Qaddisin u Beati Franġiskani |
|
|
Santa Anġela ta' Foligno (1248-1309) 4 ta’ Jannar Anġla twieldet Foligno, l-Italja tan-nofs, fl-1248 fi ħdan familja nobbli. F’zgħozitha ntelqet wara l-frugħat tad-dinja, izda meta sfat armla qassmet il-gid li kellha lill-foqra u xxierket mat-Tielet Ordni Frangiskan. Wara l-konverzjoni kabbret fiha devozzjoni qawwija lejn il-passjoni tal-Mulej u kienet tħobb timmedita ħafna dwarha. Ħalliet bosta kitbiet importanti dwar il-ħajja spiritwali li sawrulha isem fost il-mistiċi l-kbar. Mietet fl-4 ta’ Jannar 1309 u tinsab midfuna fil-knisja ta’ San Frangisk ta’ Foligno. Il-qima lejha l-Papa Klement XI wettaqha bħala beata. fid-9 ta' Ottubru 2013 Papa Franġisk iddikjarha Qaddisa.
Il-Misteru ta’ l-Inkarnazzjoni mill-kitbiet tal-qaddisa
Mill-kitbiet spiritwali tal-Qaddisa hawn tidher silta mill-aħħar ittra tagħha li fiha tikteb dwar il-misteru ta’ l-Inkarnazzjoni.
L-Inkarnazzjoni tagħmel fina żewġ ħwejjeġ: l-ewwel timliena bl-imħabba, u t-tieni tiżgurana mis-salvazzjoni tagħna.
O mħabba li ħadd ma jista’ jifhem! O mħabba li mħabba aqwa minnha żgur li m’hemmx! Alla tiegħi sar bniedem biex jagħmilni Alla! O mħabba bla qjies! Ġibt fix-xejn lilek innifsek biex lili tagħmilni xi ħaġa. Dan sar f’dak il-waqt li int ilbist in-natura tagħna. Ġibt fix-xejn lilek innifsek, mhux għax min-natura tiegħek ta’ Alla naqset xi ħaġa. Dan il-misteru kbir jislitli minn fommi kliem imħeġġeġ. Int, li ħadd ma jista’ jħaddnek, sirt bħalna biex titħaddan. Int, li m’intix maħluq, sirt ħliqa. Int, spirtu ta’ perfezzjoni bla qjies, ħallejt il-bnedmin imissuk.
O Alla, agħmel li jkun jistħoqqli nitfa’ ħarsti fuq id-dagħbien ta’ din l-imħabba mill-iżjed għamiqa li int ridt taqsam magħna permezz ta’ l-Inkarnazzjoni. Agħmel li jkun jistħoqqli, o Alla mhux maħluq, li nagħraf l-għamiq ta’ mħabbtek, li nifhem din l-imħabba tiegħek mill-iżjed safja li int ridt taqsam magħna xħin, mogħni biha, urejtna ’l Ibnek Ġesu' Kristu, u Ibnek uriena lilek bħala l-Missier. Agħmel li jkun jistħoqqli, Mulej, li nagħraf u nifhem l-imħabba bla qjies tiegħek għalina. Agħtini l-qawwa biex nidħol ’il ġewwa fl-imħabba ħerqana u bla qjies tiegħek imsieħba ma’ dik l-imħabba bla tarf li biha sa minn dejjem int għażilt nisel il-bniedem biex dan jithenna bid-dehra tiegħek.
Alla ta’ kobor bla qjies, agħmel li jkun jistħoqqli nħaddan id-don li hu ogħla minn kull don ieħor: l-anġli kollha u l-qaddisin ma jsibu ebda hena ieħor ħlief dak li jarawk, iġobbuk u jitgħaxxqu bid-dehra tiegħek. O don li tinsab ’il fuq minn kull don ieħor, għax int l-istess imħabba! O tjieba bla qjies, int ridtna nagħrfuk bħala mħabba, u ridtna nħobbu din l-imħabba.
Dawk kollha li jiġu quddiemek sa jkunu mħallsin skond l-imħabba li wrew miegħek. Xejn ma jmexxi l-erwieħ kontemplattivi lejn l-estasi jekk mhux il-vera mħabba.
Tagħrif miġbur minn Patri Edmund Teuma OFMConv. |
Santa Anġela ta' Foligno
|