|
San Frangisk - artikli |
|
|
<<|werrej|>>Bla kliem quddiem Frangisku tieghikitba ta' Francesco Pio Attard Kull bniedem għandu f’ħajtu ħwejjeġ li jnisslu fih ferħ kbir, sentimenti li jagħtuh hena li bilkemm hu nnifsu ma jasal ifissirha. Hekk jiġini f’moħħi meta niftakar fil-persuna ta’ San Franġisk ta’ Assisi, li dejjem sejjaħtlu u nibqa’ nsejjaħlu missieri. Tant hi kbira f’qalbi l-imħabba lejn dan il-qaddis tiegħi, li, minkejja li ommi proprjament semmietni għal San Piju tal-Pjagi, sa minn ċkuniti jien webbist rasi u ridt infisser lil kulħadd b’qawwa u determinazzjoni li jien imsemmi għal San Franġisk ta’ Assisi. Wara kollox għandi raġun (!) għax għal dan il-qaddis semmietu ommu lil Francesco Forgione.
Kif kont qed ngħid, ma’ l-isem ta’ Franġisku ta’ Assisi, f’qalbi jitnissel ferħ li qajla nfissru bil-kliem. Sa minn tfuliti kont inħobb lil dan il-qaddis b’imħabba tal-ġenn. Forsi għax, kif tennejt x’imkien ieħor, trabbejt fi ħdan komunità ta’ patrijiet Franġiskani… Imma li naf hu li l-figura ta’ dan il-bniedem dejjem saħħritni għal warajha u ġagħlitni nħobbu dejjem iżjed.
Illum iktar minn qabel nemmen li kienet is-sempliċità ta’ dan il-qaddis umli li ġibditni tant warajh, l-entużjażmu li bih kien imwebbel li jxandar lil Kristu, li lilu imita u bħalu sar, hekk li stħaqqlu tassew li jissejjaħ “alter Christus”, Kristu ieħor.
Nistħajjilkom tgħidu li dan l-aħħar spiċċajna “kronaka” fuq il-qaddisin, imma x’hemm iżjed attwali minnhom għadni rrid naf! Irrid nipprova nevita li nidħol f’dettalji dwar il-ħajja jew dak li jiġbidni f’San Franġisk, għax nirriskja li ma nispiċċa qatt. Barra li qed inħossni skomdu nikteb fuqu, għax ma jiġinix kliem tajjeb biżżejjed. Għalija jibqa’ dejjem dak li hu, il-qaddis ta’ qalbi. Kulma hu marbut miegħu, anki saħansitra l-belt ta’ Assisi – li fiha twieled, għaliha ssielet, f’kappella tal-kampanja tagħha sema’ lil Alla jkellmu, lilha ppriedka u fuq artha miet –, jolqotni u jinteressani. Kif għidt, hi mħabba li ma nistax nispjegaha, imma naf li ġejja minn Alla, li tant iħobb u jixtieq jagħmel maħbub lil dan il-qaddej fqajjar tiegħu, “il-ħabbâr tas-Sultan il-kbir”, kif kien iħobb isejjaħ lilu nnifsu.
Forsi waħda mill-aktar xbihat li jesprimuh fis-sħuħija tal-persuna u l-qdusija tiegħu, qatt nieqsa mill-“perfecta lætitia”, hi dik tiegħu mħaddan ma’ Kristu fuq is-salib. Għax Kristu ried jaqsam ma’ dan il-bniedem tant identiku għalih ftit mit-tbatijiet tiegħu, u miegħu wkoll qasam il-piż tal-Knisja fiż-żmien diffiċli li kien qed jgħix fih: “Franġisku, mur ibni l-Knisja tiegħi, li qed taqa’”!
Għalhekk “nipprova” nagħlaq billi għall-4 ta’ Ottubru, jum il-festa ta’ San Franġisk ta’ Assisi, qabelxejn nixtieq il-festa t-tajba lili nnifsi, u nitlob li jirnexxieli nibqa’ ngħix dejjem bl-ispirtu Franġiskan li ppruvajt inżomm f’ħajti anki ġewwa mill-ħitan tas-seminarju fejn il-Mulej poġġieni. Imma nestendi l-awguri tiegħi wkoll lil tant ħbieb fl-Ordni Franġiskan, kemm dawk li naf u kemm dawk li ma nafx, u lil dawk li jġorru dan l-isem sabiħ ta’ Franġisku. Jien personalment inħossni xxurtjat li nġorru bl-istess lingwa li biha ssemma’ l-qaddis ta’ Assisi, u li biha min jaf kemm għajtulu l-ġenituri tiegħu: “Francesco”… L-arti u l-messaġġ tiegħu jibqgħu ħajjin għal dejjem, hekk li f’dan il-jum kważi d-dinja kollha qed tiċċelebrah, għax id-dinja kollha taf bih!
Inħobbok wisq, San Franġisk tiegħi. Għamilni nixbah iżjed lilek fl-umiltà, fil-faqar, fis-sempliċità u fl-imħabba tiegħek lejn il-Mulej. Bħalek u miegħek nixtieq nasal li ngħid kif darba qal San Pawl: “Għalija l-ħajja hi Kristu” (Fil 1:21).
Issa nispiċċa tassew bit-tislima sabiħa ta’ dan il-patrun maħbub tiegħi: “Il-Mulej ibierkek u jħarsek. Jurik is-sebħ ta’ wiċċu u jkollu ħniena minnek. Idawwar ħarstu fuqek u jagħtik is-sliem”.
Din ir-riflessjoni miktuba nhar it-tnejn 3 ta' Ottubru 2005 sehrey fil-website ta' francesco Pio Attard fpa2005. http://www.freewebs.com/fpa2005/attwalita.htm#62051183.Valletta: 5.10.2005 |
Inħobbok wisq, San Franġisk tiegħi. Għamilni nixbah iżjed lilek fl-umiltà, fil-faqar, fis-sempliċità u fl-imħabba tiegħek lejn il-Mulej. |
|