San Franġisk  - artikli  

 

<<|werrej|>>


Diskorsi tal-Papa - 1

Waqt iż-żjara tal-Papa Franġisk lil San Franġisk

f'Assisi 4 ta' Ottubru 2013

 


Laqgħa mat-tfal b'diżabilità u l-morda

tal-Istitut Serafiku


Hawnhekk hawn Ġesù moħbi

f'dawn iż-żgħażagħ, f'dawn it-tfal

 

Ninsabu qalb il-pjagi ta' Ġesù, kif għidt int, sinjura (Waħda mill-mexxejja tal-istitut kienet għamlet id-diskors ta' merħba u għamlet din l-affermazzjoni).  Għidt ukoll li dawn il-pjagi jeħtieġ li jinstemgħu u jingħataw għarfien.  Qed jiġini f'moħħi l-waqt meta Ġesù kien miexi flimkien mal-Appostli li kienu bil-geddum.  Fl-aħħar uriehom il-pjagi tiegħu u huma għarfuh.

 

Imbagħad hemm il-ħobż li hu jinsab fih.  Hija Domenico (l-isqof ta' Assisi) qalli li hawn issir l-adorazzjoni.  Anki dak il-ħobż hemm bżonn li jiġi mismugħ, għax Ġesù hu preżenti u moħbi fis-sempliċità, fil-manswetudni tal-ispeċi tal-ħobż.

 

Hawnhekk hawn Ġesù moħbi f'dawn iż-żgħażagħ, f'dawn it-tfal, f'dawn il-persuni.  Fuq l-altar aħna naduraw il-Ġisem ta' Ġesù: fihom insibu l-pjagi ta' Ġesù.  Ġesù moħbi fl-Ewkaristija u Ġesù moħbi f'dawn il-pjagi.  Jeħtieġ li leħinhom jinstama!  Mhux tant fil-gażżetti, bħala aħbar, dak hu leħen li jinstama għal ġurnata, tnejn, tlieta, imbagħad jasal ieħor u ieħor...  Jeħtieġ li leħinhom jisimugħ dawk li jgħidu li huma Nsara.

In-Nisrani jadura lil Ġesù, in-Nisrani jfittex lil Ġesù, in-Nisrani jaf jagħraf il-pjagi ta' Ġesù.  Illum, ilkoll kemm aħna hawn ġew, hemm bżonn li ngħidu: Jeħtieġ li nisimgħu lil dawn il-pjagi!  Imma hemm ħaġ'oħra li ttina t-tama.  Ġesù hu preżenti fl-Ewkaristija, hawn insibu l-Laħam ta' Ġesù: hemm il-pjagi ta' Ġesù f'dawn in-nies.

Iżda hu interessanti:  Meta Ġesù rxoxta kellu ġmiel tal-għaġeb.  Ma kellux aktar it-tbenġil, il-feriti... xejn!  Kien isbaħ!  Imma ried li jżomm biss il-pjagi u dawk ħadhom miegħu fis-sema.  Il-pjagi ta' Ġesù qegħdin hawn, u jinsabu fis-sema quddiem il-Missier.  Aħna nikkuraw il-pjagi ta' Ġesù hawnhekk u Hu, mis-sema, jurina l-pjagi tiegħu u jgħidilna, lilna llkoll: Qed nistennik!  Hekk ikun.

Il-Mulej iberikkom ilkoll.  Jalla l-imħabba tiegħu tinżel fuqna, timxi magħna.  Jalla Ġesù jgħidilna li dawn il-pjagi huma l-pjagi tiegħu u jgħinna nagħtuhom leħen biex aħna l-Insara nisimugħ.

<<|werrej|>>


Miġjub għall-Malti minn Joe Huber

Rabat:   21.12.2013


 

Il-mixja ta’ Franġisku lejn Kristu  titlaq

mill-ħarsa ta’ Ġesù fuq

is-salib.