Nitolbu ma' San Franġisk |
|
Għanja tal-Ħlejjaq (Cantico delle Creature)
L-Aktar għoli, Mulej twajjeb, li tista’ kollox tiegħek is-sebħ, il-glorja u l-ġieħ u kull barka. Lilek biss, l-Aktar għoli, jixirqu u l-ebda bniedem mhu denn imqar ilissen.
Tifħir lilek, Mulejja, għall-ħlejjqa kollha, l-aktar oħtna x-xemx, li twelled il-jum u biha tagħti d-dawl u hija sbejħa u tgħammex b’dija sfiqa! Tixbaħ lilek, l-Aktar Għoli.
Tkun imfaħħar, Mulejja, f’ħuna l-qamar u l-kwiekeb, li fis-sema sawwarthom ileqqu, għonja u sbieħ. Tkun imfaħħar, Mulejja, f’ħuna r-riħ, u fl-ajru msaħħab, fil-bnazzi u f’kull xorta ta’ temp, li bihom int tgħajjex kull maħluq.
Tkun imfaħħar, Mulejja, f’ħuna l-ilma, hekk meħtieġ u umli, siwi u safi. Tkun imfaħħar, Mulejja, f’ħuna n-nar, li bih, int, iddawwal il-lejl, ħu sbejjaħ u lagħbi, robust u qawwi.
Tkun imfaħħar, Mulejja, f’oħtna u ommna l-art, li tgħajjixna u tmexxina, u tagħti kull xorta ta’ frott ma’ ward u ħxejjex imlewna.
Tkun imfaħħar, Mulejja, f’min lest jaħfer għal imħabbtek, u f’min iġarrab mard u tbatija. Ħienja dawk jġarrbu kollox fis-sliem għax minnek, l-Aktar Għoli, ikunu inkurunati.
Tkun imfaħħar, Mulejja, f’oħtna l-mewt tal-ġisem, li minnha l-ebda ħaj ma jista’ jaħrab. Ħażin għal min imut fid-dnub il-mejjet. Ħienja dawk li l-mewt issibhom jagħmlu r-rieda mqaddsa tiegħek, għax il-mewt l-oħra ma tagħmlilhom l-ebda ħsara.
Faħħru u bierku, il-Mulej, u roddlu ħajr u aqduh bl-akbar umiltà.
Maqlub għal Malti minn Fr Thomas Calleja OFMconv Assisi: Jannar 2003 |
Bla dubbju din hija t-talba ta' san Franġisk l-aktar magħrufa.
Din l-għanja Franisġku kitibha fi tliet mumenti differenti.
L-ewwel parti meta kien marid f'San Damiano fl-1225.
It-tieni parti, dwar dawk li jaħfru, meta Frangisku ġieb il-paċi bejn l-Isqof u l-Mexxej tal-belt ta' Assisi.
L-aħħar parti nkitbet fil-Porzjuncola ftit qabel miet f'Ottubru ta' 1226.
Dan il-Cantico delle Creature huwa meqjuż wieħed mill-kapolavuri poetiċi fl-ilsien Taljan.
I z |