Kultura Frangiskana - pittura
 

<<|werrej|>>


Frank Portelli

Artist b’sentimenti nobbli u b’qalb Franġiskana

1922-2004


Kitba ta' Fr Thomas Calleja ofmconv


Nhar is-Sibt 13 ta’ Marzu 2004 tħabbret il-mewt tal-pittur Frank Portelli fl-età ta’ 81 sena. Fil-karriera artistika tiegħu Frank iddistingwa ruħu mhux biss bħala artist b’xogħlijiet fil-lukandi, postijiet ta’ divertiment u djar privati, iżda wkoll bħala disinjatur ta’ murali, posters u bolol. Ma’ dawn Frank ħalla wkoll opri fil-knejjes, fosthom it-tiżjin tas-Santwarju ta’ Santa Tereża ta’ Lisieux f’Birkirkara u t-tisbiħ tal-koppla tal-Bażilka ta’ L-Isla. 

 

Imsemmi “Frank” għal San Franġisk

Fost ix-xogħlijiet li ħarġu mill-pniezel imlewna ta’ Frank insibu wkoll dawk b’tema Franġiskana. U dan bix-xieraq, ħalli jagħti ġieħ lill-qaddis protettur tiegħu San Franġisk ta’ Assisi.

 

Frank twieled fl-1922 fil-Parroċċa ta’ Santa Liena f’Birkirkara u fil-fonti tal-Magħmudija l-ġenituri tiegħu Manwel u Manwela tawh l-isem ta’ Franġisk għall-Qaddis Fqajjar ta’ Assisi. Frank, kif bdew isejħulu sa miċ-ċokon, kien it-tieni fost seba’ aħwa. Sa minn tfulitu kien beda juri interess fid-dinja mlewna ta’ madwaru. Ta’ tlettax-il sena missieru bagħtu jitgħallem id-disinn fil-iskola ta’ l-arti fil-Belt. Bejn is-snin 1935 u 1938 Frank kellu bħala surmastrijiet tiegħu lil Anton Inglott u lill-aħwa Robert u Edward Caruana Dingli.  Nhar ta’ Sibt kien imur id-dar ta’ l-artist Karmenu Mangion f’Birkirkara biex jieħu lezzjonijiet privati fid-disinn. 

 

Missieru Manwel, inkuraġġieh ħafna u bla dubju kellu sehem fl-għażla tal-karriera ta’ ibnu. Fuq is-sodda tal-mewt missieru, wissa lil ibnu l-kbir Vince biex ikompli jgħin lil ħuh Frank fil-karriera artisika tiegħu. Meta miet missieru Frank kellu 22 sena. Il-mewt tal-għażiż missieru ħalliet impatt fuq il-karriera artistika taż-żagħżugħ u bla dubju tat lil Frank imbuttatura morali u spiritwali biex ikompli t-triq ta’ l-arti li kien qabad. 

 

Matul il-gwerra ż-żagħżugħ Frank kien ingaġġa ruħu mar-Royal Air Force u kien jagħmel xogħol fuq pjanti u mapep l-ewwel f’Ħal Luqa u wara f’Ta’ Kandja. Wara l-gwerra kompla l-istudji tiegħu fl-iskola ta’ l-arti taħt Emvin Cremona li kien ħa post Edward Caruna Dingli. Fl-1947 Frank iddistingwa ruħu fost sħabu u rebaħ borża ta’ studju. Mar l-Ingliterra u beda l-kors l-ewwel f’Leicester College u mbagħad f’Kennington College f’Londra. Hawn l-artist żagħżugħ studja t-tpinġija mill-ħajja, dik fuq il-ħitan, l-arti dekorattiva u l-atonomija. Waqt iż-żmien ta’ l-istudju tiegħu ġieb permess biex jkun jista’ jmur wara l-palk ta’ Convent Garden waqt il-provi biex jagħmel xi disinji. Fil-btajjel kien ukoll imur Pariġi biex iżur il-mużewijiet u x-xogħlijiet ta’ l-arti li jinsabu f’din il-kapitali Franċiża. Fl-Ingilterra offrewlu xogħol bħala disinjatur tal-posters u ta’ l-illustrazzjonijiet tal-kotba. Iżda minħabba raġunijiet familjari kif temm l-istudji tiegħu reġa’ lura Malta.

 

Tmien li-istudju u lura Malta

Fl-1950 Frank, flimkien ma’ xi wħud minn sħabu artisti, ifforma l-grupp imsejjaħ The Modern Art Circle. L-iskop tal-grupp kien li jxerred aktar l-arti moderna fil-gżejjer Maltin permezz ta’ wirjiet ta’ artisti flimkien. Fost dawn kienet il-wirja li saret f’Palazzo de la Salle, il-Belt, fl-1952.

 

F’Ġunju 1952 Frank ingħaqad fiż-żwieġ ma’ Roża Attard. Is-sena ta’ wara Frank u Roża raw fi ħdanhom lil binhom Henry, l-ewwel frott ta’ mħabbithom. Wara dan taw il-ħajja lil żewġt ibniet: Simone fl-1956 u lil Sharonne fl-1958. Fis-sena li twieldet bintu ż-żgħira Frank kien wieħed mill-ewwel sitt artisti Maltin li ħadu sehem fil-wirja ta’ kull sentejn li ssir f’Venezja.

 

Fl-1960, is-sena ċentinarja Pawlina, meta Malta kienet qed tfakkar għeluq id-900 sena mill-miġja ta’ San Pawl fostna Frank barra li ħa ħsieb id-disinji ta’ għadd ta’ karrijiet li saru għall-okkażjoni, ħa ħsieb jiddisinja kull ma kien meħtieġ għall-pageants li saru fl-istadium tal-Gżira. Fost dawn il-mudell tal-ġifen li jitkisser mal-mewġ. Matul l-istess żmien Frank kien imqabbad jagħmel xi tpinġijiet mal-ħitan ta’ wħud mis-swali ta’ l-Istitut Kattoliku fil-Furjana.

 

Fl-1963 Frank ingħata kollu kemm hu bħala full-timer għax-xogħol ta’ dekorazzjoni interjuri ta’ ħafna lukandi u restoranti. Fost dawn l-aktar xogħol ambizzjuż kien il-proġett tal-Casinò, li tiegħu kien id-disinjatur ewlieni flimkien ma’ Dom Mintoff bħala perit. 

 

Xogħljiet f’Birkirkara u f’l-Isla

Lejn tmiem is-sebgħinijiet Frank kien imqabbad jieħu ħsieb id-dekorazzjoni tal-Knisja l-ġdida ta’ Santa Tereża f’Birkirkara. Frank daħal għal dan ix-xogħol b’ruħu u ġismu, u nżid ngħid, b’qalbu. Kien bix-xieraq li l-funeral tiegħu jsir f’dan is-santwarju, li kien l-mimmi ta’ għajnejh. Fl-1990 Frank ħadem xogħol ieħor għall-patrijiet ta’ Santa Tereża, din id-darba l-pittura ta’ San Ġwann tas-Salib f’estasi għall-Knisja ta’ Ta’ Xbiex. 

 

Lejn tmiem it-tmeninijiet, sewwa sew fl-1989, Frank ingħata x-xogħol tal-koppla ta’ L-Isla. Minkejja li issa ma kienx aktar iż-żagħżugħ li kien, Frank daħal għax-xogħol b’mod professjonali. Erba’ snin wara fl-1993 ix-xogħol tal-koppla kien diġà mitmum. Matul is-sentejn ta’ wara Frank lesta wkoll l-erba’ lunetti ta’ taħt il-koppla bil-fuguri bibbliċi ta’ Sara, Ġuditta, Debora u Ester. Beda wkoll jaħdem u kważi temm ix-xogħol ta’ l-apside ta’ fuq l-altar. Dan ix-xogħol, ftit wara mewtu, bil-permess tal-familja, inġieb fit-tmiem mill-artist Anthony Spagnol u nkixef sewwa sew fit-28 ta’ Awwissu 2004. Ghall-istess Bażilka Frank kien diġà ħejja l-buzzett għall-volta ta’ fuq il-gallarija tal-kor b’għadd ta’ anġli in sotto in su jittajru fl-arja. Dan ix-xogħol sfortunatment baqa’ biss imħażżeż fuq il-karta.

 

Frank aktar mill-qrib

Jien sirt naf lil Frank u lil martu Roża u l-familja fil-bidu tad-disgħinijiet meta kont qed nagħmel xogħol pastorali fil-Parroċċa ta’ San Pawl il-Baħar. F’dawk iż-żminijiet, sakemm kienet qed tinbeda d-dar il-ġdida tagħhom f’Ħ’Attard, kienu ġew joqogħdu fid-dar tal-villeġġjatura li kellhom San Pawl il-Baħar. Konna sirna ħbieb. Meta kien jista’ Frank kien jiġi għall-quddies kuljum u nhar ta’ Ħadd ma kien ifalli qatt. Kien ġeneralmet jiġi għall-dik bl-Ingliż fil-ħdax ta’ filgħodu. Qabel ma joħroġ mill-knisja kien jibqa’ jistenna miġbur fuq il-bank u mbagħad jidħol flimkien ma’ Roża fis-sagristija biex jgħidli hello u noqogħdu nitkellmu ftit. 

 

F’Ġunju 1992, meta Frank u Roża kienu qed jiċċelebraw l-erbgħin sena taż-żwieġ, talbuni nqaddsilhom quddiesa ta’ l-okkażjoni. Frank ma riedx affarijiet pompużi. Ix-xewqa tiegħu ntemmet b’quddiesa sempliċi li għamilna fil-kappella ċkejkna li kien hemm ħdejn il-lukanda Suncrest fil-Qawra.  Kienet ċelebrazzjoni familjari sempliċi u ħelwa. Kien hemm Frank u Roża u t-tliet uliedu bil-familji tagħhom. Wara stednuni biex noqgħod niekol magħhom. Stajt nammira kemm Frank kien bniedem devot tassew għall-familja u kemm kellu għal qablu lil uliedu u lil uliedhom.

 

Kwadru ta’ San Franġisk u Santa Klara

Is-sena ta’ wara, 1993, meta l-ħbiebrija tagħna kienet kull ma tmur qed tikber, kont jien li tlabt xi ħaġa lil Frank.  Flimkien bħala patrijiet xtaqna nagħtu timbru aktar Franġiskan lill-kunvent tagħna ta’ San Pawl il-Baħar. Għalhekk tlabt lil Frank jagħmilna kwadru li fih idaħħal kemm lil San Franġisk u kemm lil Santa Klara. Mill-ewwel Frank tbissem waħda minn wara l-leħja u l-baffi li kellu u qalli: “Ħalli f’idejja!” Hekk għamilt. Ħallejt f’idejh. Wara ftit jiem ġie l-kunvent u ġieb miegħu l-kejl biex jieħu l-qisien tal-post fejn kellu jitwaħħal il-kwadru. Ma kinux għaddew wisq xhur meta nara lil Frank dieħel mill-bieb tas-sagristija bit-tbissima fuq fommu, ġie fuqi u qalli biex meta jkolli ċans immur nagħti titwila fl-istudju li kellu Birkirkara. Ftehemna meta kelli mmur, mort u nsib il-kwadru għoddu lest.

 

Meta dħalt fl-istudju tiegħu u ħarist lejn il-kwadru ħassejtni tassew kommoss. Lanqas ridt nemmen li kont qed nara quddiem għajnejja l-ħolma li kont ħlomt. Il-ħolma Frank kien għamilha realtà. Hekku x-xogħol ta’ l-artista! Lanqas stajt inlissen kelma. L-ewwel ma għamilt għannaqt waħda miegħi lil Frank. Dak il-ħin ħassejt li Frank ma kienx biss żamm kelmtu u ħareġ ta’ raġel u ta’ ħabib, imma wkoll kien ħareġ tassew ta’ artist uniku li kien. 

 

Malli tħares lejn il-kwadru kont tgħid mill-ewwel li kien ħareġ minn taħt idejn Frank Portelli. L-istil kubiku, fundamentali, inkonfondibbli, personalizzat, u metikoluż li jikkaratterizza lil dan l-artist kien inkwadrat hemm quddiemi. Il-figuri ta’ Franġisku u Klara mhux biss kienu juru l-qdusija, imma kienu juru l-ħsus u kapaċitajiet innati għad-disinn flimkien mas-sentimenti reliġjużi ta’ l-artist. Meta ħarist lejn il-kwadru stħajjiltni qed inħares f’mera li fiha stajt nara minn ġewwa l-imħabba u l-qalb Franġiskana ta’ Frank innifsu.

 

Rifletturi fuq il-kwadru Franġiskan

Fuq in-naħa tax-xellug, int u tħares lejn il-kwadru, hemm il-figura tal-Qaddis Franġisku, fqajjar u mistiku ħafi, liebes iċ-ċoqqa mraqqgħa, b’rasu mgħollija ’l fuq u b’għajnejh iħarsu lejn Alla, li għalih kien kollox, kif kien jgħid Franġisku nnifsu “Deus meus et omnia.” F’idejh Franġisku qed iżomm is-salib li ġarr matul ħajtu u li miegħu twaħħad b’mod intimu permezz tal-ġrieħi tal-passjoni li Kristu, fix-xbieha tas-Serafin, stampa f’ġismu. Fuq in-naħa tal-lemin ix-xbieha tal-Qaddisa Klara, fqajra u umli, il-pjantiċella ta’ Franġisku, b’rasha u għajnejha baxxi, tħares u tikkontempta lil Ġesù Ewkaristija, li qed iġġorr b’għożża u qima fl-ostensorju bejn idejha. It-tnejn li huma, Franġisk u Klara, jispiraw qdusija u r-rabta tal-bniedem ma’ Alla.

 

Fl-isfond tal-kwadru, bejn l-logħob kubiku tar-raġġi niżlin minn fuq għal isfel u għal fuq il-figuri qaddisa, hemm fuq naħa waħda l-Bażilka ta’ San Franġisk bis-Sacro Convento magħha u n-naħa l-oħra l-Bażilka ta’ Santa Klara. In-naħa ta’ fuq tal-kwadru, kif kien maħsub, hu ġej għall-ponta. Dan minħabba li kien sa jitqiegħed taħt l-indana tat-taraġ. Il-lewn ewlieni li jinfirex u jispikka fil-kwadru kollu huwa l-ikħal. Dan il-kulur, kif stqarr miegħi Frank stess, huwa l-lewn favorit tiegħu. Kien iħoss li dan il-lewn kien ideali għall-arti espressiva tiegħu. Barra minn hekk, il-blu, fil-fehma tiegħu, jagħti sens ta’ spazju. U Frank kien iħobb l-ispazju kif kien iħobb l-ispazju Franġisku, il-Qaddis Fqajjar ta’ Assisi, il-ħabib tan-natura. Frank ma ried ebda ħlas għall-kwadru tiegħu. Ried biss li nitolbu għalih u għall-familja tiegħu. 

 

Il-Kwadru twaħħal fid-daħla tal-kunvent taħt l-indana tat-taraġ u kien mikxuf u mbierek nhar il-festa ta’ Santa Klara, fil-11 ta’ Awwissu 1994. Kif kont tidħol il-kunvent kont issib lil Franġisku u lil Klara hemm quddiemek. Fis-snin ta’ wara fil-post sar kanċell tal-ferro battutto, u għalhekk il-post tal-kwadru kellu jinbidel. Illum qiegħed fl-istess daħla, iżda biswit it-taraġ. Kif tidħol il-kunvent issa flok quddiemek  issibu fuq ix-xellug tiegħek.

 

Artist b’sentimenti reliġjużi

Il-ħbiberija ma’ Frank issuktat ukoll wara li spiċċajt mis-servizz tiegħi f’San Pawl il-Baħar u mort bħala missjunarju fil-Filippini. Mill-korrispondenza ta’ bejnietna komplejt niskopri kemm wara l-pinzellati u l-ilwien ta’ dan l-artist kemm tassew sentimenti reliġjużi u nobbli ta’ tjieba, ħniena u mħabba, qalb Franġiskana u missjunarja, bniedem ta’ rispett u ta’ ġenerożità kbira. Ma’ l-ittri ta’ matul is-sena u max-xewqat tal-Milied li kien jibgħatli bi sħubija ma’ martu Roża u l-familja kien jehmeż dejjem offerta ġeneruża b’riżq il-missjoni. Għadni nżomm b’għożża kbira waħda mill-ittri tiegħu, li tgħidx kemm damet ddur mal-Filippini qabel reġgħet intbagħtet lura Malta minħabba li l-isem tal-post fejn kont kien miktub żbaljat. Din l-ittra Frank reġa’ poġġieha kif kienet f’envelopp ieħor ġdid u reġa’ bagħathieli reġistrata u fl-aħħar waslet. Fost il-bolol fuq l-envelopp hemm waħda mis-sett definittiv tal-bolol li kien iddisinja Frank stess f’Diċembru 1991.

 

F’Diċembru 2001 bħala apprezzament ta’ l-espressjoni u għall-kontribut li ta fil-qasam ta’ l-arti Frank irċieva minn idejn il-President ta’ Malta il-midalja ta’ Ġieħ ir-Repubblika waqt iċ-ċerimonja li saret fil-Palazz fl-okkażjoni tal-Festa tar-Repubblika. Dak in-nhar, kif kien xieraq, kien hemm jifirħu ma’ Frank, martu Roża, uliedu, il-qraba u l-ħbieb tal-qalb.

 

Imma l-akbar premju u l-aktar ġieħ għoli Frank Portelli rċevieh nhar is-Sibt, 13 ta’ Marzu 2004 mingħand il-Mulej innifsu, li sejjaħlu għall-premju tal-ħajja ta’ dejjem fis-sema. Issa biex jifirħu miegħu kien hemm l-għeżież tiegħu li daħlu qablu fis-saltna tal-hena, id-dawl u s-sliem flimkien mal-personaġġi kollha li ħalla x-xbieha tagħhom fuq it-tila. Fost dawn ma setgħetx tonqos il-Verġni Marija Bambina.

 

Fuq n-naħa ta’ wara tas-santa li tqassmet b’tifkira waqt il-funeral ta’ Frank kien hemm stampata t-Talba tal-Paċi attribwita lil San Franġisk: Mulej agħmilni strument tal-Paċi tiegħek. San Franġisk, li Frank kien tant iħobb u li tiegħu kien iġib ismu matul ħajtu fuq l-art, issa jkun hu stess li jakkumpanja lil Frank lejn il-Ħajja Eterna. U bħalissa fost dawk li semmejna li jifirħu ma’ Frank fis-sema hemm ukoll San Franġisk ta’ Assisi.

<<|werrej|>>


Valletta: 17.5.2006


Frank Portelli

1922-2004

 

Fost

ix-xogħlijiet

li ħarġu

mill-pniezel imlewna

ta’ Frank insibu wkoll dawk b’tema Franġiskana. U dan

bix-xieraq, ħalli jagħti ġieħ

lill-qaddis protettur tiegħu:

San Franġisk

ta’ Assisi.