|
Poeżija Franġiskana |
|
|
Lir-Raħeb ta' Assisi George Grech Lir-Raħeb ta' Assisi
Bħal Kristu ċħadt id-dinja, stmerrejt il-frugħa, l-għana; twaħħadt mal-fqir, l-imġarrab, warrabt lil dawk setgħana.
Bħal Kristu ħabbejt 'l Alla ridt tagħmel ir-rieda tiegħu; dlonk tlaqt it-tbaħrid kollu, twaħħadt għalkollox miegħu.
Bħal Kristu ridt li ssofri, fuq kliemu inti mxejt. Bħalu kaxkart lil ħafna, bl-eżempju li wrejt.
Bħal Kristu ġbart madwarek xirka ta' nies ġwejdin, u fis inti sawwarthom f'xirka ta' qaddisin.
Bħal Kristu tajt imħabbtek lill-Knisja mwaqqfa minnu. Lilu għannejt bl-imħabba u sawwart l-akbar innu.
Bħal Kristu ħabbejt il-paċi, il-maħfra u l-imħabba, il-fidi, id-dawl, it-tama, is-safa, xejn imtebba'
Din il-Poeżija dehret fid-Dawl Franġiskan, Leħen il-Kapuċċini Maltin, Għadd 367, Frar 2017, paġna 8. Burmarrad - 28.2.2017 |
poeżija ta' George Grech
|
|
||