bħala omm, bħala armla u bħala Terzjarja Franġiskana. Frate Jacoba l-unika mara li kienet preżenti waqt il-mewt tal-Fqajjar ta’ Assisi. Jacoba mxiet wara Franġisku sa wara mewtu. Il-mara waħdanija midfuna fl-istess Kripta ftit metri biss ’il bogħod minfejn hemm midfun San Franġisk.

 

<<|werrej|>>


Valletta: 18.3.2006


Jacopa dei Settesoli

1190-1239

 

l-unika mara li kellha

x-xorti li tkun preżenti waqt

il-mewt ta’ San Franġisk wara nżul

ix-xemx ta’ nhar is-Sibt

3 ta’ Ottubru 1226.

Hija wkoll

l-unika mara li tinsab midfuna

fil-kripta ħdejn

il-qabar

ta’ San Franġisk.

dettal

mill-affresk

li sar

mill-pittur famuż Cesare Sermei (1581-1668)

li juri lil Frate Jacoba