|
San Frangisk - Artikli |
|
|
<<|werrej|>>San FrangiskĦniena, mogħdrija u ġentilezza mal-Ħlejjaq kitba ta' Joe Camilleri L-isem ta’ Franġisku t’Assisi jqajjem fil-bniedem id-dehra ta’ qaddis simpatiku u maħbub li jiġbed il-qlub bl-umiltà, bis-sinċerità u bis-sempliċità ġenwina li tant intgħaġnu fil-personalità qawwija tiegħu. Miegħu nassoċjaw l-imħabba, il-ħniena, il-mogħdrija u l-ġentilezza. Dawn il-valuri sbieħ ma wrihomx biss ma’ bnedmin bħalu, iżda wkoll mal-ħlejjaq kollha tal-ħolqien. Ħafna kienu l-qaddisin li ħabbew lill-umanità u li ddedikaw l-enerġija tagħhom biex jgħinu lil għajrhom, b’mod partikulari lil dawk li kienu mwarrba u minsija. Nafu wkoll b’qaddisin li wrew imħabba speċjali lejn l-annimali. Mhux biss lejn dawk domestiċi. Imma wkoll annimali tal-imsaġar bħaċ-ċriev, u bhejjem li l-preżenza tagħhom tqanqal tkexkixa bard. Kienu juruhom ħbiberija, jitimgħuhom, idewwuhom. Sa anki jitolbu għalihom. San Franġisk jisboqhom ilkoll. Hu l-aktar qaddis li aħna nassoċjaw mal-imħabba, il-ħniena, il-mogħdrija u l-ġentilezza lejn l-annimali. Ir-Rev. Basil Wrighton li għamel żmien President tal-Catholic Study Circle for Animal Welfare f’Londra rrefera għal San Franġisk bħala l-aqwa ġentlom li tana l-Kristjaneżmu. L-imħabba u d-dispożizzjoni ġentili li kienu jagħnu lil San Franġisk ma nibtux minn attitudni sentimentali. Kienu r-riżultat ta’ sens qawwi tal-preżenza t’Alla fil-ħolqien kollu. Għalih, il-ħlejjaq kollha ġejjin minn Missier wieħed u għalhekk ilkoll aħwa ta’ xulxin. Minn hawn twieldet ir-responsabbiltà personali li kien iħoss il-Qaddis lejn il-ħlejjaq. Bi mħabba kbira, “il-ħabib tal-kreaturi t’Alla” lil kull ħlejqa kien isejħilha “ħija” jew “oħti.” Kollox kien ġej minn Ħallieq wieħed Divin. Għalhekk, l-għaqda u l-armonija bejn il-bnedmin u l-ħlejjaq l-oħra trid tirrifletti dan is-Sors ewlieni u waħdieni. “Min ibarri xi ħlejjaq t’Alla mill-kenn tal-ħniena u tal-mogħdrija, ser iġib ruħu l-istess ma’ ħutu l-bnedmin.” Ir-rakkonti u l-leġġendi marbuta ma’ San Franġisk ma ssawrux għalxejn u bix-xejn. Tassew li l-fantasija popolari tħobb iżżewwaq il-ħajjiet ta’ persuni illustri. Imma ebda qasba ma ċċaqċaq għalxejn. Il-priedki lill-ħut u lill-għasafar, iż-żegħil lill-fniek, il-ħbiberija mal-lupu qerried ta’ Gubbio - ir-rispett u l-ġentilezza lejn l-annimali kienu bla limiti. B’sabar kbir saħansitra kien jaċċetta l-preżenza tal-ġrieden jimirħu fuq il-mejda tal-ikel u fuq soddtu. Jingħad ukoll li darba ġabar id-dud minn triq passaġġa ħafna u qegħedhom f’aktar sigurtà fil-ġenb biex ma jinsaħqux taħt is-saqajn tan-nies għaddejja. Huma għemejjel ta’ bniedem ta’ sensittività straordinarja. Id-dinja kummerċjalizzata sfruttat l-annimali għal kull għamla ta’ sodisfazzjon u ta’ gwadann monitarju. Għall-kilba tal-flus, għall-kumdità, għaż-żina u l-modi tagħna għalaqna għajnejna t-tnejn. Għal ħafna hija komda l-filosofija Aristoteljana li l-annimali huma għad-dispożizzjoni tal-gosti tal-bniedem. Imma l-ħsieb Franġisk jipponta lejn direzzjoni oħra. Iħaqqaq fraternità sħiħa bejn il-ħlejjaq kollha. Lill-morda, lill-magħtuba, lill-fqar, lill-imwarrba, lill-vurnerabbli – lill-bnedmin kollha u lill-annimali għandna nqisuhom b’rispett u bi mġiba ta’ ġentilezza. San Franġisk tana l-eżempju. Il-passi tiegħu mhumiex ħfief. Imma fl-aħħar mill-aħħar huma passi li jwasslu għall-armonija. Għas-sliem, għal bilanċ ekoloġiku u għal għaqda totali bejn il-ħlejjaq. Fuq kollox, għall-għarfien u l-għaqda m’Alla. Dan l-Artiklu kien mibgħut lil dan is-sit min l-awtur Joe Camilleri Burmarrad 30.9.2017 |
L-isem ta’ Franġisku t’Assisi jqajjem fil-bniedem id-dehra ta’ qaddis simpatiku u maħbub li jiġbed il-qlub. Miegħu nassoċjaw l-imħabba, l-ħniena, mogħdrija u ġentilezza.
|
|