Poeżija Franġiskana

 

◄◄|werrej|►►


Innu lil San Franġisk t'Assisi


Robert Gatt


Innu lil San Franġisk t'Assisi

 

Insellmulek O Fqajjar t'Assisi,

f'dan il-jum, li l-Verb rajt wiċċ imb'wiċċ;

nagħtuk ħajr, hekk kif tajt ħajr lil Alla,

għax biH biss, intrefgħu minn dax-xej'!

 

O Missier, Serafiku Qaddis,

l-Evanġelju sejjist fuqu l-ħajja,

li ħaddant, u miegħek seħibt bosta,

biex flimkien tiddakkru mill-Feddej!

 

Fqir u umli, qaddej t'Alla l-Għoli,

ħarstek xħitt fis-Saltna tas-Smewwiet;

int ħabbejt il-ħlejjaq kollha tiegħU,

tal-ħolqien, tas-sema u l-art, Għannej!

 

Difensur, tal-ħajja, tal-ħolqien,

qalbek tfur bil-għerf tal-Kelma t'Alla,

u bil-ferħ, lejn l-Omm tagħna Marija

li fil-ġuf, issebbħet b'Dak li ġej!

 

Il-pjagi mqaddsa irċevejt f'La Verna,

ġarrabt fuqek l-uġigħ tal-Mislub;

ma ntrabatx mal-ġid ta' din id-dinja,

u stagħnejt fid-dija tal-Mulej!

 

Inti lmaħt, fid-dinja, fl-univers,

id smewwija trieġi t-tmun tal-ħajja;

fiha fdajt, fil-ġmiel li qatt jispiċċa,

u inżajt, biex tilbes lill-Mexxej!

 

O Franġisku, kun għalina t-tama,

li fid-dlam, tqawwilna tagħna l-qlub;

agħti l-wens lir-ruħ iġġorr il-ħtija,

biex tiġġarrab ma jkunx hemm għalfej'!

 

Inti l-bieb, li minnu ngħaddu lkoll,

meta naslu fil-glorja tas-sema

fejn tinsab, f'tifħir etern lil Alla,

tagħtiH ġieħ, u biex lilna turiH!

 

 


Din il-Poeżija hija Innu lil San Franġisk li deher fil-Ktejjeb "L-Immakulata Kunċizzjoni - festa 2011" - paġna 75. L-Innu kien immużikat minn Chris Sciberras

Burmarrad - 11.1.2018


 

poeżija

ta'

Robert Gatt