San Franġisk - ġrajjiet

 

<<|werrej|>>


Il-Milied fi Greccio 1223

San Franġisk iċċelebra il-lejl tal-Milied


 Mill-Ewwel Ħajja ta’ San Franġisk ta’ Tomaso da Celano


Xieraq infakkru bil-qima kollha dak li Franġisku ċċelebra f’jum il-Milied tal-Mulej fi Greccio 1223  tliet snin qabel il-mewt tiegħu.

 

F’dawk l-inħawi kien hemm raġel jismu Giovanni, raġel ta’ fama tajba u ħajja eżemplari.  Dan kien ħabib għażiż tal-qaddis Franġisku.  Għalkemm kien raġel nobbli u meqjum ħafna f’dawk l-inħawi, kien iqis aktar in-nobiltà ta’ l-Ispirtu milli dik tal-ġisem.  Xi ġimgħatejn qabel il-festa tal-Milied, il-Qaddis Franġisku, kif spiss kien jagħmel, sejjaħlu lejh u qallu: “jekk trid li niċċelebraw fi Greccio t-Twelid ta’ Ġesù, mur qabli u ħejji dak kollu li se ngħidlek, jien nixtieq nuri quddiem kulħadd lit-tfajjel li twieled f’Betlehem, u b’mod nara bl-għajnejn tal-ġisem it-tbatija kollha li sab ruħu fiha Ġesù minħabba li kienu jonqsuh il-ħwejjeġ meħtieġa għal tarbija tat-twelid.  Nixtieq nara kif kien mimdud fil-maxtura fuq it-tiben bejn il-baqra u l-ħmara”.  Malli semgħu jgħid dan, il-ħabib devot u fidil mar mimli ħeġġa biex iħejji dak li kien meħtieġ fil-post magħżul, skond ix-xewqa tal-qaddis.

 

Hekk wasal il-mument ta’ ferħ, iż-żmien li fih kulħadd jithenna! Għall-okkażjoni jew imsejħin ħafna patrijiet minn diversi inħawi; irġiel u nisa bdew jaslu bil-ferħ mill-irziezet ta’ dawk l-inħawi, kull wieħed u waħda skond ma setgħu, ġew iġorru xemgħat u fjakkli biex idawwlu dak il-lejl, li fih ġiet mixgħula b’dija fis-sema dik il-kewkba li dawwlet il-jiem u ż-żminijiet kollha.  Fl-aħħar wasal wkoll Franġisku u ra li kollox kien imħejji kif xtaq u deher kollu ferħan.  Hu resaq jirranġa il-maxtura, qiegħed it-tiben u daħħal il-baqra u l-ħmara.  F’dik ix-xena li tqanqal dehret tiddi s-sempliċità tal-Vanġelu, kien jintwera tifħir lill-faqar, ġiet murija l-umiltà.  Greccio kien sar Betlehem ġdid.

 

Dan il-lejl kien ċar daqs il-jum fil-milja tiegħu u kien lejl ta’ ħlewwa għall-bnedmin u għall-bhejjem  In-nies kienet tiġri biex tgawdi dak il-ferħ li qatt ma ħasset bħalu qabel quddiem dak il-misteru ġdid. Il-post beda jidwi bl-ilħna u l-blat għoli u samm beda jinstema’ fih l-eku l-għana tal-festa tal-korijiet. Il-patrijiet bdew ikantaw tifħir magħżul lill-Mulej u l-lejl deher donnu jaqbeż bil-ferħ.

 

Il-qaddis kien hemm qisu mitluf f’estasi quddiem il-presepju. L-ispirtu tiegħu kien jitqanqal bil-ħlewwa tal-ħniena u tal-ferħ li ma jitfissirx.  Imbagħad is-saċerdot beda jiċċelebra l-Ewkaristija b’mod solenni fuq il-maxtura, u Franġisku deher li qiegħed iduq faraġ li qatt ma kien ħassu qabel.

 

Franġisku kien libes l-ilbies ta’ Djaknu, għax kien djaknu.  B’leħen jidwi u ħlejju beda jkanta il-Vanġelu Mqaddes.  Dak il-leħen qawwi u ħelu, ċar u kollu ħlewwa ta’ melodija, għaxxaq lil kulħadd għax-xewqa tas-sema.  Imbagħad beda jfisser il-Kelma lin-nies, bi kliem l-aktar ħelu ġabilhom mill-ġdid quddiem għajnejhom it-twelid tas-Sultan Fqir u l-belt ċkejkna ta’ Betlehem.  Ta spiss meta kien isemmi l-isem ta’ Ġesù Kristu, mħeġġeġ b’imħabba tas-sema, kien isejjaħlu: “it-Tfajjel ta’ Betlehem”, u dak l-isem ta’ “Betlehem” kien ilissnu bħallikieku kien ħoss tal-karba ta’ nagħġa. Kull darba li kien jgħid “it-Tfajjel ta’ Betlehem” jew “Ġesù” kien jilgħaq xuffejh b’ilsienu, kważi biex iduq u jżomm għalih il-ħlewwa kollha ta’ dawk il-kelmiet.

 

Hemmhekk dehru bl-abbundanza d-doni ta' Dak li jista` kollox. Wieħed minn dawk li kienu preżenti, raġel ta’ virtù, kellu viżjoni ta’ l-għaġeb.  Deherlu li t-tfajjel ċkejken kien mimdud bla ħajja fil-maxtura.  Franġisku resaq lejh u donnu qajmu minn nagħsa profonda.  Din il-viżjoni ta’ l-għaġeb ma kienetx f’nuqqas ta’ qbil mal-fatt, għaliex għall-merti tal-qaddis, it-tfajjel Ġesù reġa' tqajjem fil-qlub ta’ ħafna, li kienu nsewh u t-tifkira tiegħu baqgħet stampata fil-moħħ tagħhom.

 

Wara li ntemmet dik il-vġili solenni, kulħadd reġa’ lura lejn daru mimli b’ferħ li ma jitfissirx.  It-tiben li kien imqiegħed fil-maxtura ġie mħares u miżmum, sabiex permezz tiegħu l-Mulej fil-ħniena tiegħu ifejjaq il-bhejjem tat-tgħabija u l-oħrajn kollha.  U ġara tassew li f’dawk l-inħawi, l-bhejjem tat-tgħabija u l-annimali l-oħra, li kienu ntlaqtu minn mard, wara li kielu dak it-tiben ġew meħlusin mill-mard tagħhom. Mhux biss, imma n-nisa wkoll, dawk li kellhom ħlas diffiċili u ta’ tbatija malli qiegħdu fuqhom ftit minn dak it-tiben, irnexxilhom iwelldu bil-ferħ.  Bl-istess mod, diversi rġiel u nisa reġgħu kisbu saħħithom.

 

Illum dak il-post ġie ikkonsagrat lill-Mulej u fuq il-presepju nbena altar u ġiet iddedikata knisja f’ġieħ San Franġisk, sabiex hemmhekk fejn darba l-annimali kielu t-tiben, issa l-bniedem jistgħu jieklu l-ġisem tal-Ħaruf bla tebgħa u l-aktar safi, Ġesù Kristu Sidna, li hu l-ikel li jmantni r-ruħ u li jqaddes il-ġisem, u li ta lilu nnifsu għalina b’imħabba bla tmiem.  Hu li mal-Missier u ma’ l-Ispirtu s-Santu jgħix u jsaltan igglorifikat għal dejjem ta’ dejjem. Ammen “

 

Mill-Ewwel Ħajja ta’ San Franġisk ta’ Tomaso da Celano,

84-87

<<|werrej|>>


Dan l-artiklu deher f'il-Mument, tat-2 ta' Ottubru 1994, fil-parti ta' Twemmin, paġni 12-13

Assisi 23.4.2003


 

Fl-aħħar wasal wkoll Franġisku,

ra li kollox kien imħejji kif xtaq u deher kollu ferħan. 

Hu resaq jirranġa

il-maxtura, qiegħed

it-tiben u daħħal

il-baqra u

l-ħmara. 

 

F’dik ix-xena li tqanqal dehret tiddi s-sempliċità tal-Vanġelu, kien jintwera tifħir

lill-faqar,

ġiet murija

l-umiltà.

 

 

Greccio kien sar Betlehem ġdid.