Nitolbu ma' San Franġisk |
|
Quddiesa ta' San Franġisk f'Jum il-Festa 4 ta’ Ottubru ■ Antifona tad-Dħul
Nifirħu lkoll fil-Mulej, f’jum il-għid ta’ Missierna San Franġisk: fil-festa tiegħu jifirħu l-Anġli u jfaħħru għalenija l-Iben ta’ Alla.
■ Talba tal-Bidu
NITOLBU. O Alla, li ridt li s-Serafiku Missierna San Franġisk ikun jixbah lil Kristu fil-faqar u fl-umiltà tiegħu; Agħtina li nimxu fuq il-passi tiegħu wara Ibnek u ningħaqdu miegħek b’imħabba ħienja, b’Ibnek Ġesù Kristu Sidna li hu Alla u miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu għal dejjem ta’ dejjem. Amen.
■ L-Ewwel Qari
Qari mill-Ktieb ta’ Bin Sirak (50:1,3-7)
Dan hu dak li f’ħajtu rifed it-tempju u fi żmienu rifed id-dar t’Alla. Fi żmienu nfetħu bjar ta’ l-ilma u faru qishom baħar. Ħa ħsieb ġensu u ħelsu mill-qerda; Kabbar il-belt u saħħaħha; wessa’ l-bitħa u d-daħla tat-tempju u qala’ ġieħ mill-poplu tiegħu. Bħall-kewlba ta’ fil-għodu li qalb is-sħab tidher u bħall-qamar meta jkun mimli, bħax-xemx tiddi, hekk deħer jiddi fit-tempju t’Alla.
Il-Kelma tal-Mulej. R/. Inroddu ħajr lil Alla.
■ Salm Responsoriali (15:1-2a.5.7-8.11)
R/. Mulej int is-sehem tal-wirt tiegħi.
Ħarisni, O Alla, għax fik jien nistkenn. Jien għidt lill-Mulej: “Int Sidi; Mulej, int is-sehem tal-wirt u r-risq tiegħi, Int iżżomm f’idejk xortija.” R/.
Imbierek il-Mulej li tani l-fehma, imqar bil-lejl qalbi tgħallimni. Inżomm il-Mulej dejjem quddiemi, għax bih f’leminti qatt ma nitħarrek. R/.
Int tgħallimni t-triq tal-ħajja: Hemm il-milja tal-ferħ quddiemek, hemm il-għaxqa għal dejjem f’lemintek. R/.
■ It-Tieni Qari
Egħluq ta’ l-ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Galatin (6:14-18)
Ħuti, Ngħid għalija, ma jkun qatt li niftaħar jekk mhux bis-salib ta’ Sidna Ġesù Kristu, li bih id-dinja hi msallba għalija u jien għad-dinja. Għaliex, biċ-ċirkonċiżjoni jew mingħajrha, xejn ma hemm ta’ siwi, imma jiswa biss li nkunu ħolqien ġdid. U dawk li jimxu fuq din ir-regola, sliem u l-hena fuqhom, kif ukoll fuq Israel ta’ Alla. Mil-lum ‘l quddiem Qisu li ħadd aktar ma jħabbatni għax jien f’ġismi nġib il-marki ta’ Ġesù. Il-grazzja ta’ Sidna Ġesù Kristu Tkun ma’ l-ispirtu tagħkom, ħuti, Amen.
Il-Kelma tal-Mulej. R/. Inroddu ħajr lil Alla.
■ Il-Kant ta’ Qabel il-Vanġelu
Hallelujah. R/. Hallelujah. San Franġisk, fqajjar u umli, għani jidħol fis-Saltna tas-sema, fejn hu msebbaħ bil-għana ta’ l-Anġli. R/. Hallelujah.
■ Il-Vanġelu
+ Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew. (11:25-30)
F’dak iż-żmien: Ġesù tkellem u qal: “Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, talli int dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min hu għaref u lil min jifhem u għarrafthom lil min hu ċkejken. Iva, Missier, għax hekk għoġob lir-rieda tiegħek. Kollox kien mogħti lili minn Missieri, u ħadd ma jagħraf lill-Iben ħlief il-Missier, kif ħadd ma jagħraf lill-Missier ħlief l-Iben u dak li l-Iben irid igħarrafhulu. Ejjew Għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin u jien nserraħkom. Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni, għax jiena ta’ qalb ħelwa u umli, u intom issibu mistrieħ għal ruħkom. Għaliex il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħi ħafif.”
Il-Kelma tal-Mulej. R/. Tifħir lilek Kristu.
■ Talba tal-fidili
Ħuti għeżież, f'dan il-jum ta' festa, inroddu ħajr 'l Alla, li fil-Qaddis Serafiku Franġisk t'Assisi ta lill-Knisja iben umli u kollu mħabba għaliha u lilna tana Missier għaqli u Mexxej imdawwal, u nitolbuh iżomm ħaj u mħeġġeġ fina l-ispirtu evanġeliku li hu għex fil-milja tiegħu.
Ismagħna, nitolbuk Mulej.
Ismagħna, nitolbuk Mulej.
Ismagħna, nitolbuk Mulej.
Ismagħna, nitolbuk Mulej.
Ismagħna, nitolbuk Mulej.
Isma', Mulej, fit-tjieba tiegħek; it-talb tagħna, u bl-interċessjoni ta' San Franġisk Missierna, xbiha ta' Ibnek mislub għalina, wettaq dawn ix-xewqat qaddisa tagħna u agħmel li jseħħu fina bil-grazzja tiegħek. Bi Kristu Sidna. Amen.
■ Talba fuq l-offerti
Nersqu quddiemek, Mulej, b’dawn l-offerti, u nitolbuk li nitħejjew sewwa biex niċċelebraw kif jixraq il-misteru tas-Salib, li miegħu San Franġisk Missierna intrabat bil-ħrara kollha ta’ qalbu. B’Kristu Sidna.
■ Prefazju
Sewwa u xieraq tassew, Mulej, Missier qaddis, Alla ta’ dejjem li tista` kollox, tajjeb u ta’ ġid għas-salvazzjoni tagħna, li dejjem u kullimkien inroddulek ħajr.
Inti, lill-Qaddej tiegħek San Franġisk, mill-mogħdijiet ta’ l-ogħla faqar u ta’ l-umiltà li minnhom għadda, wassaltu fuq il-quċċata għolja tal-perfezzjoni evanġelika. Lilu, mħeġġeġ b’imħabba serafika, b’mod ta’ l-għaġeb fawwartu bil-hena għad-dehra ta’ l-egħmejjel kollha ta’ idejk; u mżejjen bil-pjagi mqaddsa, urejtna fih ix-xbiha ta’ Sidna Ġesù Kristu msallab.
Bih ifahhru l-kobor tiegħek l-Anġli, iqimuk id-Dominazzjonijiet, jitriegħdu quddiemek is-Setgħat, ilkoll ferħana jfaħħruk is-smewwiet mas-Serafini u l-Qawwiet tas-sema, flimkien ma’ tagħhom ilqa’, nitolbuk, it-tifħir tagħna, waqt li bil-qima ntennulek.
Qaddis, Qaddis, Qaddis…
■ Antifona tat-Tqarbin
Bil-ferħ ssieħeb fit-tbatijiet ma’ Kristu u issa jifraħ u jithenna fid-dehra tas-sebħ tiegħu.
■ Talba wara t-Tqarbin
NITOLBU Agħtina, nitolbuk, Mulej bit-tqarbina li għamilna, li nsiru nixbħu lil San Franġisk Missierna fl-imħabba u l-ħeġġa appostolika tiegħu, ħalli nimtlew bil-qawwa ta’ mħabbtek u nħaddmuha għas-salvazzjoni ta’ kulħadd. Bi Kristu Sidna.
It-test huwa meħud mill-Missal, Ruman Serafiku, Vol I, Malta 1979 |
Il-Festa ta' San Franġisk ta' Assisi tiġi ċċelebrata fl-4 ta' Ottubru ta' kull sena.
Din il-Quddiesa tista' tiġi wżata bħala quddiesa votiva
z |