San Franġisk, il-Franġiskani u l-Immakulata Kuncizzjoni 

 

  <<|werrej| 


L-istatwa tal-Immakulata Kunċizzjoni tar-Rabat ta’ Għawdex

xogħol l-Iskultur Salvatore Psaila


Anthony Farrugia


 

Il-Patrijiet Minuri Konventwali għandhom ferm għal qalbhom il-kult lejn l-Immakulat Kunċepiment ta’ Marija Santissma.  Mis-seba’ knejjes u kunventi tagħhom mifruxa f’dawn il-gżejjer, ġmielhom ikattru ta’ kuljum id-devozzjoni lejn din il-Patruna Speċjali tal-Ordni tagħhom.  Dan forsi jidher ċar fil-Knisja ta’ San Franġisk li l-patrijiet għandhom ġewwa r-Rabat ta’ Għawdex.  Jekk wieħed iżur din il-knisja, għandu jsib hemm artal għażiż daqskemm qadim, iddedikat lil din l-Omm imnissla mingħajr ħtija, flimkien ma’ statwa tal-Immakulata Kunċizzjoni minquxa fl-injam mill-iskultur Salvatore Psaila.

 

350 sena mit-twaqqif tal-Fratellanza tal-Immakulata Kunċizzjoni 

Il-patrijiet li għexu f’dan l-imkien sa minn tarf is-seklu ħmistax raw kif xettlu u rawwmu f’qalb il-poplu l-imħabba lejn Dik li d-dnub ma ħakimha qatt.   Din il-ħidma rat lill-Gwardjan tal-Kunvent, Patri Eugenio Ruggier, jitħabat biex titwaqqaf fil-knisja l-Fratellanza tal-Immakulata Kunċizzjoni.  Miegħu ġabar sebgħa u sebgħin fratell li ssieħbu fil-Fratellanza li twaqqfet nhar id-29 ta’ Jannar 1663 b’digriet tal-Isqof Balaguer.  Dak li seħħ dakinhar baqa’ magħna sallum.  Din is-sena li qiegħdin fiha, hija għall-Fratellanza, it-350 sena ta’ ħajjitha.

 

Fiż-żminijiet tal-bidu, lill-fratelli kont terħilhom ixiddu fuqhom kunfratija bajda u muzzetta kaħla, lewn is-sema ċar binhar, għalbiex jieħdu sehem fl-Eżerċizzi Spiritwali.  It-tieni Ħadd ta’ kull xahar kien ifisser jum li jinġabru flimkien għall-quddiesa filgħodu, biex filgħaxija jieħdu sehem f’purċissjoni qasira li kienu jagħmlu mad-dawra tal-Kunvent.  F’Mejju kienu jżejnu knisja bil-ġilji u fjuri sabiex jiċċelebraw festa oħra ta’ ġurnata, f’ġieħ il-Madonna tal-Ġilju.  Kienu imbagħad jaqbdu jgħixu is-Sibtijiet fit-talb u l-adorazzjoni tas-Sagrament, bil-kant tal-Litaniji li kienu jwassluhom għall-aktar festa mistennija minnhom, dik tal-Immakulata Kunċizzjoni tat-8 ta’ Diċembru.  Isqof wara ieħor li ġie jżur il-Konventwali ta’ Għawdex ħalla miktub fil-Viżti Pastorali, b’kemm il-fratelli kienu jaraw li jkun imferraħ dan jum il-festa ta’ artalhom.  Ma kinux għalhekk iħallu festa tgħaddi li ma jagħmlux żewġ għosrien u quddiesa sollenni filgħodu nhar jum il-festa.  Kienet tkun mistennija funzjoni ħelwa, ħinha kien wara t-tieni għasar, meta isem xebba fqira kien jittella’ bil-polza għal-Legat Angolin Spiteri.  Ix-xebba kienet tieħu erbatax-il uqija b’dota. 

 

L-istatwi tal-Fratellanza

Mat-toroq Rabtija, nhar jum il-festa, kienet tiddawwar statwa tal-Immakulata Kunċizzjoni.  B’ħjielha nafu li dan kien ilu jseħħ sa mis-sena 1657.  F’dawk iż-żminijiet kienet tintrefa’ fuq l-ispallejn daqxejn ta’ statwa li kienet titlibbes ilbies mill-aħjar.  Għal din l-istatwa, il-Prokuratur tal-Fratellanza, kien darba ħaseb jixtri libsa u mant mingħand il-fratelli tal-Immakulata Kunċizzjoni mwaqqfa fil-Kunvent tal-istess patrijiet, fil-Belt Valletta.  L-istatwa kienet tiżżejjen b’dijadema tal-fidda, u riġlejha kienu jserrħu fuq qamar fiddien.  Is-snin li ġew wara, ġabu magħhom li l-fratelli jżanżnu statwa oħra flok din, li kellha tkun magħmula sħiħa mill-injam.  Kien ħa ħsieb li ssir ċertu Kapural Ignazio Vacchieri, fis-sena 1815. 

 

Imma x-xewqat tal-fratelli ma birdux u l-ħolm tagħhom wassal biex terġa’ ssir statwa ġdida tal-Immakulata Kunċizzjoni, dik li nafu biha llum, li naqax Salvatore Psaila.  Ġrajjet din l-istatwa, ftit li xejn waslet għandna bil-fomm.  Għaldaqstant, tiftix li sar dan l-aħħar wassal, biex il-kuntratt fuq din l-istatwa li kien għadu mitluf, bil-ġrajjiet marbuta miegħu, jerġa’ jara d-dawl. 

 

Is-sejba tal-kuntratt fuq l-Istatwa tal-Immakulata Kunċizzjoni li naqax Salvatore Psaila

Kienet ix-xewqa tal-fratelli li wasslet lill-Prokuratur Calcedonio Speranza, Kirurgu mir-Rabat ta’ Għawdex, u lir-Rettur Publio Refalo, espert tar-rabà u l-bhejjem, li jmorru jfittxu skultur għal dan ix-xogħol.  Għajnhom waqgħet fuq statwi oħra li naqax il-Bormliż Salvatore Psaila, li ħabat kellu qrabatu min-NadurMeta Psaila nzerta li kien Għawdex, dawn iż-żewġ uffiċċjali dehru f’isem il-Fratellanza tal-Immakulata Kunċizzjoni fuq kuntratt, sabiex għaqqdu n-negozju ma’ dan l-iskultur u ordnaw għandu statwa tal-Immakulata Kunċizzjoni, skont ix-xebħ li fissrulu, bil-prezz miftiehem ta’ 350 skut. 

 

L-istatwa tal-Immakulata nħadmet fil-maħżen ta’ Psaila f’Birkirkara, b’tbatija kbira għall-fratelli biex ħallsuha bil-ħbub, b’dehbiethom u b’għajnuniet oħra li sabu fi ħbiebhom.  Il-Gwardjan Vincenso Pisani ma’ sħabu l-patrijiet l-oħra, sogħbien fuq il-mewt ta’ Patri Majjistru Mikelanġ Axisa, il-Padre Spirituale li qawwa qalb il-fratelli sabiex issir din l-opra, laqgħa t-talba li għamlu l-fratelli fl-1847, biex l-istatwa tinqiem f’niċċa ġewwa l-Knisja ta’ San Franġisk fir-Rabat ta’ Għawdex.

 

L-Immakulata Kunċizzjoni li naqax Salvatore Psaila ġabret tul is-snin, it-tifħir ta’ bosta li jgħożżu l-arti.  Żjara lilha u lill-knisja fejn għadha meqjuma, taf tħalli ħlewwet is-sbuħija f’qalb li jkun, l-aktar fil-jiem tal-festa tagħha f’Diċembru, meta l-fratelli tagħha jerġgħu jagħmlu festa f’ġieħha, din ta’ issa, it-350 waħda minn mindu ġiet imwaqqfa l-Fratellanza tal-Immakulata Kunċizzjoni.

 


Dan l-artiklu wasal għandna direttament mingħand l-awtur. Deher ukoll fil-ħarġa ta' "In-Nazzjoni" tas-Sibt, 7 ta' Diċembru 2013, paġna 19.

Rabat: 20.12.2004


 

Talba ta'

San Franġisk

lil Marija

 

Qaddisa Verġni Marija

minn fost

in-nisa ma twieldet qatt oħra bħalek.

Int il-bint

u l-qaddejja

tas-Sultan

il-Kbir

l-aktar għoli

u tal-Missier

tas-sema,

Int l-omm

 tal-Mulej Qaddis tagħna

Ġesù Kristu,

Int

l-għarusa

ta’

l-Ispirtu

s-Santu.