Nitolbu ma' San Franġisk |
|
Sekwenza għall-Quddiesa tal-Festa ta’ San Franġisk. 4 ta’ Ottubru Għeliem ġodda ta' qdusija Nisslu xempju ta' tjubija Li troxx ġid u tferrex dija Mit-tagħlim ta' San Franġisk.
F'għaqda ġdida lill-imxierka Ingħataw liġijiet xierqa Dmirijiet ġodda u mbierka Imfasslin minn San Franġisk.
Ordni ġdid u ħajja xegħlu B'liġi mqaddsa tneħħa l-velu Li kien satar il-Vanġelu Dwal li d-dinja reġgħet rat.
Liġijiet minn Kristu mnebbħa Għad-deh'n tagħhom m'għerfu mxebbha Fuq l-oħrajn dlonk kisbu rebħa. F'isem l-ogħla apostolat.
B'ħabel aħrax, b'ċoqqa fqira Għatta surtu bi tmaqdira; Ħobż bil-qies, ikel ħarira; Siequ ċaħħad miż-żarbun.
Ħajtu jsaffi ried mill-faqar Minn kull ħajr għażel jinħaqar, Għat-tlellix tilef is-sabar, Warrab ġidu għall-kurdun.
Qalbu fittxet dawk l-imkejjen Fejn bi dmugħ għajnejh iżejjen B'sobgħa għaż-żmien siewi li xejjen Mat-tgerbib ta' seklu sħiħ.
Mill-blat, fl-għari, Fejn mar joqgħod Għajnejh sammar fl-għoli, 'l bogħod; Frugħa d-dinja tgħallem jobgħod B'lehma mfittxa mis-smewwiet.
Ġismu mgħakkes sar bla sura Lewn il-ġilda ksietu s-sfura; L-ikel fittex fl-Iskrittura; Stmerr il-ħajra tax-xewqat.
Fuq muntanja f'għar intafa', Mill-art wiċċu qatt ma rafa' Sa ma ġewh is-sliem u safa; U f'dal ħabs ta' xewqtu strieħ.
F'daqqa waħda feġġ bħal beraq, Sid id-dinja s-sema feraq, Moħħ ir-raħeb l-għaġeb seraq, W hekk intrafa' f'dan in-nebħ.
Ġablu l-marki tat-tbatija Li Ġesu ġarrab bla ħtija U fuq laħmu stampa d-dmija, Naqqax ġrieħi bl-istess xebħ.
Huwa ħaseb, b'dieqa f'qalbu, Fil-ħruxija ta' min sallbu, Ġenbu, idejh u saqajh ġarrbu Dak li ġarrab il-Mulej.
Twaħħdu r-rwieh b'għaġeb tas-sema Il-Qaddis tkellem u sema'; Wara ra l-ġrajja f'miġemgħa Li se jiġru għal li ġej.
Hawn xi msiemer f'għadmu ssammru Suwed barra, f'ġismu tħammru Truf il-ġrieħi ħass jixxammru Mat-titġib tal-ponot twal.
Ma sarux bl-għodod ġriħietu; Kienu grazzja skond xewqietu Il-martell tħalla fi skietu, Feġġu f'ġismu bħall-inwar.
(*) Fuq il-ġisem, għadu tagħna, Int irbaħt ġlidiet ħerqana Sbaqt il-ġibda hekk setgħana Bis-sinjali tas-salib.
Agħmel raħeb li jħarsuna, F'kull taqbida li jsaħħuna U jħejjulna dik l-għajnuna Li tmexxina fit-taqlib.
O Missier, ħniena u qdusija, Għolli n-nies li ħriġt mill-ħtija Ma' l-irħieb f'għaqda aħħarija Lejn is-saltna tas-smewwiet.
Ħa jissieħbu mal-maħtura Dawk l'għallimt u tajthom sura, Ma' l-irħieb iż-żgħar miġbura Jgħixu l-ħajja tal-ħajjiet.
Amen. Hallelujah.
It-test huwa meħud mill-Missal, Ruman Serafiku, Vol I, Malta 1979 |
Din is-Sekwenza waqt il-Quddiesa tista':
jew tinqara kollha kemm hi,
jew jinġraw biss l-aħħar strofi mill-(*) Fuq il-ġisem għadu tagħna,
jew inkella tista’ titħalla barra,
z |