Kultura Frangiskana - skultura
 

<<|werrej|>>


L-istatwa ta’ San Franġisk fil-Vatikan

Il-protagonist u titwila wara l-kwinti


Kitba ta' Fr Thomas Calleja ofmconv


Statwi tal-Fundaturi

Malli wieħed jidħol fil-Bażilka ta’ San Pietru f’Ruma mill-ewwel jolqtu s-sens ta’ kobor u maestà ta’ dan it-tempju. Il-korsija, in-navati, it-tribuna, il-koppla, l-altari, il-monumenti, il-mużajk, il-bronż, l-irħam, ilkoll flimkien jagħmlu din il-Bażilka unika fid-dinja. It-tul, il-wisa’, il-għoli u l-fond, minkejja l-qisien kbar, għandhom kollha proporzjonijiet hekk perfetti u hekk eżatti, li donnu dak il-kobor ma jidhirx daqshekk kbir. Huwa xħin tersaq aktar fil-qrib li tintebaħ bil-kobor. Tassew binja tal-għaġeb! Tassew denja għall-Bażilka, li hija r-ras u l-omm ta’ dawk kollha li jħaddnu l-Fidi Kattolika.

 

Fost il-ġawhar li jsebbħu l-Bażilka tal-Vatikan hemm għadd ta’ statwi tar-rħam. Hemm l-erba’ prinċipali: dawk ta’ Santa Liena, Sant’Andrija, Veronika u Lonġinu, li qegħdin fin-niċeċ tal-pilastri maġġuri. Imbagħad hemm id-39 statwa tal-Qaddisin fundaturi ta’ l-Ordnijiet u l-Kongregazzjonijiet reliġjużi mqassmin fin-niċeċ mal-pilastri tal-bażilka. Hemm dsatax fin-niċeċ t’isfel u għoxrin f’dawk tan-naħa ta’ fuq. L-ewwel li saret fost dawn l-istatwi kienet dik ta’ San Dumiknu, fundatur ta’ L-Ordni tal-Predikaturi li tqiegħdet f’postha ħdejn l-altar tal-kattedra ta’ San Pietru fl-1706.  L-aħħar waħda li saret kienet fl-1954, dik ta’ Santa Luwiża de Marillac, fundatriċi tal-Kongregazzjoni ta’ l-Ulied tal-Karità ta’ San Vinċens de Paul.  F’dawn l-aħħar snin billi ma kienx hemm aktar niċeċ fil-Bażilka, qed isiru statwi ta’ fundaturi ġodda u qed jitqiegħdu fin-niċeċ battala li hemm mal-ħitan in-naħa ta’ barra tal-bażilka. Fost dawn hemm dawk ta’ Santa Briġida ta’ l-Isvezja u ta’ San Josè Maria Escrivà.

 

Fost id-39 statwa tal-fundaturi li hemm fil-Bażilka ma setax jonqos li jkun hemm dik ta’ San Franġisk ta’ Assisi, Fundatur ta’ l-Ordni tal-Patrijiet Minuri, tas-Sorijiet u t-Terzjarji Franġiskani. Hawnhekk sa nippruvaw nitfgħu r-rifletturi tagħna fuq l-istatwa ta’ dan il-qaddis. Nippruvaw ukoll bl-għajnuna ta’ l-artiklu miktub minn Giuseppe de Juliis[1] niskopru x’kien għaddej minn taħt u minn wara kwinti sakemm saret din l-istatwa.

 

Rifletturi fuq l-istatwa ta’ San Franġisk

L-istatwa tal-Fqajjar ta’ Assisi kienet it-tieni waħda li tlesiet u li tqiegħdet fin-niċċa f’wieħed mill-postijiet l-aktar importanti tal-bażilka. Qiegħda sewwa sew fil-ġenb ta’ l-altar tal-Katedra ta’ l-ewwel Papa tal-Kristjanità, biswit dik ta’ San Duminku, li kienet l-ewwel waħda li saret. 

 

L-opra ħarġet minn taħt l-iskarpell u d-daqqiet tal-mazez ta’ l-iskultur Ruman, Carlo Monaldi (1683-1760). Inħadmet bejn l-1724 u l-1727 meta l-artist kellu madwar 42 sena[2]. Il-materjal ta’ l-istatwa huwa rħam, magħżul u miġjub minn Carrara. Il-figura tal-qaddis hija twila 4 metri u 15-il ċentimetru u qiegħda fuq pedistall għoli 65 ċentimetru. Il-qisien tan-niċċa fejn hemm l-istatwa huma ta’ 6 metri għoli b’żewġ metri u 60 ċentimetru wisa’.

 

L-iskultur jippreżenta lil San Franġisk bl-attributi ikonografiċi tradizzjonali tar-Riforma ta’ l-Osservanti. Il-qaddis huwa mlibbes tonka kemm xejn goffa b’mantellin u kapoċċ żgħir fuqha. Madwar qaddu kurdun twil li jkompli nieżel sas-sieq il-leminija bi tliet għoqiedi, simbolu tal-voti ta’ l-ubbidjenza, faqar u safa. Mal-kurdun fuq ix-xellug hemm imdendla l-kuruna tar-Rużarju. Fl-id tal-lemin, li fuqha jidhru tajjeb il-marki tal-pjagi, San Frangisk qiegħed iżomm salib ta’ l-injam lewn id-deheb bil-kurċifiss fuqu. Għajnejn il-Qaddis qed iħarsu lejn il-figura ta’ Ġesù msallab li għandu f’idu. L-id ix-xellugija qed isserraħ fuq il-ktieb tal-Vanġelu, li qiegħed iżomm l-anġlu ċkejken li hemm ma’ ġenbu fuq il-pedistall.  Fuq iż-żewġ paġni miftuħin tal-Ktieb Imqaddes hemm miktuba b’ittri tal-bronż frażi mir-Regula Franġiskana approvata mill-Papa Onorju III fid-29 ta’ Novembru 1223.  Hija l-parti li fiha Franġisku jwiegħed ubbidjenza lejn il-Papa u lejn il-Knisja Rumana. Fuq il-wiċċ mislut tal-Qaddis ta’ Assisi tidher bixra ta’ tbatija kbira, skond uħud, bixra aktarx axxetika[3]. Ir-ras hija kemm xejn żgħira mqabbla mal-kumplament tal-ġisem. Waqt li s-sieq tax-xellug hija wieqfa u dritta dik tal-lemin għandha pożizzjoni mmejla u toħloq moviment ħelu f’kuntrast mal-pala tas-sieq li hija xi ftit mgħaddma.

 

Il-kerubin ċkejken li hemm ma’ ġenb il-figura tal-Qaddis Fundatur huwa ħelu u f’idu qed iomm il-ktieb tal-Vanġelu li qed iserraħ ma’ ħaddu tal-lemin. Ħarstu hi mixħuta ’l quddiem, qisu qed iħares f’għajnejn dawk li jħarsu lejn l-istatwa. Qiegħed wieqaf iserraħ fuq siequ tal-lemin waqt li dik tax-xellug qiegħda miġbuda lura fl-arja. It-terħa li tgħatti l-għera tiegħu tibda minn taħt żaqqu, titla’ għal fuq spalltu u tkompli nieżla u tittajjar taħt il-ġwienaħ ċkejkna li hemm wara dahru.

 

Fuq l-iskudett ornamentali li hemm mal-faċċata tal-pedestal hemm il-kitba bil-Latin: FUNDATORI SUO/ ORDO MIN(orum). EREXIT/ AN(no). IUB (ilaei). MDCCXXV (L-Ordni tal-Minuri waqqaf għall-Fundatur tiegħu, is-Sena tal-Ġublew, 1725). Fuq in-naħa tax-xellug tal-bażi hemm l-ittri C.M. huma l-inizjali ta’ l-iskultur Carlo Manaldi.

 

Il-Papa Klement XI

Il-Papa Klement XI (1700-1721), fis-seklu Giovanni Francesco Albani, ħalla f’idejn il-Patrijiet Minuri Konventwali l-inkarigu biex jieħdu ħsieb iwaqqfu statwa tal-fundatur tagħhom biex titqiegħed fil-Vatikan. Ma setax jonqos il-Patrijiet Konventwali laqgħu bil-ferħ u bil-qalb din l-istedina tal-Papa. Il-Ministru Ġeneral Patri Carlo Giacomo Romilli ħa ħsieb bla telf ta’ żmien jgħarraf lill-provinċjali u lill- kunventi kollha ta’ l-Ordni ħalli tkun tista’ tibda kampanja ta’ ġbir ta’ fondi b’riżq l-istatwa ta’ San Franġisk fil-Vatikan. L-appell tal-Ġeneral Romilli ma waqax fuq widnejn torox. Għadd ta’ flus bdew jaslu mill-provinċji kollha fil-Kurja Ġenerali fi pjazza SS Appostli f’Ruma. Sa dan it-tant beda x-xoghol fuq l-abbozz ta’ l-istatwa mill-iskultur Pietro Maria Babesteic.

 

Miet il-Papa u lahaq Innoċenz XIII

Ma kinux għaddew wisq xhur minn meta beda x-xogħol, li fid-19 ta’ Marzu 1721 miet il-Papa Klement XI. Kellhom jgħaddu kważi xahrejn sakemm fit-18 ta’ Mejju tela’ fuq it-tron ta’ San Pietru il-Kardinal Mikelanġlu Dei Conti bl-isem ta’ Innoċenz XIII (1721-1724). Ftit wara li tela’ l-Papa l-ġdid bdiet tiġri x-xniegħa li l-inkarigu biex issir l-istatwa ta’ San Franġisk kellu jgħaddi f’idejn il-Patrijiet Osservanti. Padre Romilli, bħala Ġeneral tal-Franġiskani Konventwali, kiteb mill-ewwel lill-Papa Innoċenz XIII u qallu bix-xniegħat dwar l-istatwa ma kinux jaqblu, anzi, kienu kuntrarji għar-rieda tal-Papa ta’ qablu, li kien hu li talab lill-Konventwali biex jieħdu ħsieb l-istatwa.  Fl-istess ittra, il-Ġeneral Romilli semma wkoll li kien diġà beda l-ġbir għall-fondi meħtieġa biex issir l-istatwa. U fuq kollox kien diġà sar l-abbozz ta’ l-istatwa li kien ippreżentat lill-Papa Klement XI. Il-Papa kien esprima li l-mudell kien għoġbu tassew.[4]

 

Ġara li ftit wara, sewwa sew fis-7 ta’ Marzu 1724, Papa Innoċenz XIII miet. L-ittra tal-Patri Ġeneral Romilli baqgħet mingħajr tweġiba.

 

Papa ġdid ieħor: Benedittu XIII

Issa nhar l-4 ta’ Mejju 1724 fuq il-Katedra ta’ Pietru tela’ l-Kardinal Pietro Francesco Orsini bl-isem ta’ Benedittu XIII (1724-1730). Ma kinux għaddew wisq xhur wara l-ħatra tal-Papa l-ġdid, li lil Patri Romilli waslitlu l-aħbar li Benedittu XIII kien sa jħalli definittivament ix-xogħol ta’ l-Istatwa ta’ San Franġisk f’idejn il-Patrijiet Minuri Osservanti li kellhom il-Kunvent ta’ Aracoeli f’Ruma[5]. Il-Ġeneral tal-Konventwali bagħat mill-ġdid ittra bhal dik li bagħat lill-Papa ta’ qablu. Din id-darba mas-supplika kien hemm mehmuża ittra mingħand l-arkitett u skultur Pietro Maria Babestiec, li fiha ddikjara li huwa kien lesta l-abbozz ta’ l-istatwa ta’ San Franġisk kif qabbduh jagħmel il-Patrijiet Franġiskani Konventwali li hemm fil-kunvent ta’ Pjazza SS Apostoli. Fl-ittra l-iskultur stqarr li dan l-istess abbozz kien ippreżentat fil-preżenza tas-segretarju tiegħu Fabrizio Paolucci, lill-Papa Klement XI qabel il-mewt tiegħu fl-1721.

 

Fir-rikors lill-Papa dwar l-istatwa ta’ San Franġisk, li sar fl-1724 hemm imniżżla l-motivazzjonijiet, il-protesti u r-risentiment tal-Patrijiet Konventwali għad-deċiżjoni li kienet ittieħdet biex it-twaqqif ta’ l-istatwa issa jitħalla f’idejn l-Osservanti.

 

L-affarijiet komplew jintefħu. F’din il-protesta ssieħbu wkoll il-Kapuċċini. Dawn ħassewhom maqtugħa barra għal kollox mit-twaqqif ta’ l-istatwa ta’ San Franġisk, li kien il-fundatur tagħhom daqs kemm kien tal-Konventwali u ta’ l-Osservanti.

Il-Konventwali saħqu fuq id-dritt tagħhom bħala l-aktar anzjani.  Il-Kapuċċini saħqu li kienu huma li kienu qed josservaw tassew u b’mod pur ir-regola ta’ San Franġisk. Waqt li l-Osservanti, minkejja il-bolla Ite vos tal-Papa Ljun X (1513-1521) tad-29 ta’ Mejju 1517, ma kien imisshom ikkapparraw l-ebda superjorità għax huma twaqqfu wara l-oħrajn. Fil-protesta tal-Kapuċċini kemm ukoll li kienu żammew il-forma antika tat-tonka ta’ San Franġisk. Għal dawn ir-raġunijiet iż-żewġ Ordnijiet Franġiskani, tal-Konventwali u tal-Kapuċċini, talbu lill-Papa biex jagħraf ir-raġunijiet li ressqulu u talbuh biex ma jħallix li huma jkunu esklużi mqar fil-kitba ta’ fuq il-pedestall ta’ l-istatwa, fejn għandu jkun hemm il-kitba: “Ordo Minorum Fundatoris suo”.   Imma nafu li naħqa ta’ ħmar qatt ma telgħet is-sema. Hekk ukoll ġralhom dawn is-suppliki.

 

Minn wara l-kwinti

Jekk nippruvaw nitfgħu ftit dawl wara l-kwinti nintebħu bl-għadd ta’ movimenti u mmaniġġjar. Il-moħħ wara l-manuvri li saru min-naħa tal-Patrijiet Osservanti f’dak iż-żmien fil-qorti tal-Papa, kien il-Patri Josè Maria de Fonseca magħruf bħala il-Portughesino. Min kien dan il-patri de Fonseca? Minn riċerki li saru f’dawn l-aħħar snin (1995) sar magħruf li Josè Maria twieled fit 3 ta’ Diċembru 1690 fil-belt ta’ Evora fil-Portugall, minn għalhekk il-laqam tiegħu Portughesino (il-portugż iż-żgħir). Studja fl-università tal-belt fejn twieled u f’dik ta’ Coimbra, minfejn kiseb ħila ġuridika kbira. Kellu personalità kbira, kien enerġiku u ta’ kultura mhux żgħira. Issieheb mal-Patrijiet ta’ l-Osservanza, mar Ruma u f’età żgħira ha l-voti reliġjużi. Tarġa wara l-oħra, Patri Josè baqa’ tiela’ t-taraġ fl-ambjent tal-kurja sakemm meta reġa’ lura l-Portugal inħatar isqof ta’ Porto fejn baqa’ jservi sakemm miet fis-16 ta’ Ġunju 1752.

 

Patri de Fonseca daħal b’ruħu u ġismu u b’kull mezz possibbli fil-każ ta’ l-istatwa ta’ San Franġisk. Kien jaf tajjeb li l-Papa Klement XI kien ħalla x-xogħol ta’ l-istatwa f’idejn il-Konventwali. Madanakollu għamel minn kollox biex iġiegħel lil Innocens XIII matul is-sentejn u għaxar xhur li dam Papa biex iħalli l-inkarigu ta’ l-istatwa f’idejn l-Ordni tiegħu, dak ta’ l-Osserventi. Kien qiegħed jirnexxilu, tant li matul il-papat qasir ta’ Klement XI kien diġà beda l-manuvri tiegħu u jkebbes in-nar minn taħt. Wara il-mewt ta’ Klement XI Patri de Fonseca kompla jrewwaħ kemm jiflaħ mal-Papa ta’ warajh, Benedittu XIII u sab ir-riħ fil-qala’ sakemm ġabha żewġ.

 

Biex iġib fit-tmiem it-taqtigħa li qamet bejn it-tliet fergħat ta’ l-istess Ordni Franġiskan, dan l-imbierek Benedittu XIII f’anqas minn tliet xhur wara l-ħatra tiegħu, biex jaqta’ x-xewqa ta’ de Fonseca, ippropona lill-Patrijiet Minuri Konventwali biex minflok l-istatwa ta’ San Franġisk jieħdu ħsieb jagħmlu statwa ta’ Sant’Antnin ta’ Padova biex titqiegħed f’waħda min-niċeċ fil-Vatikan.

 

Minn dokument bl-isem Speranza delusa ta’ Awwissu 1724 nafu li l-Ġeneral tal-Konventwali Romilli flimkien mad-definitorju tiegħu bir-raġun kollu ma laqax din il-proposta tal-Papa Benedittu. Il-proġett u l-ħolma ta’ l-istatwa tarulhom mar-riħ. U bi djieqa kbira kien deċiż li l-flus li kienu ġa nġabru jkunu mħollija għal għanijiet oħra, fosthom għall-kawżi tal-beatifikazzjoni tal-Qaddejja ta’ Alla ta’ l-Ordni u għall-istudji fl-Ordni.

 

Lanqas biss laħaq għadda xahar mir-rinunzja tal-Konventwali, li Patri de Fonseca bil-barka tal-Ġeneral ta’ l-Osservanti Lorenzo Cozza, ma tax ix-xogħol ta’ l-istatwa lill-iskultur Carlo Monaldi. Dan kien artist ħabib tal-qalb ta’ de Fonseca. Tant hu hekk li l-Patri kien ippropona lill-artist bħala għalliem fl-akkademja artistika Portugiża f’Ruma, kariga li l-iskultur baqa’ fiha għal erba’ snin bejn l-1724 u l-1728. 

 

Id-data meta saret eżatt l-istatwa

Fuq il-bażi ta’ l-istatwa hemm is-sena 1725. Imma din kienet tassew id-data? Nafu li minn nofs Settembru 1724 sa nofs is-sena ta’ wara l-iskultur Carlo Monaldi kien lesta l-mudellone, tal-ġibs. Dan il-mudellone, ma kienx l-abbozz jew mudell żgħir ta’ l-istatwa, imma kien l-istess statwa bil-qisien kif kellha ssir, u kienet tal-ġibs, minflok ta’ l-irħam. Ma kienx il-proġett finali.

 

Fis-sena 1725 f’waħda mill-gwidi ta’ Ruma[6] ppubblikata bħala sussudju għall-pellegrini, tissemma għall-ewwel darba l-istatwa ta’ San Franġisk, mingħajr ma jingħad jew ma jkun speċifikat il-materjal tagħha.

 

Hu magħruf mid-Diario Ordinario[7] ppubblikat minn Chracas, li meta l-iskultur Carlo Monaldi temm l-istatwa tal-Patrijarka San Franġisk maħduma fl-irħam, din tqiegħdet fin-niċċa viċin l-Altar tal-Katedra, lejlet il-festa ta’ San Pietru u San Pawl, fit-28 ta’ Ġunju 1727. U jkompli d-Djarju li din kienet inawgurata ftit ġimgħat wara, sewwa sew fit-2 ta’ Awwissu 1727, fil-prezenza tal-Qdusija tiegħu l-Papa.

 

Id-data ta’ l-1725 fuq il-pedestall bla ebda dubju tirreferi għas-sena meta tqiegħdet fin-niċċa l-istatwa tal-ġibs. Din tal-ġibs tpoġġiet temporanjament fil-post fl-okkażjoni tas-Sena tal-Ġublew, li ħabtet dik is-sena[8]. Għalhekk huwa maħsub li d-data inżammet l-istess fuq dik ta’ l-irħam biex tfakkar dan il-Ġublew.

 

Dokumenti u inċiżjonijiet

Ħasra li dwar x’ġara eżatt wara li l-kummissjoni ta’ l-istatwa tħalliet f’idejn il-Patrijiet Osservanti taħt Patri Josè Maria de Fonseca m’hemmx dokumenti. Dan minħabba li ħafna dokumenti li kienu fil-kunvent ta’ Santa Maria Mediatrice fil-Gelsomino ta’ Ruma, sede ta’ l-arkivju ta’ l-Osservanti, inqerdu fi żmien ir-Repubblika Tiberina (1798-1799). Għaldaqstant sallum ma ħareġ għad-dawl l-ebda dokument li jagħti aktar ħjiel u informazzjoni dwar il-kuntratti ma’ l-iskultur Monaldi jew dwar il-ħlas ta’ l-istatwa.

 

B’xorti tajba għadhom jeżistu żewġ inċiżjonijiet, it-tnejn li huma huma xogħol ta’ Girolamo Rossi ż-żgħir[9]. Dawn l-inċiżjonijiet saru minn fuq l-abbozzi ta’ Carlo Monaldi fil-fażi tat-tħejjija ta’ l-istatwa. Meta wieħed iqabbel iż-żewġ inċiżjonijiet jinnota li hemm xi differenzi bejniethom. Dawn jikkonfermaw li d-disinn ta’ l-ewwel inċiżjoni sar żgur fuq l-abbozz ċkejken, filwaqt li t-tieni inċiżjoni saret fuq il-mudellone, li semmejna aktar ’il fuq meta dan kien temporanjament fin-niċċa. Id-differenza bejniethom tidher b’mod ċar kemm il-pożizzjoni tal-figura tal-qaddis, kemm fil-mod ta’ kif San Franġisk qed iżomm is-salib li għandu f’idu, kemm fil-panneġġi tat-tonka u kemm fil-pożizzjoni tal-puttin li hemm ħdejn il-qaddis.

 

L-aħħar riflessjoni dwar l-istatwa

Minn dak li għidna jidher li x-xogħol tat-tħejjija ta’ l-istatwa ta’ San Franġisk sar fi klima ta’ taqtigħa bejn is-superjuri ġenerali tat-tliet Ordnijiet Franġikani: Konventwali, Osservanti u Kapuċċini. Kif semmejna aktar ’il fuq, l-istatwa hija ffugurata bl-ilbies li l-patrijiet ta’ l-Osservanza kienu jilbsu għall-ħabta ta’ l-1700. Għalkemm f’għajnejn il-viżitaturi li jżuru l-Bażilka llum dan il-partikular ta’ l-ilbies ftit għandu importanza, fiż-żminijiet li fihom saret l-istatwa dan il-partikular ma kienx xi ħaġa passiġġiera, bil-maqlub, kienet preċiżament din ir-raġuni ewlenija tat-taqtigħa diffiċli li nqalgħet. U mhux din ir-raġuni biss. Kien hemm ukoll fatti u manuvri li ma kienu xejn jaqblu ma’ l-ispirtu ta’ dak li tiegħu kienet qed issir l-istatwa. 

 

Statwa tal-Franġiskan ġenwin

Jien dejjem tal-fehma, u mhux darba jew tnejn kelli l-okkażjoni ngħid u nibqa’ ngħid, li l-Franġiskan awtentiku mhux dak li jilbes tonka sewda, griża jew kannella ċara jew skura. Mhux lanqas dak li għandu l-muzzetta tal-kapoċċ twila sa qaddu, jew qasira, jew ġejja fit-tond jew bil-ponta: lanqas ma hu dak li jilbes is-sandli, imqar fil-qieraħ tax-xitwa, jew iż-żarbun illusstrat. Il-Franġiskan awtentiku mhux dak li jippoża bhala “il-Franġiskan”, bl-artilku “il-“ quddiemu, bħallikieku ma hemmx Franġiskani oħrajn ħliefu. Lanqas ma hu Franġiskan veru dak li jipprova jgħawweġ l-istorja, jinterpretaha kif irid, jew li jipprova jostor il-passat. 

 

Il-Franġiskan veru, ġenwin u awtentiku huwa dak li, minkejja d-dgħufija u n-nuqqasijiet tiegħu, jipprova jagħmel ħiltu biex jgħix tassew l-ispirtu ta’ San Franġisk. Huwa dak li jipprova jkejjel u jfassal ħajtu bir-riegla tal-Vanġelu ta’ Sidna Ġesù Kristu. 

 

Ta’ Franġiskani bħal dawn aktarx li mhux sa ssib kif ġieb u laħaq statwi fl-ebda niċċa.

 

Noti

[1]  Biex jgħinna ndawlu aktar bir-reqqa l-Istatwa tal-Qaddis sa nagħmel użu prinċipalment mill-istudju li għamel Giuseppe de Juliis, fil-ktieb tieghu San Pietro, Arte e Storia nella Basilica Vaticana, a cura di Giuseppe Rocchi Coopmans de Yoldi Edizioni Bolis, (Banco Ambrosiano Veneto) 1996.

[2] Madwar ħdax-il sena wara, fl-1738, Carlo Manaldi kien ikkomissjonat mill-Ordni tat-Teatini biex jagħmel l-istatwa tal-fundatur tagħhom San Gejtanu Thiene.

[3] Fosthom Il-Kardinal Virgilio Noè, fil-ktieb tieghu I Santi Fondatori nella Basilika Vatica, Franco Cosimo Panini Editori, Modena 1996, p.209.

[4]  Kopja ta’ din l-ittra tinstab fl-Arkivju Ġenerali ta’ l-Ordni tal-Franġiskani Minuri Konventwali (AGOFM Conv) ro 66, c.190r

[5]    Il-kunvent ta’ Aracoeli fi żmien il-Papa Euġenju IV (1431-1447) kienet ittieħed mingħand il-Patrijiet Konventwali u ngħata lill-patrijiet ta’ l-Osservanza.

[6] Il-Gwida bl-isem ta’ Roma ampilata, e rinovata, 1725 p. 14)

[7]  Dan id-Diario Ordinario kien ippubblikat minn Chracas, seklu XVIII n. 1558 pp 3-4)

[8] Is-sena Mqaddsa kienet imħabbra mill-Papa Bendittu XIII bil-Bolla Redemptor et Dominus Noster Jesus Christus tas-26 ta’ Ġunju 1724 u bdiet fl-24 ta’ Diċembru 1724 u ntemmet fl-24 ta’ Diċembru 1725

[9] L-ewwel waħda Girolamo Rossi minn San Frangisk t’Assisi ta’ Carlo Monaldi, inċiżjoni. Ruma Gabinetto Nazionale delle Stampe, F.C. 116219.  It-tieni waħda Girolamo Rossi minn modellone ta’ San Franġisk t’Assisi ta’ Carlo Monaldi, inċiżjoni. Ruma, Biblioteca Casanatense, 20.B.I.10/66.

 

<<|werrej|>>


Valletta: 17.5.2006


 

 

Fost l-istatwi tal-fundaturi li hemm fil-Bażilka ma setax jonqos li jkun hemm dik ta’ San Franġisk ta’ Assisi, Fundatur ta’ l-Ordni tal-Patrijiet Minuri, tas-Sorijiet u t-Terzjarji Franġiskani.