Nitolbu ma' San Franġisk

 

◄◄|werrej|►►


Talb ta' Sbieħ il-Jum

tal-Festa ta' San Franġisk

4 ta' Ottubru


 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej fittex għinni.

Glorja lill-Missier, lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

għal dejjem ta' dejjem. Ammen, Alleluia.

 

Innu

Twajjeb Mulej, Int l-ogħla, tista' kollox,

għalik il-barka, s-sebħ, tifħir u ġieħ;

jixirqu lilek biss, u l-ebda bniedem

ma jlissen b'ħila l-ġmiel t'ismek sabiħ.

 

Ħallihom ifaħħruk il-ħlejjaq kollha,

u l-aktar id-dawl sfiq ta' Oħtna x-Xemx

li twelled il-jum ġdid, u bl-isfa dija

turi, Mulej, li ogħla minnek m'hemmx.

 

Mulejja, tkun imfaħħar f'Ħuna l-Qamar,

fil-kwiekeb sbieħ ġo sema kbir, leqqien;

u f'Ħuna r-Riħ, fis-sħab, f'taqlib, fi bnazzi

li bihom tgħajjex, b'seher, il-ħolqien.

 

Mulej, ħa tkun imfaħħar f'Ħuna l-Ilma,

irżin u safi wisq, meħtieġ qatigħ;

u f'Ħuna n-Nar li jagħti d-dawl fl-iljieli,

sbejjaħ u kollu ħajja, qawwi, sħiħ

 

U f'Oħtna l-Art, Mulej, ħa tkun imfaħħiar;

aħna nqisuha wkoll b'Ommna ħanina

la hi minn ħdanha trodd, biex aħna ngħixu,

ħxejjex, ilwien ta' ward, u l-frotta bnina.

 

Mulej, ħa tkun imfaħħar f'dawk li jaħfru

u f'dawk li jġarrbu l-mard u kull tbatija

bla jgemgmu xejn, u dejjem għal imħabbtek;

tagħtihom Int kuruna ta' tgawdija.

 

Ħa tkun imfaħħar f'Oħtna l-Mewt tal-ġisem

li jaħrab minnha qatt ma jista' l-bniedem;

ħażin għal dak li jmut fid-dnub il-mejjet,

imbierek min imut fis-sliem u niedem.

 

Imbierek min il-Mewt issibu jagħmel

ir-rieda mqaddsa Tiegħek bl-akbar ħrara,

għax jiġi ġo Saltnatek; il-mewt l-oħra

titwarrab minnu bla tagħmillu ħsara.

 

Ejjew infaħħru lill-Mulej u Sidna

u niżżuħ ħajr, għal dejjem inberkuh;

bla xejn kburija f'qalbna, b'qima kbira

ninxteħtu lkoll f'riġlejh sabiex naqduh.

 

Salmodija

Antifona. 1: Huwa nstab perfett u ġust, u fi żmien il-għadab huwa daħal għalina.

 

Salm 62:2-9
Alla, Alla tiegħi int; *
   lilek ħerqan infittex.
Ruħi bil-għatx għalik,

   għalik imxennaq jiena, *
   bħal art niexfa, maħruqa, bla ilma.
Għalhekk ġejt narak fit-tempju mqaddes tiegħek. *
   biex nitgħaxxaq bis-setgħa u l-glorja tiegħek.
Għax it-tjieba tiegħek aħjar mill-ħajja, *
   xufftejja jxandru t-tifħir tiegħek.

Għalhekk inbierkek tul ħajti kollha; *
   ngħolli jdejja u nsejjaħ ismek.
Bħal b'ikel mill-aħjar li jsemmen nimtela, *
   u jgħannilek fommi b'xuftejn ferrieħa,
meta, mimdud fuq friexi, fik niftakar, *
   u naħseb fuqek fis-sahriet tal-lejl.
 

Għax int kont għajnuna għalija, *
   għad-dell ta' ġwennħajk ngħanni bil-ferħ.
Miegħek tingħaqad ruħi, *
   int tweżinni bil-leminija tiegħek.

 

Glorja lill-Missier, lill-Iben *

   u lill-Ispirtu s-Santu

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

   għal dejjem ta' dejjem. Ammen.


Antifona: Huwa nstab perfett u ġust, u fi żmien il-għadab huwa daħal għalina.

Antifona 2: It-tifħir t'Alla dejjem fuq fommu:

hu jistieden lill-kwiekeb, l-ispirti, l-agħsafar, u l-kreaturi l-oħra biex ifaħħru lill-Ħallieq

 

Kantiku      

Dan 3:57-88.56

Bierku, għemejjel kollha tal-Mulej, il-Mulej, *
   faħħruh u għolluh għal dejjem.
Bierku, anġli tal-Mulej, il-Mulej, *
   bierku. smewwiet, il-Mulej.


Bierku, ilmijiet kollha ta' fuq is-sema, il-Mulej; *
   bierku, setgħat kollha, il-Mulej.
Bierku, xemx u qamar, il-Mulej *
   bierku, irjieh kollha, il-Mulej.


Bierku, nar u sħana, il-Mulej; *
   bierku, bard u ksieħ, il-Mulej.
Bierku, nida u borra, il-Mulej; *
   bierku, silġ u bard, il-Mulej.


Bierku, ġlata u silġ, il-Mulej; *
   bierku, ljieli u ġranet, il-Mulej.
Bierku, dawl u dlam, il-Mulej; *
   bierku, beraq u sħab, il-Mulej.

Ħa tbierek l-art il-Mulej, *
   ħa tfaħħru u tgħollih għal dejjem.
Bierku, muntanji u għoljiet, il-Mulej; *
   bierku, kull ma jinbet fl-art, il-Mulej.


Bierku, għejun, il-Mulej; *
   bierku, ibħra u xmajjar, il-Mulej.
Bierku, ħut kbir u kull ma jżiġġ fl-ilma, il-Mulej; *
   bierku, tjur kollha ta' l-ajru, il-Mulej;

Bierku, bħejjem u mrieħel kollha, il-Mulej; *
   bierku, ulied il-bnedmin, il-Mulej.
 

Bierek, Iżrael, il-Mulej, *
   faħħru u għolliħ għal dejjem.

Bierku, qassisin tal-Mulej, il-Mulej; *
   bierku, qaddejja tal-Mulej, il-Mulej.
 

Bierku, spirti u rwieħ tal-ġusti, il-Mulej; *
   bierku, qaddisiin u intom ta' qalb umli, il-Mulej.

Bierku, Ħananija, Għażarija u Misael, il-Mulej, *
   faħħruh u għolluh għal dejjem.


Inbierku l-Muissier u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu; *
   infaħħruh u ngħolluh għal dejjem.
Inbierek int, Mulej, fil-wisa¹ kollu tas-sema, *
   ta' min jgħollik u jsebbħek fuq kollox għal dejjem.

Fl-aħħar ta' dan il-kantiku l-Glorja ma tingħadx.

 

Antifona  It-tifħir t'Alla dejjem fuq fommu:

hu jistieden lill-kwiekeb, l-ispirti, l-agħsafar,

 u l-kreaturi l-oħra biex ifaħħru lill-Ħallieq.

Antifona 3: Il-Mulej qiegħed lill-umli fil-għoli,

u għollieh sat-trufijiet ta' l-art.

 

Salm 149
Għannu lill-Mulej għanja ġdida: *
   fil-ġemgħa ta' ħbiebu t-tifħir tiegħu!
Ħa jifraħ Iżrael bil-Ħallieq tiegħu, *
   u jithennew ulied Sijon bis-sultan tagħhom!


Ħa jfaħħru biż-żfin l-isem tiegħu, *
   bid-daqq tat-tanbur u taċ-ċetra!
Għax il-Mulej jitgħaxxaq bil-poplu tiegħu, *
   u jsebbaħ lill-fqajrin bir-rebħa.

Bil-glorja jithennew ħbiebu, *
   u jaqbżu bil-ferħ fuq friexhom!
It-tifħir ta' Alla jkun fuq fommhom, *
   u sjuf b'żewġt ixfar f'idejhom,


biex jistgħu jitħallsu mill-ġnus, *
   u jagħtu l-kastiġ lill-popli,
jorbtu bil-ktajjen is-slaten tagħhom, *
   bi rbit tal-ħadid il-kbarat tagħhom,
jagħmlu minnhom il-ħaqq miktub għalihom: *
   dan hu ġieħ għall-ħbieb tiegħu kollha.

 

Glorja lill-Missier, lill-Iben *

   u lill-Ispirtu s-Santu

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

   għal dejjem ta' dejjem. Ammen.

 

Antifona Il-Mulej qiegħed lill-umli fil-għoli, u għollieh sat-trufijiet ta' l-art.

 

Lezzjoni Qasira  

Gal 1, 15-16.24

Dak li għażilni sa minn ġuf ommi,

u li sejjaħli permezz tal-grazzja tiegħu għoġbu jirrivelali lil ibnu

biex inħabbru fost il-ġnus.  U huma faħħru lil Alla minħabba fija.

 

Responsorju Qasir

R/. Qalbi u ġismi * ferħu f'Alla l-ħaj.

V/. Qalbi u ġismi ferħu f'Alla l-ħaj.

R/. Tixxennaq u tinfena ruħi fid-daħla tad-dar tal-Mulej

V/. Ferħu f'Alla l-ħaj.

R/: Glorja lill-Missier, lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu

V/. Qalbi u ġismi ferħu f'Alla l-ħaj.

 

Antifona: Huwa bata bil-ferħ it-tbatijiet u issa jifraħ fil-hena għad-dehra tal-glorja tiegħu.

 

Kantiku ta' Żakkarija
Imbierek il-Mulej, Alla ta' Iżrael, *
   għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,
u waqqaf għalina qawwa ta' salvazzjoni *
   f'dar David, qaddej tiegħu,


bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *
   b'fomm il-profeti qaddisin tiegħu,
biex isalvana mill-għedewwa tagħna *
   u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B'hekk juri ħniena ma' missirijietna, *
   u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,
fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *
   li jagħtina


li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *
   naqduħ bla biża'
tul ħajjitna kollha, *
   bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta' l-Għoli; *
   għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,
biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *
   bil-maħfra ta' dnubiethom,


ħierġa mill-qalb ħanina ta' Alla tagħna, *
   li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu
   fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *
   ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *
   u lill-Ispirtu s-Santu.
Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *
u jibqa¹ għal dejjem ta¹ dejjem. Ammen

 

Antifona: Għajnejn il-Mulej ħarsu bit-tjieba lejh u refgħu mill-umilta' tiegħu,

u tellagħlu rasu: u ħafna stagħġbu bih u faħħru lill-Mulej.

 

Preċi

Kristu Mulej, li bnejt il-Knisja bid-demm tiegħek,

u lilna sejjaħħtilna biex nimxu wara Franġisku, nitolbuk bl-umiltà u ngħidulek:

      Ħarisna Mulej, fil-qadi qaddis tiegħek.

 

Int ġejt twassal l-Aħbar it-Tajba lill-fqar, għallimna li bil-kelma u bl-għemil inxerrdu ma' kullimkien saltnatek,

- u wassluha fost il-bnedmin.

 

Int li int id-dawl tal-ġnus u għalliem tal-qdusija, agħtina li nżommu sħiħ fil-fidi vera,

- u nxandru sat-trufijiet ta' l-art l-isem tiegħek.

 

Int li sħaqt mad-dixxipli tiegħek li jħarsu l-kmandament ta' l-imħabba,

- agħtina li nistudjaw kif nagħmlu l-ġid lil kulħadd.

 

Għerf tal-Missier etern, dawwal l-imħuħ tagħna,

- biex waqt li nagħmlu s-sewwa fl-imħabba, naħsbu dejjem dak li hu veru u qaddis.

 

Kristu Feddej, li ma stmerrejtx taħdem b'idejk, mexxi xogħol idejna,

- biex kulħadd jara l-ħidma tajba tagħna, u jagħti glorja lil Alla l-Missier.

 

Missierna

Missierna...

 

Talba

O Alla, int ridt

li s-Serafiku Missierna San Franġisk

ikun jixbah lil Kristu

fil-faqar u l-umiltà tiegħu;

agħtina li nimxu fuq il-passi tiegħu wara Ibnek

u ningħaqdu miegħek b'imħabba hienja.

B'Ibnek, Ġesù Kristu Sidna

li hu Alla u miegħek igħix u jsaltan

flimkien ma' l-Ispirtru s-Santu

għal dejjem ta' dejjem.

Ammen.

 

Barka

V/. Il-Mulej magħkom.

R/. U miegħek ukoll.

V/. Iberikkom Alla li jista' kollox, il-Missier u l-Iben u l-Ispirtu   s-Santu.

R/.  Ammen.

V/. Morru fil-Paċi ta' Kristu.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

◄◄|werrej|►►


Testi meħudin mill-Lituġija tas-Sigħat, Proprju Franġiskan, Malta 1980

Assisi - 24.4.2003 


Il-Festa

ta'

San Franġisk ta' Assisi tiġi ċċelebrata

kull sena

fl-4 ta' Ottubru.