Nitolbu ma' San Franġisk |
|
L-Ewwel Għasar tal-Festa ta' San Franġisk 3 ta' Ottubru
V/. O Alla, ejja eħlisni. R/. Mulej fittex għinni. Glorja lill-Missier, lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, għal dejjem ta' dejjem. Ammen, Alleluia.
Innu Ix-xemx nieżla bil-qajl, fuq l-art mis-sema bdew jaqgħu twal, għajjiena, d-dellijiet; is-skiet fuq kollox, San Franġisk ħass riesaq il-ħin li jmur jithenna fis-Smewwiet.
X'qawwa qed taħkem dan il-bniedem t'Alla! U x'fidi ħajja daqs ilsien tan-nar! X'ħeġġa ta' mħabba taqbad ġewwa sidru, kull ħjiel ta' dinja fih, ġa għadda w mar!
Qalbhom maqsuma jibku, resqu b'qima uliedu, u madwaru miġburin staqsewh: "Għaliex se titlaq ja ragħaj tagħna, se nisfgħu ngħaġ mitluqa u mxerrdin?"
Ħares lejhom bis-sliem u refa' idu, u fetaħ kemmxejn fommu kollu ħlewwa: "Tinżel fuqkom bħal xita l-grazzja t'Alla," qalilhom, "u tħariskom minn kull dnewwa"
"Jalla ma jidħol qatt il-qerq ġo moħħkom u l-bogħ'd iżżommu l-ġisem minn kull ħtija ta' żina u tinġis, 'mma jkollkom qalbkom bit-tjieba tal-Mulej, b'kull ħajr, mimlija".
Kif qal dal-kliem, ir-ruħ ħalliet il-ġisem, taret fil-beraħ wiesa' tas-Smewwiet, kewkba ta' dawl leqqien, biex tmur tissieħeb mal-kwiekeb l-oħra, jiddu bil-qtajjiet.
Glorja nagħtu 'l-Missier, 'l Ibnu l-Waħdieni u lill-Ispirtu Mqaddes tal-qdusija: tagħtina t-Trinità li ngħixu magħha għal dejjem fis-Smewwiet, fl-ogħla tgawdija. Ammen.
Salmodija Antifona. 1: Franġisku, bniedem kattoliku u kollu apostoliku, ġie mibgħut iħejji tìtriq għall-Vanġelu tal-Paċi.
Salm 111 Ħieni l-bniedem li jibża' mill-Mulej, * li jitgħaxxaq ħafna bil-kmandamenti tiegħu! Kbar fuq l-art ikunu wliedu;* nisel it-tajbin ikun imbierek.
Ġid u għana jkunu f'daru; * għal dejjem tibqa' l-ġustizzja tiegħu. Dawl fid-dlam ifeġġ għat-tajbin; * twajjeb u ħanin hu l-bniedem sewwa.
Tajjeb il-bniedem li jħenn u jislef, * li jmexxi ħwejġu bir-reqqa. Għax il-bniedem ġust qatt ma jitfixkel; * għal dejjem tibqa' t-tifkira tiegħu.
Xejn ma jibża' minn aħbar ħażina; * qalbu qawwija bit-tama fil-Mulej. Qalbu qawwija, ma għandux mniex jibża', * sa ma jara mxejjen il-għadu tiegħu.
Iqassam u jagħti lill-foqra; † għal dejjem tibqa' l-ġustizzja tiegħu; * rasu merfugħa bil-ġieħ. Jarah il-ħażin u jinkedd † iheżżeż snienu u jertaq qalbu * Imma x-xewqa tal-ħżiena tibqa' bla temma.
Glorja lill-Missier, lill-Iben * u lill-Ispirtu s-Santu Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, * għal dejjem ta' dejjem. Ammen
Antifona: Franġisku, bniedem kattoliku u kollu apostoliku, ġie mibgħut iħejji tìtriq għall-Vanġelu tal-Paċi. Antifona 2: F'ħajtu dawwal id-dar t'Alla u fi żmienu rifed it-tempju tiegħu.
Salm l47 Sebbaħ, Ġerusalem, il-Mulej; * faħħar 'l Alla tiegħek, Sijon! Hu jsaħħaħ l-istaneg ta' bwiebek, * u jbierek ġewwa fik 'l uliedek.
Hu jqiegħed fis-sliem it-trufijiet ta' artek, * u lilek bl-aħjar qamħ ixebbgħek. Hu jibgħat fuq l-art il-kmand tiegħu; * bil-ħeffa tiġri l-kelma tiegħu.
Jibgħat is-silġ bħas-suf; * ixerred bħar-rmied il-ġlata. Jitfa' s-silġ bħall-frak tal-ħobż; * u jagħgad l-ilma bil-kesha tiegħu.
Isemma' kelmtu, u jinħall is-silġ; * jonfoħ ir-riħ tiegħu, u jiġri l-ilma.
Hu jxandar kelmtu lil Ġakob, * il-liġijiet u d-digrieti tiegħu lil Israel. Ma għamel hekk ma' ebda poplu; * lil ħadd ma għarraf id-digrieti tiegħu.
Glorja lill-Missier, lill-Iben * u lill-Ispirtu s-Santu Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, * għal dejjem ta' dejjem. Ammen
Antifona F'ħajtu dawwal id-dar t'Alla u fi żmienu rifed it-tempju tiegħu. Antifona 3: Oħroġ mill-ħabs lil ruħi, it-twajbin qed jistennewni sakemm tatini ħlasi.
Salm 141 B'leħen qawwi lill-Mulej insejjaħ, * b'leħen qawwi lill-Mulej nitlob. Inressaq quddiemu t-tnehid tiegħi, * id-dwejjaq tiegħi quddiemu nqiegħed.
X'ħin ruħi ġo fija tinfena, * int tkun taf minn xiex għaddej. Fit-triq li fiha nimxi, * huma ħbew nassa għalija.
Inħares fuq il-lemin, * u nara li m'hemm ħadd min jagħti każi; m'hemmx mnejn nista' naħrab,* m'hemm ħadd min jieħu ħsiebi.
Lilek Mulej, insejjaħt † ngħidlek : "Inti l-kenn tiegħi, * inti sehemi f'art il-ħajjin.
Agħti widen għall-għajta tiegħi, * għax ninsab mitluq għall-aħħar. Eħlisni minn dawk li daru għalija, * għax huma aqwa minni.
Mill-ħabs oħroġni, * biex inrodd ħajr lil ismek. Madwari jduru l-ġusti, * għax int timxi tajjeb miegħi."
Glorja lill-Missier, lill-Iben * u lill-Ispirtu s-Santu Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, * għal dejjem ta' dejjem. Ammen.
Antifona Oħroġ mill-ħabs lil ruħi, it-twajbin qed jistennewni sakemm tatini ħlasi.
Lezzjoni Qasira Rum 8, 1O-I I Jekk Kristu jgħammar fikom, il-ġisem hu mejjet minħabba fid-dnub, imma l-Ispirtu hu ħajjitkom minħabba l-ġustizzja. Jekk l-Ispirtu ta' dak li qajjem lil Ġesù mill-imwiet igħammar fikom, Alla stess li qajjem lil Kristu mill-imwiet iqajjem għall-ħajja wkoll il-ġisem mejjet tagħkom, bis-saħħa ta' l-Ispirtu li jgħammar fikom.
Responsorju Qasir R/. Franġisku fqir u umli * Daħal għani fis-sema. V/. Franġisku fqir u umli * Daħal għani fis-sema. R/. Ġie msebbaħ b'għanjiet tas-sema V/. Daħal għani fis-sema. R/: Glorja lill-Missier, lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu V/. Franġisku fqir u umli * Daħal għani fis-sema.
Antifona: Franġisku obda f'kollox lill-Ħallieq għalhekk ikkmanda lill-ħlejjaq; hu għaraf jużahom għall- glorja ta' Dak li ħalaq kollox.
Kantiku ta' Marija
Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *
Mela b'kull ġid lil min
hu bil-ġuħ. *
Glorja lill-Missier, lill-Iben * u lill-Ispirtu s-Santu Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, * għal dejjem ta' dejjem. Ammen.
Antifona: Franġisku obda f'kollox lill-Ħallieq għalhekk ikkmanda lill-ħlejjaq; hu għaraf jużahom għall-glorja ta' Dak li ħalaq kollox.
Preċi Alla Missier, għajn ta' kull qdusija, nitolbuk li bl-eżempji u l-interċessjoni tal-qaddis Missierna Franġisku, twassalna għall-ħajja qaddisa, u ngħidulek: - Ismagħna, nitolbuk.
Missier qaddis li għamilt fill-qaddej tiegħek Franġisku dixxiplu perfett ta' Ibnek, - agħmel li aħna wkoll nimxu fuq il-passi tiegħu, u nħarsu bil-fedeltà l-Vanġelu ta' Kristu.
Missier qaddis, mexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem li wriena l-Missier tagħna Franġisku, - ħalli ngħixu b'qalb sinċiera fl-ubbidjenza, bla xejn tagħna, u fil-kastità.
Missier qaddis, li tbaxxi s-suppervi, u tgħolli `l-umli, - agħtina li nimxu wara l-Missier serafiku fl-umiltà.
Missier qaddis, li żejjint lill-qaddej tiegħek Franġisku bil-pjagi mqaddsa tal-passjoni ta' Ibnek, - għallimna dejjem niftaħru ferħana bis-salib ta' Sidna Ġesù Kristu.
Missier qaddis, li tajt il-maħfra lill-midinbin għat-talb tal-qaddis Missierna Franġisku, - uri fil-ħniena tiegħek id-dawl ta' wiċċek lil ħutna mejtin.
Missierna Missierna...
Talba O Alla, int ridt li s-Serafiku Missierna San Franġisk ikun jixbaħ lil Kristu fil-faqar u l-umiltà tiegħu; agħtina li nimxu fuq il-passi tiegħu wara Ibnek u ningħaqdu miegħek b'imħabba ħienja. B'Ibnek, Ġesù Kristu Sidna li hu Alla u miegħek igħix u jsaltan flimkien ma' l-Ispirtru s-Santu għal dejjem ta' dejjem. Ammen.
Barka V/. Il-Mulej magħkom. R/. U miegħek ukoll. V/. Iberikkom Alla li jista' kollox, il-Missier u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu. R/. Ammen. V/. Morru fil-Paċi ta' Kristu. R/. Inroddu ħajr lil Alla.
Testi meħudin mill-Lituġija tas-Sigħat, Proprju Franġiskan, Malta 1980 Assisi - 24.4.2003 |
![]() Il-Festa ta' San Franġisk ta' Assisi tiġi ċċelebrata kull sena fl-4 ta' Ottubru.
|
![]() |