Kurunelli ta' San Franġisk                        

 

◄◄|werrej|►►


Kurunelli ta' San Franġisk

     ■ 1. Kurunella ta' San Franġisk

     ■ 2. Kurunella f'ġieħ il-Pjagi ta' San Franġisk


1. Kurunella ta' San Franġisk


O Franġisku Patrijarka

Minn t'Assisi l-akbar ġmiel,

Bosta qima l-Knisja kollha

Lilek tagħti bħal missier.

   Għalhekk aħna lkoll madwarek

   Ġejna l-lum biex inqimuk,

   Sabiex turi dejjem 'l Alla,

   L'inti tħobbna u nħobbuk.              

Glorja.

 

Kif ġo stalla fit-tbatija

Għalkemm għani, int twelidt,

Ma domtx wisq biex minn did-dinja

Għala dejjem qalbek fridt.

   Bit-talb tiegħek fittex ħollna

   Int mid-dinja li ssaħħarna,

   La tħallix li bil-qerq tagħha

   Jirnexxilha li tjassarna.                  

Glorja

 

Il-wirt kollu ta' missierek

Bl-akbar ċaħda rrifjutajt,

U sal-libsa wkoll minn fuqek

Biex tajthielu dlonk inżajt.

   Aħna lilek xejn ma nixbħu,

   B'ġid id-dinja mogħmijin;

   Int għallimna kif fid-dinja

   Kollox frugħa, xejn m'hu bnin.       

Glorja.

 

 

Lil Missierek, Alla waħdu,

Ħabbejt dejjem sa kemm għext;

Teżor kbir ħejjejt għall-ġenna

Billi lilu qatt ma r'għext.

   Agħmel inti li b'Missierna

   'l Alla bħalek aħna nfittxu,      

   Biex jagħnina bil-wirt tiegħu,

   U jurina l-ġmiel ta' wiċċu.        

Glorja.

 

Għadu dejjem tal-foħrija,

Kont titgħaxxaq bit-tmaqdir,

Xewqa tiegħek din biss kienet:

Li tixxandar midneb kbir.

   Il-maqlub li kont int tagħmel

   Aktarx jidher f’bosta minna:

   Nidhru rridu fuq ħaddieħor,

   Ma naħmlux min iċekkinna.      

Glorja.

 

Li tinħaqar u titbiċċer

B'penitenzi qatt ma nsejt;

Ġawhra safja l-ġisem tiegħek

Mit-twelid sal-mewt għożżejt.

   Kif qed tara, aħna dgħajfa

   U r-ruħ tagħna tebbajnieha,

   Nitolbuk għalhekk tgħallimna

   Ma nħallux id-dnub jifniha.      

Glorja.     

 

 

Għalkemm kbar ġarrabt irwiefen,

Wasalt fl-aħħar fis-Surija:

Hemm tal-paċi tajt il-bxara,

Ħdimt għall-Fidi Nisranija.

   Kif kull ħażen int xejjintu

   Bin-nirien minn tal-qalb tiegħek;

   Issa narek fina kebbes

   Biex għal Alla naħdmu miegħek.

Glorja.

 

Bħal Ġesù mislub għalina

Niżel darbek Serafin;

Juri dan kemm Alla ħabbek

Fost l-eluf tal-Qaddisin.

   Int fil-pjagi fis fakkarna

   Ta' Ġesù, li b'demmu fdiena,

   Biex b'imħabbtu dlonk ninxtegħlu,

   U nedmin insibu ħniena.           

Glorja.

 


2. Kurunella f'ġieħ il-Pjagi ta' San Franġisk

  (17 ta' Settembru)


Hawn quddiemek, O Mulejja,

Għarkobbtejna mixħutin,

Nadurawk mill-qiegħ ta' qalbna,

W talb noffrulek fl-istess ħin.

 

Ilqa' l-ġerħa minn tar-riġel

Ta' Franġisku, qaddej tiegħek,

Li t-tbatija tal-passjoni

B'din il-ġerħa qasam miegħek.

 

Bit-tifkira ta' weġgħatek,

Nitolbuk, Mulej, tagħtina

Li nitbiegħdu minn ħżunitna,

Ma nibqgħux fit-triq ħażina.              

Glorja.

 

Hawn quddiemek, O Mulejja...

 

Hekk ukoll, Mulej noffrulek

Ġerħat siequ l-leminija,

Illi sofra bl-akbar sabar

Bla tgemgim u bla kburija.

 

Nitolbuk, Mulej tal-ħniena,

Tul it-triq ibqa' mexxina,

sakemm lilna f'darek twassal,

Fejn bi ġmielek int thennina.

Glorja.

 

Hawn quddiemek, O Mulejja...        

 

O Mulej, aħna noffrulek

Ġerħa ħarxa tnixxi d-dmija,

Li Franġisk batieha miegħek -

Ġerħet idu x-xellugija.

 

Nitoblok, agħtina l-grazzja

Li fit-tieni miġja tiegħek

Fuq lemintek aħna nkunu

Biex il-ġenna nidħlu miegħek.

Glorja.

 

Hawn quddiemek, O Mulejja...

 

Minn qiegħ qalbna wkoll noffrulek

Ġerħet idu leminija,

Li int lilu għoġbok tagħti,

Biex issieħbu fit-tbatija.

 

Agħmel int, o Alla tagħna,

Li x-xitan qatt ma jirbaħna,

U fil-glorja minn tal-ġenna,

Naraw wiċċek, u sserraħna.

Glorja.

 

Hawn quddiemek, O Mulejja...

 

Fl-aħħarnett, Mulej, noffrulek

Ta' Franġisk ġerħet il-qalb,

Li hu rċieva fuq l-Alvernja,

Meta kien mgħargħar fit-talb.

 

Nitolbuk, Mulej, li qalbna

B'wiċċek biss tkompli tithenna

U mbagħad niġu nbierku lilek

f'sebħ bla tmiem, f'saltnet il-ġenna.

Glorja.

 

Statwa

ta'

San Franġisk

ta' Assisi

Meqjuma

fil-Knisja ta'

San Franġisk 

Valletta - Malta