Nitolbu ma' San Franġisk

 

◄◄|werrej|►►


Is-Sejħa għat-tifħir 'l Alla

tal-Festa ta' San Franġisk

4 ta' Ottubru


 

San Franġisk twieled f'Assisi fis-sena 1182. Wara żogħżija fiergħa, ċaħad il-ġid ta' missieru u ngħaqad bis-sħiħ ma' Alla. Ħaddan il-faqar, u għadda ħajja mfassla fuq l-Vanġelu; xandar lil kulħadd l-imħabba ta' Alla. Lil dawk li riedu jimxu warajh tahom liġijiet mill-aħjar, li wara ġew imwettqa mis-Santa Sede. Waqqaf ukoll Ordni ta' Sorijiet, kif ukoll għaqda ta' nies li, waqt li jibqgħu jgħixu fid-dinja, igħaddu ħajja ta' ċaħda. Beda l-predikazzjoni fost l-infidili. Miet fis-sena l226..

 


Is-Sejħa għat-tifħir 'l Alla


V/. Mulej, iftaħli xofftejja.

R/. U Fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Antifona: Kristu sultan li jgħolli lill-umli, ejjew nadurawh.

 

L-antifona tiġi mtennija fejn hemm: Ant.
 

Salm 94
Ejjew, ħa nfaħħru bil-hena il-Mulej, *
   ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!
Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr, *
   ngħannulu b'għajat ta ferħ.    Ant.

Għax Alla kbir hu l-Mulej,*
   sultan kbir fuq l-allat kollha,
F'idejh huma l-qigħan ta' l-art, *
   tiegħu huma l-qċaċet ta' l-għoljiet.
Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu; *
   tiegħu l-art, għax b'idejh saret.    Ant.

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu, *
   għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna    
Għaliex hu Alla tagħna, *
   u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu
       u n-nagħaġ tiegħu.    Ant.

Mhux li kontu llum tisimgħu leħnu! *
   La twebbsux qalbkom bħal f'Meribah,
bħal dak inhar f'Massah, fid-deżert,
   meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom, *
   għalkemm raw dak li jien għamilt.    Ant.

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel; *
   u jien għedt: Qalbu mħassra dan il-poplu,
   u triqati ma jagħrfux.
Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi: *
   Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi.    Ant.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu. *
Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,
   u jibqa' għal dejjem ta' dejjem. Amen

 

Antifona: Kristu sultan li jgħolli lill-umli, ejjew nadurawh.

 

◄◄|werrej|►►


Testi mehudin mill-Liturġija tas-Sigħat, Proprju Franġiskan, Malta 1980

Assisi -24.4.2003


Il-Festa

ta'

San Franġisk ta' Assisi tiġi ċċelebrata

kull sena

fl-4 ta' Ottubru.