![]() |
L-Immakulata Kunċizzjoni - Poeżija |
|
Quddiem Xbieha ta' Marija mnissla mingħajr ħtija minn Patri Albert M. Sammut OFMConv
Għaddew mitt sena b'ħeffa donnhom berqa; tgerbu mgħaġġlin u sieħbu s-snin mgħoddija fl-insiġ tal-klil, tal-għana kollu ħerqa, li magħhom jien inqed f'riġlejk, Marija.
U meta l-ġilju ma' l-inwar fil-ġonna ibexxaq fommu jgħanni bil-bjudija, inbexxaq fommi jien ukoll u ndonnha mas-safa tiegħek; o xi ġmiel ! Marija.
Nidħol ġo fija u nilmaħ minqux Ismek: Omm Alla, Xebba, mnissla, mingħajr ħtija; u nħossni nfur bil-ferħ għax id-dnub f'ġismek ma deh'rx waqt wieħed bħalma għamel fija.
Għallinqas Ommi sfat minn dan l-għelt ħielsa, u ġmielha jisboq lil kull warda mielsa.
Dik l-id li naqxet surtek ġo dil-ġnejna f'irħama bajda, fl-iskarpell għaqlija, inħossha trid tfakkarni kif imżejna tinsab Int fis-smewwiet, ħelwa Marija.
Mitluf fil-ġenn ta' Mħabba b'ħarsti f'tiegħek, integħ'm il-ħlewwa ta' bennet xufftejk; inħossni qisni mmelles minn dak driegħek misruq mill-ġmiel u l-ħarsa ta' għajnejk.
Fin-niċċa ċkejkna mdawra kollok ħdura, fil-ħemda u fis-sikta ta' dal-ġnien, xebbaħt dik ħarstek f'tmiem il-jum mal-ħmura qabel ma d-dlam ikeffen kullimkien.
Fil-għodu nilmħek bħal kewkba bikrija u nibda l-jum nitgħaxxaq bik, Marija.
Dis-sena nħossni rrid inżurek f'darek, fejn Int tmintax-il, darba qagħdt titkellem u tajt liċ-ċkejkna Bernardetta ħbarek; hemmhekk jien lilek nixtieq niġi nsellem.
Deh'rtek f'dal-ġnien dan biss qiegħda tħajjarni: niġi ġo Lourdes, b'qalbi xewqat mimlija ; nitolbok għall-għeziez u għal min tfakkarni, biex Int ittih kulma jinħtieġ, Marija.
Intir bi ħsiebi niġi hdejk nithenna, fi ħbub għajnejk infittex il-mogħdrija li tfur mis-sema fl-art u tibdel f'ġenna ħajjet min hu magħkus, twajba Marija.
Nitolbok tixġet fuqna l-barka tiegħek, Madonna Bajda, żommna dejjem miegħek.
Ruma - 13.1.1958 Din il-poezija dehret fir-Rivista: Il-Ħabbâr ta' Sant'Antnin, Sena XLVII/2 Frar 1958, p.23. Valletta: 19.1.2004 |
![]() Qaddisa Verġni Marija minn fost in-nisa ma twieldet qatt oħra bħalek. Int il-bint u l-qaddejja tas-Sultan il-Kbir l-aktar għoli u tal-Missier tas-sema, Int l-omm tal-Mulej Qaddis tagħna Ħesů Kristu, Int l-għarusa ta’ l-Ispirtu s-Santu.
Talba ta' San Franġisk
|
|
![]() |