San Franġisk  - artikli  

 


San Franġisk

Rivoluzzjonarju Ġentili


kitba ta' Joe Camilleri


<<|werrej|>>

San Franġisk

Rivoluzzjonarju Gentili

 

Jekk hemm qaddis li ċaqlaq l-ilma qiegħed u ħoloq imwieġ ta’ bidla li baqgħu jitgerbu sa żmienna, dan hu San Franġisk t’Assisi.  Jekk hemm qaddis li sfida u għadu jisfida l-istatus quo u l-kuxjenza persunali u kollettiva, dan hu sewwa sew San Franġisk.  Dan il-qaddis maħbub stampa personalità tant qawwija. Bil-faqar dinjituż, bis-sempliċità  elokwenti u bl-umiltà  sinċiera tiegħu mess il-moħħ u l-qalb ta’ dawk li għandhom moħħ li lest jaħseb u qalb disposta biex itektek.  Għax il-qofol tal-messaġġ Franġisk hu l-imħabba evanġelika.  U l-imħabba totali u ġenwina ma jikkontestaha la l-ispazju, lanqas iż-żmien u ebda ċiviltà.  L-imħabba hi bla limiti u bla konfini.  L-imħabba t’Alla hi għasfur ħieles. Għalhekk il-messaġġ ta’ San Franġisk fih siwi dejjiem.

 

Minħabba  dawn ir-riflessjonijiet, illum lil San Franġisk qegħdin insejħlu “Ir-rivoluzzjonarju ġentili tal-avangwardja.”  Il-bniedem li ppreżenta viżjoni ġdida, bidla fil-filosofija u fl-imġiba ta’ żmienu, mod ġid fir-relazzjonijiet umani, u attitudni differenti lejn l-ambjent u l-ħlejjaq tan-natura.  San Franġisk għax fl-epoka Medjevali, iżda kellu mentalità tal-avangwardja, moħħ miftuħ għall-bidla. Enerġija ġenwina li ssawwar preżent dinjituż biex il-ġejjieni jkollu tifsila aktar imdawla.

 

U din il-bidla fil-mentalità u fl-għemil, San Franġisk ma ċaqlaqhiex bil-ponta tas-sajf. Ma mmobbilizza ebda kruċjata ta’ persekuzzjoni.  Ma stabbilixxa ebda qorti, ebda inkwiżizzjoni.  Ir-rivoluzzjoni tiegħu xettilha bit-tbissima tal-ġentilezza.  Il-kelma sfidanti tiegħu kienet biss il-messaġġ ta’ ferħ tal-Vanġelu.

 

Ma kienx kollox ward u żahar.  Il-mod dirett, sinċier u bla kantunieri li bih San Franġisk kien iwassal ħsibijiet beda jolqot fil-laħam il-ħaj.  Is-sejħa għall-faqar, għas-sempliċità u għall-imħabba fraterna bdew imeżmżu lil dawk li ħassewhom komdi li jħallu d-dinja miexja kif kienet.  Kien hemm min ħares lejh bħala theddida għall-istatus quo.  Iżda San Franġisk rebħilhom bl-arma tal-imħabba u tal-eżempju.  San Franġisk kien ġej minn familja geddumha fix-xgħir.  Bil-konnessjonijiet familjari li kellu seta’ għamel karriera illustri kemm fil-qasam ċivili u kemm fil-ġerarkija tal-Knisja. Minflok, għażel li jikkonvinċi u jkaxkar bl-eżempju.  Hu nnifsu għax il-Vanġelu fil-qofol tiegħu. Billi nqata’ mill-frivolità u mill-glorifikazzjoni artifiċjali. Xħin berraħ dirgħajh biex jilqa’ lill-ħlejjaq kollha bħala ħutu.  B’mod partikulari lill-morda, lill-imżebilħa, lill-imwarrba, lill-fqar, lill-minsija, lill-vurnerabbli. F’dawk li s-soċjetà warrbet u żerżqithom ’l isfel fl-iskaluni tal-ħajja, San Franġisk ra lil Kristu ħaj. Berraħ dirgħajh biex iħaddanhom u jħobbhom.  Kien jilqa’ l-lebrużi, jitma’ lill-imġewħa, iżur l-isptarijiet.  Saħansitra kien jaqsam l-ikel mal-ħallelin.

 

Qaddej umli

San Franġisk għax biex jaqdi.  “Imbierek hu l-qaddej li jħobb lil għajru meta jkun marid u bla siwi daqskemm iħobbu meta jsibu ta’ siwi u ta’ servizz għalih.  U mbierek hu dak li jħobb lil għajru meta hu mbiegħed minnu daqskemm meta jkun maġenbu.  U dak li ma jgħid ebda kelma minn wara dahru li ma jasalx jgħidhielu f’wiċċu.”

 

Din l-imġiba ta’ mħabba assoluta u disinteressata, din l-attitudni ta’ fraternità u ta’ twarrib ta’ differenzi soċjali ma kinitx xi ħaġa ġdida.  Kienet diġà mniżżla bl-iswed fuq l-abjad fil-Vanġelu.  Imma l-bniedem kien għalaq għajnejh u sadd widnejh.  U San Franġisk ċaqlaq l-ilma qiegħed billi beda jevanġelizza.  Billi ressaq il-Knisja lejn il-poplu.  “Ibni l-Knisja tiegħi,” wasal jidwi l-messaġġ ta’ Kristu.  U l-qaddis t’Assisi nefaħ nifs ġdid u frisk fil-missjoni tal-Knisja.

 

Is-siwi tal-ilsien nativ

Ix-xejriet rivoluzzjonarji ta’ dal-qaddis tant dinamiku fl-umiltà u fis-sempliċità tiegħu ma jiqfux hawn.  San Franġisk kien jemmen li l-poplu kellu jitlob u jikkomunika ma’ Alla fl-ilsien nativ tiegħu.  Fil-kitba tiegħu, spiss kien jinqeda bid-djalett tal-Umbrija milli bil-Latin.  Kellhom jgħaddu l-mijiet tal-mijiet tas-snin biex il-Knisja tagħraf is-siwi tal-vernikular – xi ħaġa li San Franġisk fehemha wisq u wisq qabel.

 

Il-ħiliet tal-mara

Il-Qaddis tal-Ferħ għaraf ukoll l-intelliġenza u l-ħiliet tan-nisa.  Kunċett rivoluzzjonarju fiż-żmien li fih għax San Franġisk.  Fil-fatt, il-mod kif wessa’ spazju għal kulħadd, kif kien jivvaluta lill-umanità kollha bla differenza ta’ sessi jew ta’ livelli soċjali,  lil San Franġisk ipoġġih fl-avangwardja tar-riforma soċjali.  Hemm min iħaqqaq li kien hu li ispira l-moviment tal-Umaniżmu.

 

Bħalma hemm min iħaqqaq ukoll li kien San Franġisk li nebbaħ ir-Rinaxximent Taljan, waħda mill-akbar rivoluzzjonijiet kulturali li qatt rat id-dinja.  L-imħabba assoluta li kellu għas-sbuħija tan-Natura xegħlet l-immaġinazzjoni tal-artisti biex jerġgħu jdaħħlu l-element tan-naturaliżmu fil-kreazzjonijiet artistiċi tagħhom.

 

San Franġisk u n-Natura

Għax San Franġisk u n-natura huma sinonimi.  Fin-natura kien jara mera tal-kobor infinit t’Alla.  U jekk in-natura kienet wiċċ Alla, mela fin-natura ma kienx hemm ħlejjaq sbieħ jew koroh, pożittivi jew negattivi. Għalhekk ma kienx hemm ħlejjaq superjuri jew inferjuri.  Ilkoll huma msensla f’rabta fraterna, u lkoll kien jindirizzahom bħala ħutu.  Din l-imħabba profonda għan-natura, dan l-għarfien tas-seħer tal-ħolqien, dan il-gost għas-sbuħija, għall-misterjożità u għas-setgħat tan-natura, kien jissarraf f’rispett assolut lejn l-ambjent kollu.  Lejn is-sema, l-ilma u l-art bil-veġitazzjoni u bil-ħlejjaq kollha li jgħixu fihom.  Perċezzjoni u filosofija ġdida li San Franġisk ssiġillahom b’mod elokwenti u tant mistiku fil-Kantiku tal-Ħolqien.  Tistħajlu qiegħed jgħix illum u mhux fis-seklu 13.  Forsi fl-aħħar bdejna ninfdu u napprezzaw il-moħħ ta’ dan il-qaddis tal-avangwardja li għaraf jitgħaxxaq u jħares lin-natura.  Mhux ta’ b’xejn li nqisuh bħala l-Patrun tal-Ekoloġisti għax kien pijunier fl-imġiba korretta lejn l-ambjent naturali.

 

Pijunier fl-Ekumeniżmu

Bħalma kien ukoll pijunier fl-Ekumeniżmu.  San Franġisk għax iż-żmenijiet ta’ firda qalila bejn iċ-ċiviltajiet tas-Salib u tan-Nofs Qamar.  Il-waħda ssegwi l-Kristjaneżmu.  Il-kultura l-oħra marbuta mal-Mawmettaniżmu.  Kienu għedewwa għall-mewt.  F’isem Alla, it-tnejn ħalfu l-qirda ta’ xulxin.  Hu f’dan il-kuntest ta’ firda, ta’ theddid, ta’ għamad reċiproku u ta’ persekuzzjoni li wieħed irid jifli l-imġiba erojka ta’ San Franġisk.  Bl-akbar umiltà, iżda b’konvinzjoni, fl-1219 qasam għall-Eġittu biex jiltaqa’ mas-Sultan f’attenat nobbli li jtemm il-kunflitt tal-Kruċjati u joħloq klima ta’ sliem.  Kien hemm min qies dan il-vjaġġ ta’ sogru bħala falliment.  Imma l-attentat nobbli ta’ San Franġisk biex iqajjem ħbiberija mad-dinja Musulmana kellu jibqa’ jirbombja u jħalli l-eku tiegħu wisq u wisq wara l-mewt tal-Qaddis t’Assisi.  Mill-Kattoliċi kollha kellhom ikunu biss is-segwaċi ta’ San Franġisk li tħallew jibqgħu u jindukraw l-Art Imqaddsa.  U min jaf tul il-mixja tal-istorja din il-missjoni qaddisa ta’ San Franġisk kemm xegħlet l-imħuħ u l-qlub ta’ nies ta’ rieda tajba sakemm wasslet għad-djalogu Ekumeniku taż-żmien post-Kunċiljari.

 

Mexxej b’isem sinifikattiv

 Ma kienx b’kumbinazzjoni li għall-ewwel darba fl-istorja tal-Knisja għandna Papa li ħa l-isem tant u tant sinifikattiv ta’ Franġisku. Il-Papa Franġisku hu mexxej umli, iżda dinamiku u mimli mħabba għall-umanità kollha bla ebda distinzjoni.  Ismu jawgura tiġdid u direzzjoni flokha.  Il-Knisja ser tissokta tikseb il-glorja tagħha.  Mhix il-glorja tat-trijunfaliżmu.  Iżda l-glorja tal-prijorità tagħha, tal-missjoni qaddisa  meta tmiss il-ġerħa tal-marid, meta taqsam mal-imġewwaħ, meta tinfetaħ għall-imwarrab, meta tkun il-leħen ta’ dawk li għandhom sarima, meta tkun il-ħarriesa tal-ambjent li rridu ngħixu ħielsa fih aħna u l-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni.

 

Quddiem wiċċha, il-Knisja għandha  sfidi kbar.  Imma hemm ukoll żmenijiet sbieħ.  Jekk ilkoll nagħrfu nkunu Franġiskani.  Jekk bħal San Franġisk  ninżgħu l-libsa tal-qdumijiet u nxiddu dik tal-bidla u tal-avangwardja.  Jekk bħall-Qaddis tal-Ferħ nemmnu li l-imħabba Evanġelika hi l-ħolqa li torbotna ma’ xulxin, mal-ambjent li ngħixu fih u ma’ Alla Divin, il-Ħallieq ta’ kollox.

<<|werrej|>>


Dan l-Artiklu kien mibgħut lil dan is-sit min l-awtur Joe Camilleri

Burmarrad 11.11.2017


 

Jekk hemm qaddis

li ċaqlaq

l-ilma qiegħed

u ħoloq imwieġ ta’ bidla li baqgħu jitgerbu sa żmienna, dan hu

San Franġisk t’Assisi.  Jekk hemm qaddis

li sfida

u għadu jisfida

l-istatus quo u

l-kuxjenza persunali

u kollettiva dan hu sewwa sew San Franġisk.