|
San Franġisk - artikli |
|
|
<<|werrej|>>Diskorsi tal-Papa - 4Waqt iż-żjara tal-Papa Franġisk lil San Franġiskf'Assisi 4 ta' Ottubru 2013 TALBA FIS-SKIET QUDDIEM IL-KURĊIFISS TA’ SAN DAMJAN MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU LIS-SORIJIET TAL-KLAWSURA Fil-Kappella tal-Kor tal-Bażilika ta’ Santa Kjara, Assisi
Jiena ħsibt li din il-laqgħa tagħna kienet sa tkun bħalma konna għamilna darbtejn f’Castel Gandolfo, fis-sala kapitulari, waħdi mas-sorijiet, imma, nistqarr magħkom, m’għandix il-qalb inkeċċi lill-Kardinali. Nagħmluha hekk. Tajjeb. Qabel xejn nirringrazzjakom tal-laqgħa tagħkom u għat-talb li tagħmlu għall-Knisja. Meta soru tal-klawsura tikkonsagra ħajjitha kollha lill-Mulej, isseħħ bidla li mhux faċli nifhmuha. Il-moħħ tagħna aktarx jaħseb li din is-soru tkun iżolat ruħha, waħidha ma’ l-Assolut, waħidha ma’ Alla; hi ħajja axxetika, penitenti. Imma din m’hix it-triq ta’ soru tal-klawsura Kattolika, lanqas dik Nisranija. It-triq tgħaddi minn ġo Ġesù Kristu, dejjem! Ġesù Kristu jinsab fiċ-ċentru ta’ ħajjitkom, tal-penitenza tagħkom, tal-ħajja komunitarja tagħkom, tat-talb tagħkom u anki ta’ l-universalità tat-talb. U tul din it-triq jiġri bil-maqlub ta’ min jaħseb li din sa tkun soru axxetika tal-klawsura. Meta wieħed jimxi t-triq tal-kontemplazzjoni ta’ Ġesù Kristu, tat-talb u tal-penitenza ma’ Ġesù Kristu, isir iktar u iktar uman. Is-sorijiet tal-klawsura huma msejħin biex ikollhom umanità kbira, umanità bħal dik ta’ Ommna l-Knisja; umani, jifhmu l-ħwejjeġ kollha tal-ħajja, ikunu persuni li jafu jifhmu l-problemi umani, li jafu jaħfru, li jafu jitolbu lill-Mulej għall-persuni. L-umanità tagħkom. U l-umanità tagħkom issibuha f’din it-triq, l-Inkarnazzjoni tal-Verb, it-triq ta’ Ġesù Kristu. U liema hu s-sinjal ta’ soru daqshekk umana? Il-ferħ, il-ferħ, meta jkun hemm il-ferħ! Lili jnikkitni meta nsib sorijiet li m’humiex ferħana. Forsi jitbissmu, imma bit-tbissima ta’ ħostess fuq ajruplan. Imma mhux bit-tbissima tal-ferħ, ta’ dak il-ferħ li jiġi minn ġew. Dejjem ma’ Ġesù Kristu.
Il-lum fil-Quddiesa, meta tkellimt dwar il-Kurċifiss, għidt li Franġisku kien ikkontemplah b’għajnejh miftuħa, bil-ġrieħi miftuħa, bid-demm nieżel minnu. U din hi l-kontemplazzjoni tagħkom: ir-realtà. Ir-realtà ta’ Ġesù Kristu. Mhux ideat astratti, mhux ideat astratti, għax dawn lill-moħħ inixxfuh. Il-kontemplazzjoni tal-pjagi ta’ Ġesù Kristu! U dawn hu ħadhom miegħu fis-Sema, u għadhom fuqu! Din hi t-triq ta’ l-umanità ta’ Ġesù Kristu: dejjem ma’ Ġesù, Alla magħmul bniedem. U minħabba f’dan hi ħaġa wisq sabiħa li n-nies tmur fil-parlatorju tal-monasteri u tixtieq lis-sorijiet jitolbu għaliha u taqsam magħhom il-problemi tagħha. Forsi s-soru ma tgħidilhom xejn ta’ barra minn hawn, imma tkun kelma li tasal għandha propju mill-kontemplazzjoni ta’ Ġesù Kristu, għax is-soru, bħall-Knisja, miexja fit-triq biex issir esperta ta’ l-umanità. U din hi triqitkom: mhux spiritwali żżejjed! Meta xi ħadd ikun spiritwali żżejjed, tiġini f’moħħi l-fundatriċi tal-monasteri kompetituri tagħkom, Santa Tereża, ngħidu aħna. Meta kienet tmur għandha soru, oħ, b’dawn l-affarijiet ġo moħħha… kienet taqbad tgħid lill-koka: “’Tiha biċċa laħam!”. Dejjem ma’ Ġesù Kristu, dejjem. L-umanità ta’ Ġesù Kristu! Għax il-Verb ħa l-laħam tagħna, Alla sar laħam għalina, u dan lilkom jagħtikom qdusija umana, kbira, sabiħa, matura, qdusija ta’ omm. U l-Knisja hekk tridkom: ommijiet, omm, omm. Tagħtu l-ħajja. Meta intom titolbu, ngħidu aħna, għas-saċerdoti, għas-seminaristi, intom tibnu relazzjoni ta’ maternità magħhom; bit-talb tgħinuhom isiru Rgħajja tajbin tal-Poplu ta’ Alla. Imma ftakru fil-biċċa laħam ta’ Santa Tereża! Importanti. U din hi l-ewwel ħaġa: dejjem ma’ Ġesù Kristu, il-pjagi ta’ Ġesù Kristu, il-pjagi tal-Mulej. Għax din hi r-realtà: li, wara l-Qawmien, Hu kellu l-pjagi u ġarrhom fuqu.
U t-tieni ħaġa li ridt ngħidilkom, fil-qosor, hi dwar il-ħajja tal-komunità. Aħfru, issaportu lil xulxin, għax il-ħajja komunitarja m’hix ħafifa. Ix-Xitan japprofitta ruħu minn kollox biex jaqsam! Tgħid: “Jien ma rrid ngħid xejn ħażin, imma…”, u tibda l-firda. Le, dan m’għandux ikun, għax ma jwassal għal imkien: għall-firda. Ħudu ħsieb il-ħbiberija ta’ bejnietkom, il-ħajja tal-familja, l-imħabba ta’ bejnietkom. U agħmlu mod li l-monasteru ma jkunx Purgatorju, imma jkun familja. Il-problemi hemm qegħdin, hemm ħa jkunu, imma, kif wieħed jagħmel ġo familja, bl-imħabba, ifittex soluzzjoni bl-imħabba; m’għandux jeqred din biex isolvi dak; tħallux il-kompetizzjoni tidħol bejnietkom. Ħudu ħsieb il-ħajja komunitarja, għax meta fil-ħajja tal-komunità tkunu hekk, bħal familja, hu sewwa sew l-Ispirtu s-Santu li jgħammar f’nofs il-komunità.
Dawn iż-żewġ affarijiet ridt ngħidilkom: il-kontemplazzjoni dejjem, dejjem ma’ Ġesù; Ġesù, Alla u Bniedem. U l-ħajja komunitarja, dejjem b’qalb kbira. Aħfru u insew, titkabbrux bikom infuskom, issaportu kollox, tbissmu mill-qalb. U s-sinjal jidher fil-ferħ tagħkom. U jien nitlob għalikom biex ikollkom dan il-ferħ li jitnissel propju mill-vera kontemplazzjoni u minn ħajja komunitarja sabiħa. Grazzi! Grazzi li lqajtuni għandkom. Nitlobkom titolbu għalija, jekk jogħġobkom, tinsewx! Qabel il-Barka, ejjew nitolbu lill-Madonna: Ave Maria… miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard Rabat: 21.12.2013 |
Il-mixja ta’ Franġisku lejn Kristu titlaq mill-ħarsa ta’ Ġesù fuq is-salib. |
|