Nitolbu ma' San Franġisk |
|
Missierna Parafrasi tal-Missierna
Missierna: l-aktar Qaddis, Ħallieq, Feddej, Konsolatur u Salvatur tagħna.
Li inti fis-smewwiet: fl-anġli u l-qaddisin, iddawwalhom biex jagħrfuk, għax inti, Mulej, int Dawl; tħeġġiġhom biex iħobbuk, għax int, Mulej, int Imħabba; tgħammar fihom u tfawwarhom bil-ħena, għax int, Mulej, int l-ogħla tjieba, tjieba bla tmiem, il-bidu ta’ kull tjieba u mingħajrek m’hemm l-ebda tjieba.
Jitqaddes ismek: Jalla l-għarfien tiegħek fina jsir aktar ċar, biex inkunu nistgħu nagħrfu, il-wisa’ tat-tjieba tiegħek, it-tul tal-wegħdiet tiegħek, l-għoli tal-kobor tiegħek u l-fond tal-ġudizzji tiegħek.
Tiġi Saltnatek: Ħalli ssaltan fina bil-grazzja tiegħek, u tħaffifna biex naslu għas-saltna tiegħek, fejn hemm naraw id-dehra ċara tiegħek, l-imħabba perfetta tiegħek, l-għaqda ħienja miegħek, u t-tgawdija bla tmiem tiegħek,
Ikun li trid int kif fis-sema hekkda fl-art: Biex inħobbuk b’qalbna kollha billi naħsbu dejjem fik; b’ruħna kollha billi dejjem nixtiquk; b’moħħna kollu, billi ndawru fehmietna lejk, u billi nfittxu f’kollox il-glorja tiegħek; b’saħħitna kollha, billi nħaddmu l-qawwiet u s-setgħat kollha ta’ ruħna u ta’ ġisimna f’xejn aktar ħlief fil-qadi ta’ mħabbtek. Biex inħobbu lil qrabatna bħalna nfusna billi b’ħilitna kollha niġbduhom ilkoll lejn imħabbtek. Billi nifirħu bil-ġid ta’ l-oħrajn daqslikieku tagħna, billi nsofru ma’ l-oħrajn fit-tiġrib u billi ma nweġġgħu lil ħadd.
Ħobżna ta’ kuljum: l-għażiż Ibnek, il-Mulej tagħna Ġesù Kristu.
Agħtina llum: b’tifkira, b’fehma u b’qima ta’ dik l-imħabba li kellu għalina u għal kull ma qal u għamel u bata għalina.
Afrilna Dnubietna: Għal ħnientek li ma titfissirx bil-kliem, bil-qawwa tal-passjoni ta’ Ibnek il-għażiż u għall-merti u t-talb ta’ l-Imqaddsa Verġni Marija u tal-magħżulin tiegħek kollha.
Bħalma naħfru lil min hu ħati għalina: u dak kollu li aħna ma jirnexxilniex naħfru agħmel, Mulej, li naħfru għal kollox. Biex hekk, għal imħabbtek inħobbu tassew lill-għedewwa tagħna u biex bil-ħeġġa kollha nidħlu għalihom quddiemek, bla ma nroddu lil ħadd deni b’deni imma nagħmlu ħilitna biex fik nagħmlu l-ġid lil kulħadd.
La ddaħħalniex fit-tiġrib: mistur jew magħruf, li jiġi f’salt jew li jissokkta.
Iżda eħlisna mid-deni: ta’ l-imgħoddi, t’issa u ta’ li ġej. Ammen
Maqlub għal Malti minn Fr Thomas Calleja OFMconv Assisi: Jannar 2003 |
Bħal ma Kristu kien jgħallem lid-dixxipli tiegħu kif jitolbu, hekk ukoll Franġisku kien jgħallem lill-patrijiet tiegħu.
Il-ħajja ta' San Franġisk kienet kollha kemm hi skola ta' talb.
Franġisku ħalla bil-miktub din riflessjoni dwar il-talba tal-Missierna.
Ir-riflessjonijiet fuq it-Talba tal-Missierna kienu komuni ħafna fiż-żmenijiet tan-Nofs.
Din ir-riflessjoni hija bla dubbju mera tal-ħajja interjuri ta' Franġisku.
I z |