Devozzjoni Franġiskana |
|
|
Stabat Mater Kitba tal-Franġiskan Jacopone minn Todi taghrif migbur minn Fr Thomas Calleja ofmconv. Innu f’ġieħ Marija Imnikkta
L-innu Stabat Mater inkiteb fiż-Żminijiet tan-Nofs u ħa ismu mill-ewwel żewġ ta’ l-ewwel strofa. Lejn it-tmiem tas-seklu erbatax dan l-innu kien diġà sar magħruf ma’ l-Ewropa kollha. Fis-seklu ta’ wara l-innu sab postu f’ħafna kotba liturġiċi ta’ ħafna djoċesijiet kemm fl-Italja u kemm fil-pajjiżi ta’ l-Ewropa. Infatti l-innu daħal fil-Missal Ruman u fil-Brevjar fl-1727 bħala sekwenza għall-festa tas-Seba’ Duluri tal-Verġni Mbierka Marija. Din il-festa kienet tkun iċċelebrata nhar il-Ġimgha ta’ qabel il-Ġimgha l-Kbira, kif għadha d-devozzjoni fostna l-Maltin sallum. Wara t-tiġdid liturġiku li sar mill-Papa Piju XII dan l-innu sab postu fil-Liturġija ta’ nhar il-festa tal-Verġni Mqaddsa Marija tad-Duluri li l-Knisja kollha tiċċelebra kull sena nhar il-15 ta’ Settembru. Dan l-innu, barra li jinqara bħala sekwenza waqt il-Quddiesa, jintuża wkoll fi tliet taqsimiet bħala l-innu ta’ l-Uffiċċju tal-Qari, tat-Talb ta’ Sbiħ il-Jum u tal-Għasar fl-uffiċċju ta’ l-istess festa. L-innu Stabat Mater jintuża wkoll bħala kant bejn l-istazzjonijiet tal-Vija Sagra, li ssir f’ħafna knejjes matul il-ġimghat tar-Randan.
Jacopone minn Todi Ħafna studjużi jżommu li l-innu Stabat Mater ħareġ mill-pinna tal-Franġiskan Jacopone minn Todi (1228?-1306). Jacopone mill-belt ta’ Todi fl-Umbria wara l-mewt bikrija tal-mara twajba li kellu, ħalla l-professjoni tiegħu ta’ avukat biex iħaddan it-Tielet Ordni Franġiskan, dak magħruf bħala tat-Terzjarji u beda jgħix ħajja ta’ faqar għal aktar minn għaxar snin. Aktar tard issieħeb fl-Ewwel Ordni bħala Patri Franġiskan. Jacopone kiteb għadd ta’ innijiet bi djalett Taljan li kienu popolari u kantati ħafna min-nies ta’ żmienu.
Hemm minn jgħid li ma nistgħux inkunu nafu bl-eżatt min kiteb dan l-innu lill-Omm Imnikkta. Barra minn Jacopone hemm għadd ta’ oħrajn li jissemmew bħala possibbli li kitbu l-innu "Stabat Mater". Fost dawn insibu lil San Girgor il-Kbir (+604), lil San Bernard minn Clairvaux (+1153) il-Papa Innoċenz III (1161-1216) lil San Bonaventura (+1274) il-Papa Ġwanni XXII (+1334) u l-Papa Girgor XI (+1378).
Madanakollu Jacopone ta’ Todi jibqa’ jżomm l-ewwel post. Fost dawk li jżommu li kien Jacopone nsibu lil San Tumas ta’ Aquino li jsemmi manuskritt li fih ġabra ta’ poeżijiet ta’ Jacopone li fiha jissemma li l-innu “Stabat Mater Dolorosa” inkiteb minn dan il-Franġiskan minn Todi.
Favorita fost il-mużiċisti Matul is-seklu XVI u f’dawk ta’ wara s-Sekwenza Stabat Mater kienet waħda mill-favoriti fost il-mużiċisti. L-ewwel kompożizzjonijiet saru mill-kompożituri Inglizi John Browne fl-1490 u Richard Davy fl-istess sena. Warajhom kienu ħafna l-kompożituri li kitbu mużika polifonika u mużika għall-Kor u l-orkestra għal dan l-innu. Fost dawn insemmu lil Belġjan Josquin Desprez (1500), Palestrina (1590), Vivalidi (1715) Pergolesi (1736), Haydn (1767), Schubert (1815), Rossini (1837), Dvorak (1877), Verdi (1898) u għadd ta’ ohrajn. Fost il-kompożituri moderni nsibu lil Marco Frisina (2000), William Copper (2001), u lil Heather u Linda Murray (2005)
Ma nistgħux ma nsemmux li fost il-Kompożituri mużikali ta’ l-innu Sabat Mater insibu wkoll lil kompożitur Malti Girolimo Abos li kkompona il-mużika tiegħu fl-1750.
Test bil-Malti Dan hu t-test bil-Malti kif jidher fil-kotba tal-Liturġija.
Wieqfa kienet, imbikkija, l-Omm ħdejn Binha fit-tbatija, fuq salib imdendel.
Ta' din l-Omm il-qalb maqsuma f'dak l-imrar bl-uġigħ mitmuma, nifed sejf in-niket.
Kemm tbatija f'qalb muġugħa, liema dwejjaq li jifnuha ħasset l-Omm imbierka!
X'weġgħa ġarrbet u x'kefrija meta ratu fit-tbatija l-Omm lil Binha, Alla!
Qalb kull bniedem tħoss għaliha lil Omm Kristu, u kemm tibkiha x’ħin tarah f’dil-ħasra!
Min ma jħossx id-dwejjaq tagħha x’ħin ta' Kristu l-Omm jilmaħha f'niket kbir ma' Binha?
Għad-dnubiet tal-poplu l-ħati, lil Ġesù hi ratu jbati taħt is-swat bla ħniena.
Rat lil Binha u baqgħet miegħu f'dak l-imrar tal-mewta tiegħu waqt li ħarġet ruħu.
Omm u għajn ta' mħabba għalija, ġ'għalni nħoss dik it-tbatija, biex jien nibki miegħek.
Kebbes f'qalbi nar ta' mħabba, la tħalliha qatt tittabba' imħabbti għal Kristu.
Omm qaddisa, isma' talbi: dawk il-pjagi q'għedli f'qalbi t'Ibnek Ġesù msallab.
Aqsam miegħi dit-tbatija għal Ġesù, li mħabba fija xerred demmu kollu.
Ħdejn Ġesù nibki dnubieti, fis-salib nara ħtijieti sakemm ngħix dil-ħajja.
Kemm nixtieqni nibqa' miegħek mas-salib, u fid-dmugħ tiegħek nissieħeb minn qalbi.
Verġni mbierka, Omm qalbiena, uri miegħi din il-ħniena, biex inħoss l-indiema.
Mewt Ġesù q'għedli quddiemi fuq il-pjagi jkun biss kliemi u l-Passjoni tiegħu.
Ġ'għalni nhoss il-pjagi fija, is-salib u kull tbatija, u nissaffa b'Demmu.
Verġni mbierka, ieqaf miegħi f'Jum il-Ħaqq, biex fit-tmiem tiegħi fin-nar qatt nintilef.
Bis-salib fit-triq wennisni, u b'mewt Ibnek, Omm, ħarisni, Żommni sħiħ fil-grazzja.
Meta jmut dal-ġisem fqajjar, agħmel int li jien nittajjar lejn is-sebħ tal-Ġenna. Amen Min jixtieq aktar informazzjoni dwar il-kompozijonijiet muzikali li saru ta’ dan l-Innu jistgħu jżuru dan il-web-site http://www.stabatmater.dds.nl/index.html Valletta: 11.4.2006
|
L-innu Stabat Mater ħareġ mill-pinna tal-Franġiskan Jacopone minn Todi (1228? -1306) |