Kurzita' Frangiskana
 

<<|werrej|>>


Il-Kura tal-Morda u l-Frangiskani


Kitba ta' Dr Mario Saliba M.D.


Il-Ministeru tal-Kura tal-Morda u l-Franġiskani matul iż-Żminijiet.

Il-kura tal-morda u tal-batuti minn dejjem kienet parti integrali mit-tradizzjoni Franġiskana sa minn żmien San Franġisk stess. Franġisku kien igħannaq lil-lebbrużi u jbus il-ġisem sfigurat tagħhom. Il-kura tal-morda mhux biss kienet parti mix-xogħol manwali li kienu jagħmlu Franġisku u ħutu l-patrijiet imma ukoll kienet parti mill-ministeru tagħhom fl-imitazzjoni ta’ Kristu Msallab. Dominic Monti OFM jgħid li: “L-attitudni u l-imġieba ta’ kull Franġiskan lejn min huwa batut u marid hija turija tas-sejħa tagħna Evanġelika”.

 

Meta wieħed iqalleb ftit il-kotba ta’ l-istorja dwar il-ħajja tal-bidu ta’ Franġisku u Klara ta’ Assisi isib li dan il-moviment rivoluzzjonarju kien ta’ kuljum jaffronta l-mard, il-faqar u l-miżerja tal-ħajja ta’ kuljum ta’ dak iż-żmien. Studjużi ta’ dan il-moviment bħal William Short OFM igħidulna li l-kura tal-morda, speċjalment dawk fqar u marġinati, kienet il-kariżma l-iktar bażika ta’ dan il-moviment immexxi minn Franġisku u Klara1.

 

Ir-raġuni għaliex l-ewwel Franġiskani ħassew is-sejħa tal-ministeru tal-kura tal-morda hija waħda sempliċi. Huma għamlu l-istess bħalma għamel Kristu meta fejjaq lill-morda u għin lill-batut u laqa’ għandu lil kulħadd. Dan nistgħu narawh ċar fil-Għanja tal-Ħlejjaq  (Il Cantico delle Creature):

 

 Tkun imfaħħar Mulejja,

f’min lest jaħfer għal imħabbtek,

u f’min iġarrab mard u tbatija.

Hienja dawk li jġarrbu kollox fis-sliem…

Tkun imfaħħar,

Mulejja, f’oħtna l-mewt tal-ġisem,

li minnha l-ebda ħaj ma jista’ jaħrab (Ct C 10-12).

 

Franġisku u Klara flimkien ma’ ħuthom kienu igħixu din ir-realta’ ta’ kuljum. Huma kienu jiffaċjaw il-mard, il-faqar u l-mewt ta’ kuljum. Din kienet il-ħajja medjevali iebsa fejn kien hemm nuqqas ta’ kumdita’, mediċini u nuqqas ta’ ndafa peress li sistemi ta’ iġjene pubblika ma kinux jeżistu. Fiż-żminijiet tal-lum dan kollu jidher stramb u primittiv imma fil-ħajja ta’ dak iż-żmien din kienet ir-realta’ ta’ kuljum u Franġisku u sħabu kienu jridu jħabbtu wiċċhom magħha kuljum.

 

Fi żmien Franġisku wieħed minn kull żewġt itfal kien imut qabel ma jkollu għaxar snin. Minn dawk li jgħixu forsi wieħed minn kull tlieta kien igħix sa ħamsin. Analiżi xjentifika ta’ l-oqbra ta’ dak iż-żmien turi li ħamsa u sittin fil-mija tan-nisa u sitta u tletin fil-mija ta’ l-irġiel kienu jmutu qabel ma kien ikollhom ħamsa u tletin sena. Disgħa fil-mija biss minn dawk li kienu jindifnu kellhom sittin sena jew iktar2. Anke dawk privileġġjati li kellhom ħajja pjuttost komda u kellhom anke min jieħu ħsiebhom u ikel tajjeb ma kinux igħixu fit-tul. Ħadd mit-tnejn u għoxrin re ta’ Franza li għexu bejn s-sena 1000 u 1500 ma għex iktar minn sebgħin sena u fil-fatt tlieta biss għexu sa sittin3.

 

F’din l-informazzjoni f’idejna nistgħu nħarsu lejn Franġisku u Klara f’perspettiva differenti. Għalina li tmut bħal Franġisku ta’ ħamsa u erbgħin hija xi ħaġa krudila. Iżda għal dak iż-żmien din l-eta’ kienet xi ħaġa normali. Anzi kienu jqisuh fortunat li għex sa dik l-eta’! Klara li mietet ta’ sittin kienet ikkunsidrata bħala anzjana ħafna għal dak iż-żmien. Il-ħajja tan-nies ta’ żmien Franġisku u Klara mhux biss kienet qasira imma mimlija tbatija fiżika. Minkejja dan Franġisku kellu ħajja mimlija attivita’. Għalkemm kien jimrad b’xi mard mhux tant serju, minkejja l-fiżiku debboli li kellu, huwa kellu ħajja attiva ħafna. Kien jivvjaġġa bil-mixi distanzi twal ħafna u jitla’ wkoll fuq il-muntanji. Minbarra dan kien jagħmel perjodi twal ta’ sawm strett. Kien biss fl-aħħar sitt snin ta’ ħajtu li marad serjament u kien kostrett li jibqa’ fl-istess post. Nafu li San Franġisk għex f’San Damiano f’diversi perjodi. Nafu li fix-xitwa ta’ bejn l-1224  l-1225, meta kien marid gravi u kellu uġigħ kbir u kontinwu f’għajnejh huwa kien jitlob lil Alla biex itih il-kuraġġ u s-saħħa ħalli jissaporti dan l-uġigħ. Kien f’dan iż-żmien li kkompona l-ewwel parti tal-Cantico delle Creature fejn huwa irrefera għat-tbatijiet fiżiċi bħala “ħuti” u l-mewt bħala “oħti”. (It-tieni parti, li tittratta dwar dawk li jaħfru, inkiteb meta Franġisku ġieb il-paċi bejn l-Isqof u l-mexxej tal-Belt ta’ Assisi. L-aħħar parti ta’ dan l-innu sabiħ inkitbet fil-Porziuncola ftit qabel miet f’Ottubru ta’ l-1226).

 

Min-naħa l-oħra Klara kienet mara marradija kważi tul l-aħħar tletin sena ta’ ħajjitha4. Għal ħafna snin kienet kostretta li tibqa’ fis-sodda. L-aħħar snin ta’ ħajjitha Klara għaddiethom San Damiano sakemm mietet fil-11 ta’ Awissu 12535.

 

S’issa rajna lil Franġisk jaċċetta l-mard u t-tbatijiet tiegħu fl-ispirtu tal-Vanġelu. Iżda kif l-istoriku Raoul Manselli jgħid in-novita’ ta’ Franġisku kienet kif  huwa beda jħares lejn ħutu l-morda u l-foqra. Dik il-ħabta min kien fqir u marid kien jispiċċa barra l-ħitan tal-belt ta’ Assisi u kien jiddependi għal kollox min-nies sinjuri ta’ ġewwa l-belt. Franġisku għażel li jmur igħix barra l-ħitan tal-belt qalb dawn il-foqra u l-morda, anke dawk l-iktar morda, jiġifieri dawk li kellhom il-ġdiem. Din id-deċiżjoni ta’ Franġisku li jgħix qalb il-morda bil-ġdiem ma tantx niżlet tajjeb man-nies tal-klassi tan-nofs. Minkejja dan huwa sab li meta ddeċieda li jgħannaq lil dawn il-morda huwa sar privileġġjat u kiseb esperjenza ġdida u unika ta’ Alla. Għal Franġisku dawn il-morda kienu xhieda awtentika tat-tbatija ta’ Kristu. Huwa kien jirreferi għal-lebbrużi bħala “ħutna kristjani” (AC 64). Franġisku ma kienx isejjaħ lil kulħadd “kristjan” imma lil dawk biss li bil-fatti kienu xhieda ta’ Kristu b’mod speċjali.

 

Il-ħajja tal-Klawsura ma kenitx tippermetti li s-sorijiet ta’ Santa Klara joħorġu qalb in-nies morda biex igħinuhom. Dan in-“nuqqas” kienu jagħmlu tajjeb għalih il-Patrijiet Minuri li bħal missierhom Franġisku kienu involuti sa mill-bidu, fix-xogħol qalb il-morda, speċjalment il-lebbrużi. Dan ix-xogħol qalb il-morda kien isir ukoll minn Ordnijiet oħra Franġiskani fosthom il-Kapuċċini. Forsi xhieda ta’ dan huwa l-fatt li waqt il-pesta ta’ l-1630 -1631 fl-Ewropa, fl-Italja biss kienu mietu ħames mitt Kapuċċin li urew qlubija kbira meta baqgħu fl-ibliet jikkuraw u jieħdu ħsieb il-bżonnijiet spiritwali tan-nies waqt dawn iż-żminijiet koroh6.

 

Maż-żmien ix-xogħol tal-Franġiskani beda jkun iktar iffukat fuq il-qasam pastorali u spiritwali. Filwaqt li dak ta’ kura kien iktar magħmul minn membri tat-Tielet Ordni li bdew joktru fin-numru. Dawn il-membri ġodda Franġiskani huma nies minn kull qasam tal-ħajja li għażlu li jgħixu ħajja ta’ penitenza billi jiddedikaw ħajjithom għall-kura tal-morda fuq spirtu Franġiskan. Dawn kienu l-Franġiskani lajċi. Fost l-ewwel li mxew fuq din ir-regola kien hemm Eliżabetta ta’ l-Ungerija li kienet kanonizzata fl-1235. Il-Franġiskani Terzjarji xterdu ma’ l-Italja kollha. Ġo Firenze t-Terzjarji, li kienu jissejħu bonuomini, waqqfu sptar kbir San Paolo għall-kura tal-morda foqra. L-istess ġara fl-Ewropa ta’ Fuq fejn gruppi ta’ persuni nisa li kienu jissejħu beguinini kienu jagħmlu tista’ tgħid l-istess xogħol tal-bonuomini. Ix-xogħol ta’ dawn il-komunitajiet Franġiskani kien rikonoxxut mill-isfqijiet ta’ diversi postijiet u saż-Żminijiet tan-Nofs in-numru tagħhom kien kiber ġmielu.

 

Minħabba żmien ta’ taqlib soċjali u fatturi finanzjarji x-xogħol ta’ diversi Ordnijiet Terzjarji ħa daqqa lura bejn l-1400 u 1800. Fattur ieħor kien li dawn il-komunitajiet li kienu jaħdmu fi sptarijiet mal-morda kien imġiegħla josservaw iktar il-voti tagħhom reliġjużi. Għalhekk kienu kostretti li jillimitaw ix-xogħol tagħhom fl-isptarijiet mill-awtoritajiet tal-Knisja. Fl-1611 Apollina Rademacher waqqfet fil-Germanja komunita’ ġdida li l-membri tagħha kienu jaħdmu fi sptarijiet żgħar. Dawn ma kinux isejħu lilhom infushom reliġjużi iżda “soċjeta’ ta’ nisa twajba” biex b’hekk jevitaw il-liġi kanonika li kienet tirrestrinġihom li jgħixu f’kunvent. Fl-1622 din il-kongregazzjoni lajka kienet kibret mhux ħażin tant li l-awtoritajiet ċivili  fdaw f’idejn din il-kongregazzjoni t-tmexxija ta’ sptar kbir. Fuq dan l-eżempju nħolqu diversi kongregazzjonijiet oħra ta’ nisa lajċi li mexxew sptarijiet oħra kemm fl-Ewropa kif ukoll fl-Amerika.

 

Ir-Rivoluzzjoni Industrijali tas-Seklu Dsatax ġabet magħha ħafna tibdil fl-Ewropa tal-Punent. Eluf ta’ nies ħallew il-kampanja u resqu lejn l-ibliet il-kbar biex jaħdmu fil-fabbriki u l-minjieri tal-faħam. Il-Franġiskani ma’ baqgħux lura u huma wkoll organizzaw ruħhom biex ikunu jistgħu jilqgħu l-bżonnijiet soċjali u reliġjużi ta’ dawn il-komunitajiet ġodda. L-istess ġara fl-Istati Uniti ta’ l-Amerika fejn Franġiskani bdew jerġgħu jiftħu sptarijiet u knejjes7. Dawn l-isptarijiet Franġiskani kienu xempju ta’ kura mhux biss tal-mard fiżiku tal-bniedem imma kura tal-persuna sħiħa. Il-motto ta’ dawn l-isptarijiet kien li ma’ tistax tissepara l-bżonnijiet tal-ġisem mill-bżonnijiet tar-ruħ u għalhekk il-pazjent kien jingħata kura kompleta kemm tal-ġisem kif ukoll tar-ruħ. Dawn l-isptarijiet Kattoliċi kienu l-mudell ta’ sptarijiet oħra. Ir-reliġjużi ma setgħux jagħmlu x-xogħol kollu weħidhom.  Għalhekk bdew jinfetħu skejjel ta’ tagħlim għall-kura tal-morda li biż-żmien wasslu għan-Nursing Schools moderni.

 

Fil-perjodu ta’ bejn l-1870 u l-Ewwel Gwerra Dinjija (1914 -1918) in-numru ta’ dawn l-isptarijiet Kattoliċi fl-Istati Uniti ta’ L-Amerika żdied għal mitejn u ħamsin. Wieħed mill-aqwa sptarijiet fl-Amerika llum, il-Mayo Clinic ra l-bidu tiegħu lil Madre Alfred Moes li fl-1889 waqqfet sptar żgħir St Mary f’Rochester Minisota. Hija kienet avviċinat lil tabib Protestant Dr William Mayo biex igħin fil-ftuħ ta’ dan l-isptar. Biż-żmien dan l-isptar żgħir żviluppa f’dik l-istituzzjoni kbira ta’ kura medika, riċerka  u tagħlim fil-qasam mediku. Mayo Clinic hija magħrufa mad-dinja kollha. Fiha wieħed isib professuri, speċjalisti u tobba minn madwar id-dinja fosthom uħud mill-Gżejjer Maltin.

 

Fiż-żminijiet moderni dawn l-istutizzjonijiet Franġiskani kemm fl-Amerika u kemm fl-Ewropa inqabdu f’ambjent kumpless ta’ kompetittivita’ u żvilupp imgħaġġel fil-qasam mediku u tat-teknoloġija medika. It-tibdil soċjali ta’ wara it-Tieni Gwerra Dinjija (1939 – 1945) wassal għal żvilupp ieħor fil-qasam mediku fejn il-kura medika bdiet tkun patronizzata mill-istat bit-twaqqif ta’ Sistemi Nazzjonali tas-Saħħa. Biex tkompli iżżid il-kompetittivita’ nħolqu skemi privati tas-saħħa li komplew xejnu sehem il-kongregazzjonijiet reliġjużi u lajċi tal-Franġiskani.

 

Minkejja dan, il-Franġiskani xorta għadhom igawdu mill-passat glorjuż ta’ kura speċjalment fost il-fqar skond l-ispirtu Franġiskan. Hemm min igħid li l-istorja qed tirrepeti ruħha u erġajna ġejna għal żmien medjevali u l-bidu taż-żmien tan-Nofs. Hemm il-biża’ li l-isptarijiet Franġiskani mhux ser ikunu kapaċi jikkompetu mingħajr ma jitilfu l-identita’ tagħhom Franġiskana.  It-trend hija li individwi Franġiskani jkunu huma li jidħlu fil-qasam tal-kura u jwettqu l-missjoni tagħhom fuq bażi personali. Dan qed isir fl-isptarijiet tagħna minn Patrijiet Kapuċċini bħala kappillani. Barra minn Malta dan ix-xogħol pastorali qed isir ukoll fi sptarijiet kbar. Min-naħa l-oħra, hemm min isostni li dan mhux biżżejjed. Il-preżenża Franġiskana għandha tieħu forma oħra ta’ kura diretta u tmexxija ta’ istituzzjonijiet tas-saħħa billi tikkompeti direttament ma’ istituzzjonijiet privati u pubbliċi. Fuq dan mhux kulħadd jaqbel.  Din hija l-isfida tal-futur. L-għeruq kulħadd jafhom u kburi bihom u jistgħu jkunu ta’ għajnuna biex ikun iffaċċjat il-futur.

 

Referenzi:

1.William Short, OFM, Poverty and Joy: The Franciscan Tradition (Maryknoll, NY: Orbis Books, 1999), 34-35, 72-80.

2. Christopher Dyer, Standards of Living in the Later Middle Ages (Chambridge: University Press, 1989),192.

3. Robert II (970 -1031, irrenja 996 -1031), Louis VII (1120 – 1180, irrenja 1137 – 1180), u Louis XI (1423 – 1483, irrenja 1461 – 1483).

4. Joanne Schatzlein, “The Implications of Fasting and Illness in the Death of Clare of Assisi,” (St Bonaventure, NY: The Franciscan Institute, 1996) 75-84.

5. Noel Muscat OFM, “Assisi mal-Franġiskani” edizzjoni TUA, Malta 1996, 59.

6. Lazaro Iriate, Franciscan History, trans. Patricia Ross (Chicago: Franciscan Herald Press, 1979), 130, 283 – 285.

7. James Hardie, The Description of the City of New York: Containing Its Population, Institution, Commerce, Manufactures, Public Builings, Courts of Justice, Amusements, etc. (New York Samuel Marks, 1827).

 

<<|werrej|>>


Dan l-artiklu wasal minghand Dr Mario Saliba nnifsu.

Valletta: 19.3.2006


L-attitudni u

l-imġieba

ta’ kull Franġiskan lejn min huwa batut

u marid hija turija tas-sejħa tagħna Evanġelika