|
Kotba u Rivisti Frangiskani |
|
|
|werrej|Il-Mixja tar-Ruħ lejn Allata' San Bonaventura traduzzjoni ta' Patri Edmund Teuma OFMConv.
Il-mixja tar-Ruħ lejn Alla ta’ San Bonaventura intradd bil-Malti minn Patri Edmund Teuma ofmconv, li issa huwa magħruf fost il-pubbliku Malti u ismu jibqa’ marbut ma’ għadd ta’ kitbiet u traduzzjonijiet fosthom dik tal-Qu’ran f’ilsienna.
Ritratt tal-Qaddis San Bonaventura bla dubju huwa magħruf fl-ambjenti Franġiskani iżda forsi mhux daqstant mill-pubbliku ġenerali. Il-pubblikazzjoni tiftaħ billi Patri Edmund jagħtina ritratt ta’ min kien dan il-Qaddis għaref Franġiskan. Bonaventura kien l-isem li tawh meta daħal fl-Ordni ta’ San Franġisk. Meta twieled fl-1217 il-ġenituri tawh l-isem ta’ Ġwanni. Minn tfulitu kien mogħti għall-istudju l-ewwel f’Belt twelidu, Bagnoregio, u aktar tard f’Pariġi minn fejn kiseb it-titlu ta’ “Majjistru” u fejn baqa’ jgħallem fl-Università ta’ dik il-belt li kienet waħda mill-aqwa ta’ żmienha. Fl-1257 inħatar Ministru Ġeneral ta’ l-Ordni Franġiskan u baqa’ fit-tmexxija ta’ l-Ordni sakemm miet f’Lulju 1274. Bonaventura ħadem ħafna biex iġib ’il quddiem il-predikazzjoni, il-ħidma pastorali u missjunarja u l-istudju fi ħdan l-Ordni. Hu stess kien predikatur mhux biss fost il-poplu imma l-aktar fost il-kleru, il-qrati tas-sultan, il-kardinali u l-papiet, u waqt il-Konċilju ta’ Lyon. Fl-1273 Bonaventura ngħazel bħala Kardinal u Isqof ta’ Albano. Saħħtu iżda kienet sejra lura u miet waqt il-Konċilju li semmejna u ndifen fil-Knisja ta’ San Franġisk ta’ Lyon. Il-Papa Sisitu IV fl-1482 niżżel ismu fost il-Qaddisin u fl-1588 Sistu V daħħal ismu mad-Dutturi tal-Knisja.
Kitbietu Patri Edmund jagħti wkoll ħjiel dwar il-Kitbiet ta’ San Bonaventura (pp 9-13). San Bonaventura kellu pinna għammiela. Il-Kitba tiegħu hija kotrana u tħaddan opri importanti fil-qasam tat-teoloġija, l-axxetika u l-mistika. Kiteb kummentarji Bibbliċi speċjalment għall-kotba ta’ Koħelet u tal-Għerf kif ukoll għall-Vanġeli ta’ San Luqa u San Ġwann. Għandu għadd ta’ kitbiet Franġiskani u oħrajn spiritwali kif ukoll għadd ta’ konferenzi u omeliji.
Itinerarium mentis in Deum (= il-Mixja tar-Ruħ lejn Alla) Din il-kitba hija meqjusa bħala l-kapolavur ta’ San Bonaventura. Huwa ktieb imħawwar b’kitba mistika, teoloġika u filosofika. Mal-medda tas-snin din il-kitba saret kitba popolari u morqija ħafna, madanakollu kif jgħid Patri Ġuzepp Beneditt Xuereb ofm fl-istudju introduttiv tal-Ktieb (pp. 14-23): “m’hijiex kitba li taqraha bl-għaġla u taħseb li sa tifhimha mill-ewwel. Hi kitba li titlob li kull kapitlu jinqara f’atmosfera ta’ talb u meditazzjoni dejjiema” (p.15).
San Bonaventura jiftaħ il-Ktieb b’daħla, imbagħad jaqsam il-ktieb f’seba’ kapitli qorsa. Fid-daħla l-awtur jiftaħ qalbu u jaqsam mal-qarrej kif kien imnebbaħ biex jirtira fuq l-għolja tal-Verna fejn 33 sena qabel kien irtira San Franġisk meta deherlu Serafin b’sitt ġwienaħ jixbah lill-Imsallab, li ħalla mmarkati l-għeliem tal-Passjoni fuq il-ġisem tal-Fqajjar ta’ Assisi. Fuq din l-istess għolja il-Kittieb jikkontempla t-triq li twassal il-mixja tar-ruħ lejn Alla.
Fl-ewwel sitt kapitli San Bonaventura jitkellem dwar kif nistgħu nfittxu u nikkontemplaw lil Alla permezz ta’ l-ispeculum (= il-mera). Il-qaddis jinqeda ħafna bis-simbolu tal-mera. Għalih il-ħolqien kollu huwa mera li tirrifletti l-preżenza ta’ Alla. L-ewwel pass fil-mixja huwa li nfittxu u naraw lil Alla fis-sinjali tal-ħolqien (Kap 1). Lil Alla narawh fil-mera li turi l-opri ta’ idejh li aħna naraw u nħossu bis-sensi tagħna waqt li nosservaw dak li nħossu (Kap 2). Permezz tax-xbihat ta’ Alla stampati fil-qawwiet naturali tar-ruħ: fil-memorja, l-intellett u r-rieda il-bniedem jagħti pass ieħor lejn l-għarfien ta’ Alla (Kap 3). Il-Bniedem ikompli jintrefa’ lejn Alla permezz tal-qawwiet tar-ruħ imġeddin bid-doni tal-grazzja, permezz tal-virtujiet teologali li jingħataw b’xejn, tas-sensi spiritwali u ta’ l-estasi tar-ruħ (Kap 4). Il-Kontemplazzjoni ta’ Alla fl-isem ewlieni tiegħu: “il-Kewn” (= l-essri, being) huwa pass ieħor fil-mixja tar-ruħ (Kap 5). Naraw lil Alla wkoll ikompli San Bonaventura meta nikkontemplaw it-Trinità Qaddisa fl-isem proprju tagħha “It-Tjubija” (Kap 6).
Fl-aħħar Kapitlu, San Bonaventura jqabbel dawn is-sitt gradi mas-sitt tarġiet tat-tron tal-veru Salamun u mas-sitt ġwienaħ tal-Kerubin. Iqabbilhom ukoll ma’ l-ewwel sitt ijiem tal-ħolqien li matulhom il-moħħ jaħdem biex jasal fis-seba’ jum li hu jum il-mistrieħ (Kap 7). Il-kittieb qaddis itemm jgħid: “Imma biex din il-mixja mid-dinja lejn Alla tkun perfetta, jeħtieġ nitilqu l-ħidmiet kollha ta’ l-intellett, u nbiddlu l-imħabba kollha ta’ qalbna f’Alla. Dan id-don mistiku u mistur għall-aħħar li ħadd ma jagħrfu irid min jilqgħu, li ħadd ma jilqgħu ħlief min jixtiequ, u hadd ma jixtiequ ħlief minn hu mkebbes mill-profond bin-nar ta’ l-Ispiritu s-Santu, dak li Ġesù Kristu bagħtu fuq l-art.” (p.85).
Patri Edmund bla dubju ħaqqu jitfaħħar għax-xogħol li poġġa f’idejn permezz tat-traduzzjoni tiegħu. Min ikun attent jinduna li din it-traduzzjoni hija kontribut ieħor fil-letteratura Maltija. Patri Edmund jagħraf jagħżel il-kliem u jsawru b’ħila f’sentenzi bi grammatika mirquma kif għandu jkun u kif jixraq tassew lill-kitba tal-Malti.
Il-ktieb jista’ jinkiseb minn Emmaus, triq il-Kbira, Tas-Sliema, miċ-ĊAK ta’ Triq Sommier, Birkirkara, mill-kunvent San Franġisk, il-Belt Valletta, u mill-ħwienet ewlenin tal-kotba reliġjużi. Reċensjoni minn Patri Thomas Calleja Taghrif dwar il-Ktieb Titlu: Il-Mixja tar-Ruħ lejn Alla kitba: San Bonaventura raduzzjoni minn Patri Edmund Teuma ofmconv Studju introduttiv minn Patri Ġueżepp Beneditt Xuereb ofm Pubblikat: Dar Editrici Religjon u Hajja Edizzjoni: 2006 Serie: 176 Sensiela Spirtiwalità Franġiskana 1 Stampat mill-PEG Ltd San Gwann pagni: 90 (qoxra ratba) ISBN-13:978-99909-47-69-4, ISBN-10:99909-47-69-4. Lm2.
Jista' jinkiseb minghand Emmaus Triq il-Kbira, Sliema tel: 21317300 u mill-Librara Ewlenin jew minghand ic-CAK Triq Sommier, Birkirkara BKR 04 tel:2149 8343 jew emmaus@cakmalta.org
Valletta: 5.2.2007 |
Kotba u rivisti Frangiskani
"Hu bi pjacir tieghi li inti tghallem it-Teologija mqaddsa lill-ahwa, sakemm b’dan l-istudju int ma thallix jintefa fik l-ispirtu ta’ talb u l-gabra"a mill-ittra ta' San Frangisk lil Sant'Antnin. |
|