|
San Franġisk - artikli |
|
|
<<|werrej|>>Diskorsi tal-Papa - 3Waqt iż-żjara tal-Papa Franġisk lil San Franġiskf'Assisi 4 ta' Ottubru 2013
LAQGĦA MAL-KLERU, PERSUNI F’ĦAJJA KONSAGRATA U MEMBRI TAL-KUNSILLI PASTORALI DISKORS TAL-PAPA FRANĠISKU fil-Kattidral ta’ San Rufino, Assisi Għeżież ħuti tal-Komunita’ Djoċesana, il-wara nofsinhar it-tajjeb!
Inroddilkom ħajr tal-merħba tagħkom, saċerdoti, reliġjużi rġiel u nisa, lajċi mpenjati fil-Kunsilli Pastorali! Kemm huma meħtieġa l-kunsilli pastorali! Isqof ma jistax imexxi d-djoċesi mingħajr il-kunsilli pastorali! Kappillan ma jistax imexxi l-parroċċa mingħajr il-kunsill pastorali. Dan huwa fundamentali! Ninsabu f’dan il-Kattidral! Hawn jinsab il-fonti tal-magħmudija fejn San Franġisk u Santa Kjara ġew imgħammda; dak iż-żmien dan il-fonti kien jinsab fil-Knisja ta’ Santa Marija. It-tifkira tal-Magħmudija hija importanti! Il-Magħmudija hija t-twelid tagħna bħala wlied t’Ommna l-Knisja. Nixtieq insaqsikom: min minnkom jaf il-jum tal-Magħmudija tiegħu jew tagħha? Ftit! Ftit!... Issa meta tmorru d-dar saqsu: Ma, Pa, għidli: meta ġejt mgħammed jiena? Dan huwa importanti għaliex huwa l-jum tat-twelid tagħna bħala wlied Alla, Spirtu wieħed, Magħmudija waħda, fil-varjeta’ tal-kariżmi u tal-ministeri. X’don kbir huwa nkunu Knisja, tagħmel sehem mill-Poplu t’Alla! Ilkoll aħna il-Poplu t’Alla! Fl-armonija, fil-komunjoni tad-diversita’, li hija opra tal-Ispirtu s-Santu, għaliex l-Ispirtu s-Santu huwa l-armonija, u jagħmel l-armonija: hija don tiegħU, u jeħtieġilna nkunu miftuħin biex nirċevuh!
L-Isqof huwa l-ħarries ta’ din l-armonija. L-Isqof huwa l-ħarries ta’ dan id-don tal-armonija fid-diversita’. Għalhekk il-Papa Benedittu ried li l-attivita’ pastorali tal-Bażilki papali franġiskani tkun integrata f’dik djoċesana. Għaliex huwa l-Isqof li għandu jagħmel l-armonija: hija l-ħidma tiegħu, huwa d-dmir tiegħu u l-vokazzjoni tiegħu. U huwa għandu don speċjali biex jagħmilha. Jiena kuntent li qed timxu tajjeb f’din it-triq, b’ġid għal kulħadd, taħdmu flimkien bis-serenita’ u ninkuraġġikom tkomplu. Iż-Żjara pastorali li għadha kif intemmet u s-Sinodu djoċesan li sejrin tiċċelebraw huma mumenti qawwija għal din il-Knisja biex tikber, li Alla bierek b’mod partikulari. Il-Knisja tikber imma mhux biex tagħmel il-proselitiżmu: le, le! Il-Knisja ma tikbirx bil-proselitiżmu. Il-Knisja tikber għax tiġbed lill-oħrajn, tiġbed lill-oħrajn bix-xhieda li kull wieħed u waħda minna jagħti lill-Poplu t’Alla.
Issa, fil-qosor nixtieq nisħaq fuq xi aspetti tal-ħajja tagħkom bħala Komunita’. Ma nixtieqx ngħidilkom affarijiet ġodda, imma nsaħħaħkom f’dawk li huma l-aktar importanti u li huma l-karatteristiċi tal-mixja tagħkom djoċesana.
1. L-ewwel ħaġa hija nisimgħu l-Kelma t’Alla. Il-Knisja hija dan: il-komunita’ – qalu issa l-Isqof – il-komunita’ li tisma’ bil-fidi u bl-imħabba l-Mulej jitkellem. Il-pjan pastorali li qegħdin tgħixu flimkien jisħaq proprju fuq din id-dimensjoni fundamentali. Hija l-Kelma t’Alla li tqajjem il-fidi, tgħajjixha u tagħtiha l-ħajja mill-ġdid. Hija l-Kelma t’Alla li tmiss il-qlub, li tikkonverti għal Alla u għall-mod tal-ħsieb tiegħu li huwa ħafna differenti minn dak tagħna; hija l-Kelma t’Alla li ġġedded kontinwament il-komunitajiet tagħna...
Naħseb li lkoll nistgħu ntejjbu xi ftit dan l-aspett: insiru lkoll aktar semmiegħa tal-Kelma t’Alla, biex inkunu inqas għanja ta’ kliemna u aktar għanja tal-Kliem tiegħu. Naħseb fuq is-saċerdot li għandu d-dmir li jippriedka. Kif jista’ jippriedka jekk qabel ma jkunx fetaħ qalbu, ma jkunx sema’, fis-skiet, il-Kelma t’Alla? Inwarrbu dawn l-omeliji li ma jispiċċaw qatt, li jdejjqu, li minnhom wieħed ma jifhem xejn. Dan huwa għalikom! Naħseb fuq dak il-missier jew dik l-omm, li huma l-ewwel edukaturi: kif jistgħu jedukaw jekk il-kuxjenza tagħhom ma tkunx imdawla mill-Kelma t’Alla, jekk il-mod li bih jaħsbu u jaġixxu mhuwiex immexxi mill-Kelma, u liema eżempju jistgħu jagħtu lill-uliedhom? Dan huwa importanti, għaliex imbagħad l-ommijiet u l-missirijiet igergru: “dan it-tifel...” Imma inti, x-xhieda tajtu? Kif kellimtu? Bil-Kelma t’Alla jew bil-kelma li tisma’ fl-a]barijiet tat-televiżjoni? L-ommijiet u l-missirijiet għandhom jitkellmu fuq kollox bil-Kelma t’Alla! U naħseb fuq il-katekisti, u fl-edukaturi kollha: jekk qalbhom mhix taħraq bil-Kelma, kif jistgħu isaħħnu l-qlub tal-oħrajn, tat-tfal, taż-żgħażagħ, tal-adulti? Mhux biż-żejjed naqraw il-Kotba Mqaddsa, hu meħtieġ nisimgħu lil Ġesu’ jitkellem fihom. Jeħtieġ li nkunu bħall-antenna li tirċievi, sintoniżżata fuq il-Kelma t’Alla, biex inkunu antenni li nittrasemttu! Nirċievu biex nittrasmettu. Huwa l-Ispirtu s-Santu li jagħmel ħajja l-Kotba Mqaddsa, li jagħmel li nifhmuha mill-qiegħ, fis-sens veru u mimli! Insaqsu lilna nfusna, bħala waħda mill-mistoqsijiet hekk kif aħna miexja lejn is-Sinodu: X’post għandha l-Kelma t’Alla fil-ħajja tiegħi, f’ħajti ta’ kuljum? Jiena jien sintoniżżat ma’ Alla jew ma’ tant kliem li huwa moda llum jew fuqi nnifsi? Din hija mistoqsija li kull wieħed u waħda minna jeħtieġlu jagħmel lilu nnifsu jew lilha nnifisha?
2. It-tieni aspett huwa dak li nimxu. Hija waħda mill-kelmiet li nippreferi meta naħseb dwar in-nisrani fil-Knisja. Imma għalikom għandha sens speċjali: intom deħlin fis-Sinodu tad-djoċesi; u tagħmel “sinodu” jfisser timxi flimkien. Naħseb li din tassew hija l-esperjenza l-aktar sabiħa li ngħixu: tagħmel parti minn poplu f’mixjietu, f’mixjietu fl-istorja, flimkien mal-Mulej tiegħu, li jimxi f’nofsna! M’aħniex iżolati, ma nimxux weħidna, imma aħna parti mill-merħla waħda ta’ Kristu li timxi flimkien.
Hawn naħseb ukoll fikom, saċerdoti, u ħalluni ngħodd lili nnifsi magħkom. X’hemm isbaħ għalina milli nimxu flimkien mal-poplu tagħna? Dan huwa sabiħ! Meta jiena naħseb fuq dawn il-kappillani li jafu b’isimhom il-persuni tal-parroċċa, li jmorru għandhom biex isibuhom; u wkoll bħal ma qalli wieħed: “Jiena naf l-isem tal-kelb ta’ kull familja”, l-isem tal-kelb ukoll, jafu! Kemm kien sabiħ dan! X’hemm isbaħ minn dan? Intennieh spiss: nimxu mal-poplu tagħna, xi drabi quddiem, drabi oħra fin-nofs u drabi wara: quddiem biex immexxu l-komunita’; fin-nofs biex nagħmlulha l-qalb u nsaħħuha; wara biex inżommuha mgħaquda sabiex ħadd ma jibqa’ lura ħafna ħafna, biex inżommuha mgħaquda; imma wkoll għal raġuni oħra: għaliex il-poplu għandu “mod kif ixomm”. Għandu dan il-mod kif isib toroq ġodda fil-mixja, għandu “s-sens tal-fidi”, kif jgħidu t-teoloġi. X’hemm isbaħ minn dan? U fis-Sinodu għandu jkun hemm ukoll dak li l-Ispirtu s-Santu jgħid lill-lajċi, lill-Poplu t’Alla, lil kulħadd.
Imma l-aktar ħaġa importanti hija li nimxu flimkien, naħdmu flimkien, ngħinu lil xulxin; nitolbu skuża lil xulxin, nagħarfu l-iżbalji ta’ xulxin u nitolbu maħfra; imma wkoll nilqgħu l-iskużi tal-oħrajn billi naħfru – kemm huwa importanti dan! Xi drabi naħseb f’dawk iż-żwiġijiet li wara tant snin jisseparaw. “Hekku... le, ma niftehmux, tbegħedna minn xulxin”. Jista’ jkun għaliex ma għarfux jitolbu skuża f’waqtu. Jista’ jkun li ma għarfux jaħfru f’waqtu. U dejjem, lill-għarajjes ġodda jiena nagħtihom dan il-parir: “Tlewwmu kemm tridu. Jekk il-platti jtiru ħalluhom. Imma qatt tħallu jum jgħaddi mingħajr ma tagħmlu paċi! Qatt”. U jekk il-miżżewġin jitgħallmu jgħidu: “Imma, skużani, kont għajjien”, jew xi ġest ċkejken: din hija l-paċi; u nkomplu bil-ħajja fil-jum ta’ wara. Dan huwa sigriet sabiħ, u dan iwarrab dawn is-separazzjonijiet ta’ niket. Kemm huwa important nimxu flimkien, mingħajr ma naħarbu quddiem, mingħajr nostalġiji tal-imgħoddi. U meta nkunu mixjin, nitkellmu, insiru nafu lil xulxin, nirrakkuntaw ġrajjietna lil xulxin, nikbru flimkien biex inkunu familja. Hawnhekk insaqsu lilna nfusna: Kif aħna sejrin? Kif inhija r-realta’ djoċesana tagħna? Qed nimxu flimkien? U jien x’qiegħed nagħmel biex id-djoċesi timxi tassew flimkien? Jien hawnhekk ma rridx nidħol fl-argument tat-tpaċpiċ, imma intom tafu li l-kliem żejjed dejjem jifred!
3. Għalhekk: Nisimgħu, Nimxu; u t-tielet aspett huwa dak missjunarju: inxandru sal-periferiji. U dan ukoll ħadtu minn għandkom, mill-proġetti pastorali tagħkom. L-Isqof tkellem milux. Imma jien irrid nisħaq fuqu wkoll għaliex huwa ukoll element li jiena għixtu ħafna meta kont Buenos Aires: l-importanza li toħroġ sabiex tmur tiltaqa’ mal-ieħor, fil-periferiji, li huma postijiet; imma fuq kollox huma persuni f’qagħadiet ta’ ħajja speċjali. Dan huwa l-każ tad-djoċesi li kelli qabel dik ta’ Buenos Aires. Periferija waħda li ġagħalitni nbati; hemm sibt fost il-familji tal-klassi medja tfal li ma kienux jafu jroddu s-Salib. Imma, din hija periferija waħda! Jiena nistaqsikom: hawnhekk, f’din id-djoċesi, hawn tfal li ma jafux jagħmlu s-Sinjal tas-Salib? Aħsbu ftit fuq dan. Dawn huma periferiji tassew, eżistenzjali, fejn m’hemmx Alla.
Fl-ewwel mod, il-periferiji ta’ din id-djoċesi, per eżempju, huma ż-żoni tad-Djoċesi li qegħedin f’riskju li jkunu fit-trufijiet, ‘il barra mid-dwal tar-rifletturi. Imma wkoll, huma dawk il-persuni, realtajiet umani li fil-fatt huma emarġinati, disprezzati. Huma persuni li forsi jistgħu jkunu fiżikament fiċ-“ċentru”, imma spiritwalment huma ‘l bogħod.
La tibżgħux toħorġu u tmorru tiltaqgħu ma’ dawn il-persuni, ma’ dawn is-sitwazzjonijiet. Tkunux miżmumin minn preġudizzji, minn drawwiet, riġidita’ mentali jew pastorali, immexxijin mill-motto famuż “imma dejjem hekk sar!”. Imma nistgħu biss immorru fil-periferiji jekk inġorru l-Kelma t’Alla fi qlubna, u nimxu mal-Knisja, bħal San Franġisk. Jekk ma jkunx hekk, inġorru lilna nfusna u mhux il-Kelma t’Alla; u dan mhux tajjeb, ma jgħin lil ħadd! Mhux aħna li nsalvaw id-dinja: huwa proprju l-Mulej li jsalvaha!
Hekku, ħbieb għeżież tiegħi, ma tajtkomx soluzzjonijiet ġodda. Ma għandix, u temmnux lil dawk li jgħidu li għandhom: ma hemmx. Imma jiena sibt fil-mixja tal-Knisja tagħkom aspetti sbieħ u importanti li għandkom tkabbruhom u nixtieq inseddaqkom fihom. Isimgħu l-Kelma, imxu flimkien bħala fraternita’, ħabbru l-Evanġelju fil-periferiji! Il-Mulej iberikkom, il-Madonna tħariskom u San Franġisk jgħinkom ilkoll biex tgħixu l-ferħ li tkunu dixxipli tal-Mulej! Grazzi. Miġjub għall-Malti minn Patri Silvestru Bonavia OFM Cap. Rabat: 21.12.2013 |
Il-mixja ta’ Franġisku lejn Kristu titlaq mill-ħarsa ta’ Ġesù fuq is-salib. |
|