San Frangisk - Artikli

 

<<|werrej|>>


       San Frangisk

       il-Qaddis tal-Ferħ

 


kitba ta' Joe Camilleri          


Għaddew qrib it-800 sena minn mewtu u ismu, il-personalità qawwija u l-messaġġ li ħallielna  għelbu liż-żmien u lit-taqlib tal-istorja.  Illum San Franġisk t’Assisi għadu l-aktar qaddis maħbub u ammirat qatigħ mhux biss mill-insara u dawk li trabbew f’kultura Kristjana, imma wkoll minn bnedmin ta’ twemmin u ta’ xejriet differenti.  L-Għanja tal-Ħlejjaq, il-poeżija-talba li ħarġet minn qalbu għadha ssaħħar għax twassal l-armonija mad-Divin.  Dan hu t-testment universali  li bih San Franġisk imiss il-qalb u l-moħħ ta’ dawk li jemmnu u li jħossu l-preżenza t’Alla fil-ħolqien kollu. 

Lil San Franġisk inħobbu nirreferu għalih b’għadd ta’ titli.  Hemm min isejjaħlu l-Fqajjar t’Assisi.  Min isibu bħala l-Qaddis tal-Paċi.  Inkella l-Qaddis tal-Imħabba, jew tal-Fraternità, il-Qaddis tal-Umiltà, il-Qaddis tal-Annimali.  Ma’ dawn it-titli, f’din l-okkażjoni nixtiequ nżidu ieħor sinifikattiv li bih għammidna wkoll lil din il-pubblikazzjoni – Il-Qaddis tal-Ferħ.

San Franġisk t’Assisi (Giovanni di Bernardone) twieled f’Assisi, l-Italja, għall-ħabta tal-1182.  Bin merkant għani.  Żagħżugħ fuq tiegħu, dħuli, ferrieħ, ħanin. Mimli ħeġġa u enerġija.  Għalkemm kellu geddumu fix-xgħir u rasu mistrieħa mis-sigurtà tal-ħajja, warrab u ċaħad l-għana u l-ġid materjali biex jgħix fil-faqar u jiddedika ħajtu għat-talb, għal għaqda intima ma’ Alla u ma’ għajru permezz ta’ għemejjel ta’ karità u mħabba sħiħa. Ried jgħix il-Vanġelu fil-qofol tiegħu kollu.  Ġabar miegħu għadd ta’ msieħba u segwaċi.  Magħhom vjaġġa għal Ruma biex fl-1210 kiseb l-approvazzjoni tal-Papa għall-Ordni Franġiskan li waqqaf.  Qatt ma fettex unuri, u fl-umiltà tiegħu, Fra Franġisku saħansitra ċaħad ukoll it-tmexxija tal-Ordni meta rtira għal kollox f’Assisi.  Mexa fil-passi u imita lil Kristu f’kollox.  Saħansitra daq mit-tbatija ta’ Ġesù meta rċieva l-istigmati, il-pjagi tal-Kurċifiss li tant immedita.  Miet fl-1226 u sentejn wara kien ikkanonizzat mill-Knisja.  Wieħed mill-Qaddisin Patruni tal-Italja u Qaddis Patrun tal-Ekoloġija.

F’ħajja qasira ta’ 44 sena, San Franġisk ħabrek u vjaġġa biex ixerred is-sliem, l-imħabba, l-għaqda u t-tagħlim tal-Vanġelu. Ħaddan l-għerf, il-verità u l-ideali nobbli Evanġeliċi. Għaxhom hu u wettaqhom fir-relazzjonijiet m’għajru.  Għażel il-faqar mhux biss bħala mezz ta’ tisfija kontinwa, imma wkoll biex permezz tal-faqar jersaq lejn għajru, lejn il-Ħallieq Divin u jagħraf il-ġid u l-għana li sawwab fuqna.  Qalbu u moħħu kienu dejjem merfugħa b’radd il-ħajr u b’foħrija lejn Alla li minnu u lilu nafu kollox.  Fil-ħlejjaq kollha tan-natura, mill-univers sal-aktar annimali u għasafar ċkejkna, San Franġisk għaraf is-setgħa tal-Aktar Għoli, tal-Mulej twajjeb li jista’ kollox.  U qalbu toħla fl-akbar foħrija,

                   Tiegħek is-sebħ, il-glorja u l-ġieħ u kull barka;

                    Lilek biss, l-Aktar Għoli, jixirqu

                    U ebda bniedem mhu denn imqar ilissen.”  (Mill-Għanja tal-Ħlejjaq)

Din ir-rabta mistika ma baqgħetx biss waħda spiritwali ma’ Alla.  Sarrafha wkoll f’għaqda ta’ mħabba ġenwina mal-ħlejjaq kollha u ta servizz lil għajru, b’mod partikulari lil dawk li kienu fi skaluni soċjali baxxi. Medd idejh biex jerfagħhom mill-weġgħa u mill-miżerja. Mimli mħabba, ħniena u kompassjoni, San Franġisk fetaħ qalbu beraħ għall-foqra, għall-imwarrba, għall-morda, għall-imnikkta. Għal dawk li tilfu s-sliem tal-qalb u s-serħan tal-moħħ. Għal min ixxennaq il-faraġ u l-kelma tal-balzmu.

Għalhekk Fil-Paradiso (Canto XI)  Dante ħallielna miktub li “jiddi bħax-xemx.”  Għax bil-fidi, bil-konvinzjoni tiegħu u bi mħabbtu, San Franġisk ta direzzjoni lejn soluzzjoni fil-ħajja konfuża tal-bniedem.  U s-soluzzjoni li pprovdilna – l-Kelma t’Alla, il-muftieħ li jħoll il-problemi kollha msakkra fil-marsus ta’ moħħna u qalbna, fl-organizzazzjoni jew fid-diżordni soċjali.

Bniedem li jgħaġġbek u jsaħħrek bid-dispożizzjoni sinċiera u umli,  u bl-istess ħin bil-personalità qawwija li ħalliet il-marka tagħha mhux biss fuq l-era tiegħu imma fuq l-istorja umana kollha.  Fil-fatt, San Franġisk hu qaddis paradossali: bniedem ordinarju u fl-istess ħin straordinarju, fqir u tant għani, ċkejken u tant ġgant, umli u tant nobbli, sempliċi u profond, ċar u mistiku, ħalliem u prattiku, dixxiplinat u ħanin, tellief u rebbieħ, militanti u paċifiku, passjonali u doċli, marbut man-natura u ħieles minnha... Qaddis tant mogħni b’sensittività u b’elokwenza... L-aġġettivi u l-attribwiti li nistgħu nxerrdu fuqu huma bla għadd.

U dawn kollha sinjali ta’ bniedem kbir li jogħla fuq il-bqija tal-bnedmin waqt li jibqa’ magħhom fil-waqt tat-tbissima u tal-weġgħa, tal-ferħa u tal-bikja.  F’dinja mimlija tensjonijiet, tilwim u gwerer, f’ħajja egoċentrika sfrenata fejn l-egoiżmu u l-interessi personali jerfgħu rashom bla rażan, il-messaġġ Franġiskan għandu siwi u attwalità bla tarf.  Għax mhux il-messaġġ tal-mibegħda u tat-tpattija, ta’ għajn għal għajn u sinna għal sinna.  Lanqas mhu dak tad-disprament, tat-telqa u tal-apatija.  Hu l-messaġġ tas-soluzzjoni. Il-messaġġ tal-azzjoni, tat-tfittxija tad-dawl fid-dlam, tal-iskoperta tal-ġmiel, ta’ reazzjoni pożittiva għal dak kollu li jkun negattiv. Ix-xemx u l-qamar għadhom hemm.  L-ilma, in-nar, is-sema, il-baħar u l-art bil-ħlejjaq tagħhom għadhom jipprovdu l-poeżija ta’ ħajr u ta’ foħrija lill-Ħallieq Divin ta’ kollox. Għalhekk hu l-messaġġ tal-kuraġġ, tal-qawmien mill-ġdid. Tal-kisba tat-tajjeb u tas-sabiħ. Hu l-messaġġ tal-Kelma t’Alla, il-messaġġ tal-ferħ.

U hu sewwa sew għalhekk li lil San Franġisk, il-qaddis umli li tant xandar u wettaq il-Vanġelu qegħdin insejħulu l-Qaddis tal-Ferħ.  

<<|werrej|>>     


Dan l-Artiklu kien mibgħut lil dan is-sit min l-awtur Joe Camilleri

Burmarrad 30.9.2017


 

Lil San Franġisk  hemm min isejjaħlu

l-Fqajjar t’Assisi.  Min isibu bħala

l-Qaddis tal-Paċi.   Il-Qaddis tal-Umiltà, il-Qaddis tal-Annimali.  Ma’ dawn it-titli,  nżidu ieħor

Il-Qaddis tal-Ferħ