|
San Franġisk - artikli |
|
|
<<|werrej|>>Diskorsi tal-Papa - 5Waqt iż-żjara tal-Papa Franġisk lil San Franġiskf'Assisi 4 ta' Ottubru 2013 Għandna lil Franġisku, għandna lil Kjara, jitkellmu huma! Il-kariżma tagħhom tkompli tkellem lil tant żgħażagħ fid-dinja kollha LAQGĦA MAŻ-ŻGĦAŻAGĦ TA’ L-UMBRIJA MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU fi Pjazza Santa Maria degli Angeli, Assisi (*)
Dwar il-FAMILJA: Aħna ż-żgħażagħ qed ngħixu f’soċjetà fejn fiċ-ċentru hemm il-benessri, id-divertiment, u li wieħed jaħseb għalih innifsu. Għaż-żgħażagħ Insara, li jgħixu l-ħajja taż-Żwieġ saret ħaġa kumplessa, u li jinfetħu għall-ħajja hi sfida li tqanqal spiss il-biża’. Bħala koppja żagħżugħa nħossu l-ferħ li qed ngħixu ż-żwieġ tagħna, imma nġarrbu wkoll it-tbatija u l-isfidi ta’ kuljum. Il-Knisja kif tista’ tgħin, ir-rgħajja tagħna kif jistgħu jsostnuna, liema passi anki aħna msejħin nagħmlu? Nicola u Chiara Volpi (Perugia-Città della Pieve) Dwar ix-XOGĦOL: Anki fl-Umbrija l-kriżi ekonomika ġenerali ta’ dawn l-aħħar snin wasslet għal sitwazzjonijiet ta’ skumdità u faqar. Il-futur jidher inċert u bħal theddida quddiemna. Ir-riskju hu li, mas-sigurtà ekonomika, nitilfu wkoll it-tama. Żagħżugħ Nisrani kif għandu jħares lejn il-futur? Liema toroq għandu jaqbad biex jibni soċjetà denja ta’ Alla u denja tal-bniedem? Danilo Zampolini (Spoleto-Norcia) u David Girolami (Foligno) Dwar il-VOKAZZJONI: X’għandi nagħmel f’ħajti? Kif u fejn għandi nuża t-talenti li l-Mulej tani? Xi kultant taffaxxinana l-idea tas-saċerdozju jew tal-ħajja kkonsagrata. Imma dritt jitnissel il-biża’. U mbagħad, impenn bħal dan: “għal dejjem”? Kif nagħrfu s-sejħa ta’ Alla? X’parir tagħti int lil min jixtieq jiddedika ħajtu fis-servizz ta’ Alla u ta’ l-aħwa? Benedetto Fattorini (Orvieto-Todi) u Chiaroli Maria (Terni-Narni-Amelia) Dwar il-MISSJONI: Kemm hu sabiħ għalina li nġbarna hawn miegħek biex nisimgħu l-kliem tiegħek ta’ inkuraġġiment li jħeġġeġ lil qalbna. Is-Sena tal-Fidi li ħa tagħlaq fi ftit ġimgħat oħra reġgħet ipproponiet lil dawk kollha li jemmnu l-urġenza tat-tħabbira tal-Bxara t-Tajba. Anki aħna nixtiequ nieħdu sehem b’entużjażmu f’din l-avventura. Imma kif? Liema jista’ jkun il-kontribut tagħna? X’għandna nagħmlu? Luca Nassuato (Assisi-Nocera Umbra-Gualdo Tadino), Mirko Pierli (Città di Castello) u Petra Sannipoli (Gubbio)
TWEĠIBIET TAL-PAPA
Għeżież żgħażagħ ta’ l-Umbrija, il-lejla t-tajba!
Grazzi li ġejtu hawn, grazzi ta’ din il-festa! Verament, din hi festa! U grazzi tal-mistoqsijiet tagħkom.
Ħadt gost li l-ewwel mistoqsija saritli minn koppja żagħżugħa. X’xhieda sabiħa! Żewġ żgħażagħ li għażlu, iddeċidew, bil-ferħ u bil-kuraġġ kollu li jsawru familja. Iva, għax tabilħaqq hu minnu, trid il-kuraġġ biex tifforma familja! Trid il-kuraġġ! U l-mistoqsija tagħkom, żgħażagħ miżżewġa, hi marbuta ma’ dik dwar il-vokazzjoni. X’inhu ż-żwieġ? Hu vokazzjoni vera u propja, kif huma s-saċerdozju u l-ħajja reliġjuża. Żewġ Insara li jiżżewġu, fl-istorja ta’ mħabba ta’ bejniethom għarfu s-sejħa tal-Mulej, il-vokazzjoni biex minn tnejn, raġel u mara, jiffurmaw ġisem wieħed, ħajja waħda. U s-Sagrament taż-Żwieġ idawwar din l-imħabba bil-grazzja ta’ Alla, iniżżlilha għeruqha f’Alla nnifsu. B’dan id-don, biċ-ċertezza ta’ din is-sejħa, nistgħu naqbdu t-triq b’qalbna qawwija, m’għandna għax nibżgħu minn xejn, nistgħu naffrontaw kollox, flimkien!
Naħsbu fil-ġenituri tagħna, fin-nanniet jew il-bużnanniet tagħna: iżżewġu f’kundizzjonijiet ħafna iżjed foqra minn tagħna, xi wħud fi żmien il-gwerra, jew ta’ wara l-gwerra; oħrajn huma emigranti, bħall-ġenituri tiegħi. Mnejn ġabuha s-saħħa? Sabuha fiċ-ċertezza li l-Mulej kien magħhom, li l-familja għandha fuqha l-barka ta’ Alla bis-Sagrament taż-Żwieġ, u li mbierka hi l-missjoni li ġġib fid-dinja l-ulied u tedukahom. B’dawn iċ-ċertezzi rnexxielhom jissuperaw anki l-iżjed provi iebsin. Kienu ċertezzi sempliċi, imma veri, li kienu bħal kolonni li żammew sħiħa l-imħabba tagħhom. Ma kinitx ħafifa l-ħajja tagħhom; ħabbtu wiċċhom ma’ problemi, tant problemi. Imma dawn iċ-ċertezzi sempliċi għenuhom biex jibqgħu mexjin ’il quddiem. U rnexxielhom jagħmlu familja sabiħa, jagħtu l-ħajja, ikabbru l-ulied.
Għeżież ħbieb, biex nistgħu nibnu tajjeb, b’mod b’saħħtu, għandna bżonn ta’ din il-bażi morali u spiritwali! Il-lum, din il-bażi m’hix iżjed garantita mill-familji u mit-tradizzjonijiet soċjali. Anzi, is-soċjetà li fiha intom twelidtu tipprivileġġja d-drittijiet individwali iżjed milli lill-familja – dawn id-drittijiet individwali –, tipprivileġġja r-relazzjonijiet li jibqgħu sakemm ma tqumx xi diffikultà, u minħabba f’dan kultant tisma’ min jitkellem dwar relazzjoni ta’ koppja, ta’ familja u ta’ żwieġ b’mod superfiċjali u ekwivoku. Biżżejjed tara ċerti programmi televiżivi u tkun taf liema huma dawn il-valuri! Kemm drabi l-kappillani – anki jien kultant smajtha din – jisimgħu koppja li tkun ġiet biex tiżżewweġ: “Imma intom tafu li ż-żwieġ hu għall-ħajja kollha?”. “Aħ, aħna ninħabbu ħafna, imma… nibqgħu flimkien sakemm tibqa’ l-imħabba. Meta tispiċċa, min imur ’l hemm u min imur ’l hawn”. Dan hu l-egoiżmu: meta jien ma nħoss xejn, naqta’ r-rabta taż-żwieġ u ninsieh dak il-“ġisem wieħed”, li ma jistax jinqasam. Iż-żwieġ hu riskju: hu riskju! Hu dak l-egoiżmu li jheddidna, għax ġo fina lkoll għandna l-possibbiltà ta’ personalità doppja: dik li tgħid: “Jien, liberu, jien irrid dan…”, u l-oħra li tgħid: “Jiena, tiegħi, miegħi, għalija…”. Dejjem l-egoiżmu, li jirritorna u ma jafx jinfetaħ għall-oħrajn. Id-diffikultà l-oħra hi din il-kultura tal-proviżorju: donnu xejn m’għadu definittiv. Kollox sar proviżorju. Kif għidt qabel: imma l-imħabba sakemm tibqa’. Darba waħda smajt seminarista – bravu – li qal: “Jien irrid insir saċerdot, imma għal għaxar snin. Wara mbagħad naħsibha”. Hi l-kultura tal-proviżorju, u Ġesù ma salvaniex proviżorjament: salvana definittivament!
Imma l-Ispirtu s-Santu dejjem iqanqal tweġibiet ġodda skond l-esiġenzi ġodda! U hekk fil-Knisja kotru l-mixjiet għall-għarajjes, il-korsijiet ta’ tħejjija għaż-Żwieġ, il-gruppi ta’ koppji żgħażagħ fil-parroċċi, il-movimenti familjari… Huma għana kbir! Huma punti ta’ riferiment għal kulħadd: żgħażagħ li qed ifittxu, koppji fi kriżi, ġenituri f’diffikultajiet ma’ wliedhom u viċi-versa. Kollha jgħinuna! Imbagħad hemm id-diversi forom ta’ akkoljenza: il-fostering, l-adozzjoni, id-djar ta’ kull tip għall-familji… Il-fantasija – ippermettuli l-kelma – il-fantasija ta’ l-Ispirtu s-Santu hi bla tmiem, imma anki konkreta ħafna! Allura nixtieq ngħidilkom biex ma tibżgħux tmiddu passi defenittivi: tibżgħux tagħmluhom. Kemm drabi ġew ommijiet jgħiduli: “Imma, Dun, jien għandi tifel ta’ tletin sena u ma jridx jiżżewweġ: ma nafx x’naqbad nagħmel
Għandu għarusa ħelwa, imma ma jridx jiddeċiedi”. Imma, sinjura, tibqax tgħaddilu l-qomos!Hekk hu! Tibżgħux tagħmlu passi defenittivi, bħal dak taż-żwieġ: niżżlu mħabbitkom fil-fond, irrispettaw iż-żmien u l-espressjonijiet, itolbu, tħejjew tajjeb, imma mbagħad afdaw fil-Mulej li ma jitlaqkomx waħidkom! Daħħluh fid-dar tagħkom bħal wieħed ta’ ġewwa, Hu jibqa’ jsostnikom dejjem.
Il-familja hi l-vokazzjoni li Alla naqqax fin-natura tar-raġel u tal-mara, imma hemm vokazzjoni oħra li tikkumplimenta ż-żwieġ: is-sejħa għaċ-ċelibat u għall-verġinità għas-Saltna tas-Smewwiet. Hi l-vokazzjoni li għex Ġesù nnifsu. Kif nagħrfuha? Kif nimxu fiha? Din hi t-tielet mistoqsija li għamiltuli. Imma xi ħadd fostkom jista’ jgħid: Imma dan l-isqof, kemm hu bravu! Għamilna l-mistoqsija u għandu t-tweġibiet kollha lesti, miktuba! Jien dawn il-mistoqsijiet irċivejthom xi ġranet ilu. Għalhekk naf x’fihom. U nweġibkom b’żewġ elementi essenzjali dwar kif tagħrfu din il-vokazzjoni għas-saċerdozju jew għall-ħajja kkonsagrata. Itolbu u imxu fil-Knisja. Dawn iż-żewġ affarijiet imorru id f’id, huma minsuġa ma’ xulxin. Fil-bidu ta’ kull sejħa għall-ħajja kkonsagrata dejjem hemm esperjenza qawwija ta’ Alla, esperjenza li ma ninsewhiex, nibqgħu niftakruha ħajjitna kollha! Hi dik li kellu Franġisku. U dan aħna la nistgħu nikkalkulawh u lanqas nipprogrammawh. Alla dejjem jissorprendina! Hu Alla li jsejjaħ; imma hu importanti li jkollna relazzjoni ta’ kuljum miegħU, nisimgħuh fis-skiet quddiem it-Tabernaklu u fil-ġewwieni tagħna nfusna, nitkellmu miegħu, inkunu qrib tas-Sagramenti. B’din ir-relazzjoni familjari mal-Mulej inkunu qisna qed inżommu miftuħa t-tieqa ta’ ħajjitna biex Hu jista’ jsemmagħna leħnu, dak li jrid minna. Kienet tkun ħaġa sabiħa kieku stajna nisimgħu x’għandkom x’tgħidulna intom, nisimgħu s-saċerdoti hawn preżenti, is-sorijiet… Kienet tkun ħaġa sabiħa ħafna, għax kull storja hi unika, imma kull waħda twassal għal laqgħa li ddawwal fil-fond tal-qalb, li tmiss il-qalb u tolqot il-persuna kollha: affett, intellett, sensi, kollox. Ir-relazzjoni ma’ Alla ma tolqotx biss parti minna nfusna, tolqot kollox. Hi mħabba hekk kbira, hekk sabiħa, hekk vera, li timmerita kollox u timmerita l-fiduċja kollha tagħna. U hemm ħaġa li rrid ngħidha bis-saħħa kollha tiegħi, speċjalment il-lum: il-verġinità għas-Saltna ta’ Alla m’hix “le”, hi “iva”! Daż-żgur, titlob li wieħed jiċċaħħad mir-rabta konjugali u milli jibni familja tiegħu, imma fil-bażi hemm l-“iva”, bħala tweġiba għall-“iva” totali ta’ Kristu lilna, u din l-“iva” twassalna biex nagħmlu l-frott.
Imma hawn f’Assisi m’hemmx bżonn ta’ kliem! Għandna lil Franġisku, għandna lil Kjara, jitkellmu huma! Il-kariżma tagħhom tkompli tkellem lil tant żgħażagħ fid-dinja kollha: ġuvintur u tfajliet li jħallu kollox biex jimxu wara Ġesù fit-triq tal-Vanġelu.
Hekk hu, Vanġelu. Irrid naqbad il-kelma “Vanġelu” biex inwieġeb għaż-żewġ mistoqsijiet l-oħra li għamiltuli, it-tieni u r-raba’. Waħda hi dwar l-impenn soċjali, f’dan il-perjodu ta’ kriżi li qed jhedded it-tama; u l-oħra dwar l-evanġelizzazzjoni, li nwasslu l-aħbar ta’ Ġesù lill-oħrajn. Staqsejtuni: X’nistgħu nagħmlu? Liema għandu jkun il-kontribut tagħna?
Hawn f’Assisi, hawn qrib tal-Porzjunkola, donni qed nisma’ l-leħen ta’ San Franġisk qed itenni: “Vanġelu, Vanġelu!”. Qed jgħidu anki lili, anzi, l-ewwel li qed jgħidu lili: Papa Franġisku, kun qaddej tal-Vanġelu! Jekk jien m’iniex kapaċi nkun qaddej tal-Vanġelu, ħajti ma tiswa xejn!
Imma l-Vanġelu, ħbieb tiegħi, ma jolqotx biss ir-reliġjon, jolqot il-bniedem, il-bniedem sħiħ, jolqot id-dinja, is-soċjetà, iċ-ċiviltà umana. Il-Vanġelu hu l-messaġġ ta’ salvazzjoni ta’ Alla għall-bnedmin. Imma meta ngħidu “messaġġ ta’ salvazzjoni”, din m’hix biss espressjoni, m’hux sempliċi paroli u paroli fil-vojt li minnu l-lum għandna kemm trid! L-umanità tabilħaqq għandha bżonn tiġi mifdija! Dan narawh ta’ kuljum meta nqallbu l-gazzetta, jew nisimgħu l-aħbarijiet fuq it-televiżjoni; imma narawh ukoll madwarna, fil-persuni, fis-sitwazzjonijiet; u narawh fina nfusna! Kull wieħed u waħda minna għandu bżonn tas-salvazzjoni! Waħidna mhux ħa jirnexxielna! Għandna bżonn tas-salvazzjoni! Salvazzjoni minn xiex? Mill-ħażen. Il-ħażen jaħdem, xogħlu jagħmlu. Imma l-ħażen m’hux invinċibbli u n-Nisrani quddiem il-ħażen ma jirrassenjax ruħu. U intom, żgħażagħ, tridu tirrassenjaw ruħkom quddiem il-ħażen, quddiem l-inġustizzji, quddiem id-diffikultajiet? Tridu jew ma tridux? [Iż-żgħażagħ iwieġbu: Le!]. Aħ, tajjeb. Hekk nieħu gost! Is-sigriet tagħna hu li Alla hu ikbar mill-ħażen: dan hu veru! Alla hu wisq ikbar mill-ħażen. Alla hu mħabba infinita, ħniena bla qies, u fil-mewt u l-qawmien ta’ Kristu din l-Imħabba lill-ħażen rebħitlu minn għeruqu. Dan hu l-Vanġelu, l-Aħbar it-Tajba: l-imħabba ta’ Alla ħarġet rebbieħa! Kristu miet fuq is-salib għal dnubietna u qam. MiegħU nistgħu aħna wkoll nissieltu lill-ħażen u nirbħuh kuljum. Nemmnuh dan jew le? [Iż-żgħażagħ iwieġbu: Iva!]. Imma din l-“iva” trid tibqa’ għaddejja f’ħajjitna! Jekk jiena nemmen li Ġesù rebaħ il-ħażen u jsalvani, irrid nimxi wara Ġesù, irrid nimxi fit-triq ta’ Ġesù ħajti kollha.
Allura l-Vanġelu, dan il-messaġġ ta’ salvazzjoni, għandu żewġ destinazzjonijiet li jintrabtu ma’ xulxin: l-ewwel, li jqanqal il-fidi, u din hi l-evanġelizzazzjoni; it-tieni, li jibdel id-dinja skond il-pjan ta’ Alla, u din hi l-ħajja li l-Insara jagħtu lis-soċjetà. Imma dawn m’humiex żewġ ħwejjeġ separati minn xulxin, huma missjoni waħda: inwasslu l-Vanġelu bix-xhieda tal-ħajja tagħna u b’dan nibdlu d-dinja! Din hi t-triq: inwasslu l-Vanġelu bix-xhieda tal-ħajja tagħna.
Inħarsu lejn Franġisku: hu wettaqhom it-tnejn li huma dawn iż-żewġ ħwejjeġ, bil-qawwa ta’ l-istess Vanġelu. Franġisku kabbar il-fidi, ġedded il-Knisja; u fl-istess ħin ġedded is-soċjetà, għamilha iktar fraterna, imma dejjem bil-Vanġelu, bix-xhieda. Tafu darba waħda lil ħutu x’qalilhom Franġisku? “Ippriedkaw dejjem il-Vanġelu u jekk ikun hemm bżonn, anki bil-kliem!”. Imma kif? Tista’ tippriedka l-Vanġelu mingħajr il-kliem? Iva! Bix-xhieda! L-ewwel ix-xhieda, wara l-kliem! Imma x-xhieda l-ewwel!
Żgħażagħ ta’ l-Umbrija: agħmlu hekk intom ukoll! Il-lum, f’isem San Franġisk, ngħidilkom: la għandi deheb, lanqas fidda x’nagħtikom, imma għandi xi ħaġa tassew prezzjuża, il-Vanġelu ta’ Ġesù. Morru bil-kuraġġ kollu! Bil-Vanġelu f’qalbkom u bejn idejkom, kunu xhieda tal-fidi bil-ħajja tagħkom stess: wasslu lil Kristu fid-djar tagħkom, ħabbruh fost sħabkom, ilqgħuh u aqduh fil-foqra. Żgħażagħ, wasslu lill-Umbrija messaġġ ta’ ħajja, ta’ paċi, ta’ tama! Dan tistgħu tagħmluh!
Talba tal-Missierna u Barka.
U jekk jogħġobkom, nitlobkom: itolbu għalija! miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard Rabat: 21.12.2013 |
Il-mixja ta’ Franġisku lejn Kristu titlaq mill-ħarsa ta’ Ġesù fuq is-salib. |
|