San Franġisk  - artikli  

 

<<|werrej|>>


Franġisku, int u l-Falliment

 


 kitba ta Joe Camilleri


San Franġisk, int u l-Falliment

 

Meta għall-ħafna studenti jasal żmien l-eżamijiet bla dubbju jkunu konxji li dan iż-żmien iġib miegħu xi ftit tensjoni. Ma dan tiżdied tensjoni oħra - dik tar-riżultati. M’hemmx għalfejn ngħidu li ħadd ma jieħu gost b’l-ittra ‘F’ fir-reżultat. Fail hija kelma li ma toġgħob lil ħadd. Imma jekk naħsbu ftit dik l-‘F’ tista’ tkun okkażjoni ta’ ‘F’ oħra – Future.

Il-falliment fil-ħajja jista’ jkun okkażjoni ta’ futur isbaħ u iktar ħieles. Din kienet l-esperjenza ta’ Franġisk t’Assisi. Il-fqajjar t’Assisi jibqa’ mudell għal kull żmien għax huwa Qaddis fallut!  

Franġisku, sa miż-żgħożija tiegħu, jibda jiskopri li Alla biss jibqa’ għal dejjem. B’dak li Alla għaddieh minnu jibda jinduna li xejn ma hu etern. Hu li kien tant iħobb il-liberta’ jispiċċa sena fil-ħabs ta’ Perugia, hu b’saħħtu jispiċċa marid. Hu li jrid jaqdi sidien umani biex minnhom jieħu prestiġju, fil-ħolma ta’ Spoleto jinduna li qed jaqdi biss qaddejja u mhux is-Sid.

Bħal donnu San Franġisk jibda jagħmel esperjenza tal-Ħniena ta’ Alla meta jsib ruħu fil-bżonn u meta xejn iktar ma jibqa’ jissodissfa iktar il-bżonnijiet tiegħu. Il-bidla tiegħu tibda mill-fatt li jħoss ruħu fil-bżonn. Meta jiġi konxju li huwa fil-bżonn jibda jinduna li hu mhux waħdu li jħossu hekk; hemm oħrajn madwaru li huma wkoll bħalu qed jittalbu karità. Hu kien qed jittallab karità lill-liberta’ tiegħu, kien qed jittallab karità lil saħħtu, kien qed jittallab karità lis-sidien ta’ din l-art. “Imma x’jiswa l-iktar Franġisk li taqdi lis-Sid jew lill-Qaddej”? Jinduna li dawk kollha li lilhom kien qed jitlobhom karità ma setgħu qatt jagħtuh dak li kien qed jitlob!

Wara l-ħolma ta’ Spoleto, jibda jinqata’ waħdu. Din l-esperjenza ta’ tallab, ta’ xi ħadd li jitlob il-ħniena ġegħlitu jkun solidali ma’ min kien tallab. Il-Leġġenda ta’ Tre Compagni tgħidilna li ma beda jiċħad xejn lill-foqra. Qatt ma kien jibgħat fqir b’idejh vojta. Kien iħejji ikliet kbar biex imbgħad jagħti l-ikel lill-foqra. Ommu bdiet tinkwieta. L-esperjenza tat-tallab, wara l-ħolma ta’ Spoleto tant iħossu jidentifika ruħu magħha li jrid isir tallab hu ukoll. Jgħidulna it-Tre Compagni:

Tant kien inbidel bil-grazzja Divina, li meta kien għadu sekular, kien jixtieq li jmur f’Belt oħra, fejn ħadd ma jkun jafu, u hemm ineħħi ħwejġu u jibdilhom ma’ dawk ta’ bniedem fqir, u jipprova jittallab il-karita’ għall-imħabba t’Alla (Leggenda dei Tre Compagni, Kap 3).

Franġisk jiskopri li hu jista’ jimtela’ meta jagħti u ma jirċievi xejn lura. Sakemm baqa’ jemmen li xi ħadd jista’ jimlielu ħajtu daqs kemm xtaq hu, ma setax iħoss l-imħabba ta’ Alla li hi ta’ xejra ħafna differenti.

Hemm żewġ esperjenzi oħra ta’ Franġisku li jgħinuna nindunaw li xejn ma kien iktar jimlielu qalbu! Tgħidilna il-Leggenda ta’ Tre Compagni:

Wara ftit jiem li reġa lura Assisi, lejl minnhom sħabu għażluh bħala mexxej biex, skond kif kien jidhirlu, iħallas l-ispejjeż kollha tagħhom. Hu ħejja ikla mill-ifjen, kif kien imdorri jagħmel fl-imgħoddi. Meta ħarġu mid-dar imxebbgħin sa ruħ ommhom bl-ikel u bl-inbid, kemm hu kif ukoll sħabu bdew iduru mat-toroq tal-belt ikantaw, u hu kellu f’idu l-bastu jew xettru tal-uffiċċju tiegħu bħala mexxej tal-kumpanija, imma beda jibqa’ kemmxejn warajhom, imma ma kienx ikanta imma kien jidher ħosbien ħafna. U hekk hu li f’daqqa waħda żaru l-Mulej, u tant imlielu qalbu bil-ħlewwa li ma kienx kapaċi jitkellem jew jiċċaqlaq. Xejn aktar ma kien jiswielu jħoss jew jisma’ ħlief din il-ħlewwa, li begħditu minn kull sens tal-pjaċir tal-ġisem tant, li kif jgħid hu nniffsu iktar tard, kieku dak il-ħin kellhom iqattgħuh bċejjeċ, ma kienx ikun jista’ jiċċaqlaq (Kap 3).

Esperjenza oħra affettiva li tagħmlu iktar tallab hija l-famuża spoljazzjoni li jagħmel quddiem l-Isqof ta’ Assisi. Franġisk iħoss li anqas missieru ma jista’ jissodissfa t-talbiet tiegħu: “S’issa sejjaħ lilek Pietru di Bernardone bħala missieri, mill-lum ‘il quddiem ngħid: ‘Missier illi inti fi smewwiet”.

U propju Alla hekk jaħdem magħna; ineżżgħana minn kollox biex jurina li aħna fil-bżonn. San Franġisk huwa qaddis kbir għax huwa bniedem fallut. Jien ninduna verament min jien meta nfalli; meta ħadd u xejn ma jibqa’ jagħtini dak li qed nitolbu; meta saħħti tħallini, meta jeħduli l-liberta’, meta l-psewdo sidien jgħadduni bi żmien. Hemm ninduna li jien ukoll tallab.

Meta għandi kollox; ċapċip, flus, sodissfazzjon hemm qajla ninduna li għandi bżonn nitlob xi ħaġa li tibqa’ għall-dejjem. Meta nfalli; meta mmiss il-qiegħ, hemm ninduna li hemm xi ħadd li jista’ jagħti tweġiba lix-xewqat profondi tiegħi. Dan jiġri anke fi dnub. Kultant rrid immiss il-qiegħ biex ninduna li xejn ma jissodissfa lil ruħi. X’inhu d-dnub, jekk mhux “il-gidba”, li teżisti xi ħaġa oħra li mhix Alla li tista’ tagħtini ftit ferħ? Xi ħaġa li mingħalija tista’ tissodissfali il-leblieba li għandi li nkun maħbub. Meta mmiss il-qiegħ verament nkun nista’ ngħid: “Minn qiegħ l-art insejjaħlek Mulej, isma’ Sidi l-leħen tiegħi, ħa jkunu widnejk miftuħa jien u nitolbok bil-ħniena, jekk tal-ħtijieti int tagħti kas Mulej, Sidi min jista’ jżomm sħiħ, imma għadek hemm il-maħfra biex hekk inqimuk għal dejjem”. (Salm 130).

U din hi tassew il-libertà!

<<|werrej|>>


Dan l-artiklu miktub fil-21 ta’ Frar 2017 qed jidher bil-permezz ġentili ta’ Joe Camilleri.

Burmarrad 20 ta’ Novembru 2017


 

San Franġisk jibda jagħmel esperjenza tal-Ħniena ta’ Alla meta jsib ruħu

fil-bżonn u meta xejn aktar ma jibqa’ jissodissfa iktar il-bżonnijiet tiegħu.