San Frangisk  - artikli  

 

<<|werrej|>>


San Frangisk il-"Playboy"

Benedittu XVI jikkumenta dwar il-konverżjoni ta’ San Franġisk.


 kitba ta' Fr Thomas Calleja ofmconv


San Franġisk il-“Playboy”                                                   

Waqt laqgħa mal-kleru tad-djoċesi ta’ Albano li saret fl-aħħar jum ta’ Awwissu 2006 filgħodu fir-residenza sajfija tieghu f’Castelgandolfo, ftit ’il barra minn Ruma, Papa Benedittu VXI tkellem dwar San Franġisk.

 

Fost affarijiet oħra l-Papa kellem lis-saċerdoti miġbura fuq l-importanza li l-konverżjoni ta’ San Franġisk jista’ jkollha fil-ħajja taż-żgħażagħ ta’ żmienna.  Il-Papa ppropona lis-saċerdoti li jpoġġu l-istorja tal-konverżjoni tal-Qaddis ta’ Assisi bħala eżempju liż-żgħażagħ tal-parroċċi tagħhom. Il-Papa saħaq li l-konverżjoni taż-żagħżugħ Franġisku għandha tifsira għall-Knisja kollha.

 

Franġisku (1181-1226) kien iben ta’ merkant għani fil-belt ta’ Assisi. L-istoriċi jgħidu li bħala żagħżugħ Franġisku għax ħajja mtajra u pprova jduq u jgawdi dak kollu li kienet toffrilu d-dinja ta’ żmienu. Kien iħobb jiddandan, jixxala u jidderverti mal-ħbieb. Kien imsejjaħ saħansitra r-“Re tal-Festi.”

 

Franġisku kien imsaħħar bit-tlellix tal-ħajja militari u kavallereska ta’ żmienu. Kien diġà ħabat sa jibda jinnamra u jgħannaq din il-karriera li kellha suppost tiksiblu s-suċċess li xtaq. Imma spiċċa priġunier. Matul is-sena li għadda fid-dlam tal-ħabs ta’ Perugia Franġisku beda jara dawl li qatt ma kien ra qabel. Wara li nħeles mill-ħabs il-ħajja taż-żagħżugħ ma baqgħetx bħal dik ta’ qabel. Issa beda jara l-qagħda li kienu jghixu fiha l-foqra u l-imġiddmin ta’ Assisi. Ried jgħix bħalhom.

Franġisku ħalla d-dar, il-ġid u l-għana kollu ta’ missieru, beda jinqata’ għalih waħdu f’postijiet imwarrba mill-ħsejjes tan-nies. Fis-skiet u l-ġabra sema’ lil Ġesù jistiednu permezz tal-Vanġelu biex iħalli kollox u jimxi warajh. Franġisku neża’ l-ilbies ta’ fuqu u xedd ilbies fqir u ngħata kollu kemm hu biex jieħu ħsieb il-foqra u jsewwi l-knejjes imġarrfa madwar il-belt ta’ Assisi. Fl-1209 ddeċieda li jgħix fil-faqar u jgħaddi l-bqija ta’ ħajtu jxandar il-Bxara t-Tajba. Ħafna żgħażagħ, kemm ġuvintur u kemm tfajliet, riedu jagħmlu bħalu.

“L-ewwel kien qisu xi playboy iżda mbagħad fehem li dik ma kinitx it-triq tal-veru ferħ,” kompla jgħid il-Papa.

Il-Papa lminta li isem San Franġisk xi kultant huwa “sfruttat” u jiġi assoċjat ma’ ideoloġiji politiċi, li huma ’l bogħod mill-messaġġ Kattoliku. Il-Papa kien qed jirreferi għat-tendenza li ħafna drabi l-ambjentalist u l-paċifisti jduru lejn il-Qaddis u jaħtruh kampjun tal-kawża tagħhom.

Benedittu XVI isskota jgħid li Franġisku “kien fuq kollox wieħed li kkonverta” u li ħalla lil Alla jibdillu ħajtu.

Alla jrid jagħmel hekk magħna wkoll. Irid iġib bidla f’ħajjitna wkoll jekk tassew inħalluh.

 

<<|werrej|>>


Valletta: 5.9.2006


 

“L-ewwel

kien qisu

xi playboy iżda mbagħad fehem li dik ma kinitx

it-triq

tal-veru ferħ,”