|
San Franġisk - għat-tfal ... u l-kbar |
|
|
<< lura għall-Werrej San Franġisk u l-Annimali << lura għall-Werrej għat-tfal
u s-Seqer
storja mill-Ħajja ta' San Franġisk
Meta Franġisku wasal fl-eremitaġġ ta' La Verna biex jgħaddi erbgħin jum ta' sawn f'ġieħ l-Arkanġlu San Mikiel ġew jilqgħuh qatgħat kbar ta' għasafar. Dawn l-għasafar niżlu jittajru fuq iċ-ċella ċkejkna tiegħu biex bit-tpespis u t-tisfir tagħhom jagħtu merħba u juruh il-ferħ li ħassew meta rawh.
Meta Franġisku ntebaħ b'dan dar lejn wieħed minn sħabu u qallu: "Qiegħed tinduna, Ħija? Din hija r-rieda ta' Alla għalina li noqogħdu hawn għal xi żmien. Qiegħed tisma' l-ħamba u l-frattarija li ħutna l-għasafar qegħdin jagħmlu biex ifissru l-ferħ li qed iħossu għaliex aħna ninsabu hawn?"
Seqer li kien għamel il-bejta tiegħu fil-blat tal-qrib, intebaħ b'dan kollu u mill-ewwel ħass li Franġisku kien bniedem speċjali. Għalhekk xtaq li jsir ħabib tal-Qaddis, u fl-istess ħin hu wkoll jagħmel ftit ġid għalih. X'għamel? Kien jaf li Franġisku kien ta' kull jum iqum mal-lejl biex jitlob. Għalhekk kien joqgħod għassa tiegħu ħalli hekk kif jara li sar il-ħin, kien jibda jsaffar biex itajjarlu n-ngħas. Iżda, ħaġa tal-għaġeb, is-Seqer mill-ewwel kien jintebaħ meta Franġisku kien ikun għajjien wisq u mikdud bil-mard u mifni bl-uġigħ. U għalhekk f'għodwiet bħal dawn, ma kienx iqajmu għax kien jixtieq iħalli lil Franġisku jistrieħ. F'mumenti bħal dawn, donnu li Alla nnifsu kien iwissi lis-seqer biex jibqa' sieket u ma jibdiex isemma' leħnu qabel is-sebħ.
U wara li jisbaħ, mas-seqer kienu jingħaqdu l-għasafar l-oħra ta' l-inħawi, u flimkien kienu jgħannu tifħir lill-Ħallieq. Donnhom kienu jafu li f'La Verna kienet sa sseħħ xi ħaġa kbira. U tabilħaqq, San Franġisk kellu jilħaq il-milja tal-meditazzjoni tiegħu u jilqa' b'qalbu kollha t-tbatija li nisslulu l-pjagi li ngħatawlu fuq din għolja.
Kienu dawn il-pjagi biddlu lil Franġisku fi xbieha perfetta ta' Kristu, mhux biss minħabba s-sinjali f'ġismu, iżda fuq kollox minħabba l-ħeġġa ġdida l-tqanqlet fih biex ikompli jgħix il-Vanġelu.
<< lura għall-Werrej San Franġisk u l-Annimali << lura għall-Werrej għat-tfal Din l-istorja rrakkuntata minn Dorothy Schembri Agius hija meħud mir-Rivista Il-Ħabbâr ta' Sant'Antnin, nru. 3 - Ġunju 2001, 46. Dawn ir-rakkonti huma addattati mill-ktieb ta' Luciano Radi, Saint Francis and the Animals, Editrice Minerva, Assisi 1999. U b'disinji ta' Alessandra Annibali. Assisi 14.7.2003 |
Wara li jisbaħ, ma' Ħuħ is-Seqer kienu jingħaqdu l-għasafar l-oħra ta' l-inħawi, u flimkien kienu jgħannu tifħir lill-Ħallieq.
|
|