|
San Franġisk - għat-tfal ... u l-kbar |
|
|
<< lura għall-Werrej San Franġisk u l-Annimali << lura għall-Werrej għat-tfal
u l-Ħarufa
storja mill-Ħajja ta' San Franġisk
Hekk kif ra, Franġisku waqaf, u b'għafsa ta' qalb qal lil sieħbu Fra Pawlu: "Qiegħed taraha dik il-ħarufa ġwejda qalb dawk il-bdabad? Qed tfakkarni f'Sidna Ġesù Kristu... nistħajjel li meta Ġesù kien imdawwar mill-Fariżej, kien qiegħed iħossu mhedded bħalha. Ejja nfittxu nixtruha aħna, ħalli neħilsuha mill-periklu li tinsab fih".
Fra Pawlu wkoll ħass ħafna għaliha u għalhekk dlonk ftiehmu mar-ragħaj biex ipartu t-tonok ħorox tagħhom mal-ħarufa. Iżda dak il-ħin inzerta kien għaddej negozjant li x'ħin intebaħ x'kien sa jsir, qatagħha li jħallsilhom hu. U hekk Franġisku u Fra Pawlu rnexxielhom jeħilsu l-ħarufa ċkejkna! Kemm ferħu biha! Tgħidx kemm żiegħlu biha!
U hekk komplew fi triqthom. Iżda f'daqqa waħda ndunaw li ħadd minnhom ma kien ħaseb x'sa jagħmlu biha. Qagħdu jaħsbu għal ftit waqtiet u Fra Pawlu ġieħ ħsieb: "Min jaf kieku nagħtuha lis-Sorijiet Klarissi?" Dawn żgur jifirħu biha u jieħdu ħsiebha!
Baqgħu sejrin dritt lejn il-kunvent. Is-sorijiet tgħidx kemm iggustawha u wegħduhom li jieħdu ħsiebha u jgħożżuha.
Wasal iż-żmien li jġiżżuha. Is-sorijiet ħasbu biex bis-suf tagħha jagħmlu xi ħaġa sabiħa. Ħadu s-suf tagħha, nisġu u bih għamlu tonka ratba għal San Franġisk. Il-Qaddis laqa' dan ir-rigal b'qalbu kollha. X'ħin tawhielu, rassha ma' sidru u biesha, u fl-istess waqt radd ħajr lil Alla li fit-tjieba tiegħu ħalaq l-annimali biex bihom jitgħaxxaq il-bniedem.
<< lura għall-Werrej San Franġisk u l-Annimali << lura għall-Werrej għat-tfal Din l-istorja rrakkuntata minn Dorothy Schembri Agius hija meħud mir-Rivista Il-Ħabbâr ta' Sant'Antnin, nru. 3 - Ġunju 2001, 46. Dawn ir-rakkonti huma addattati mill-ktieb ta' Luciano Radi, Saint Francis and the Animals, Editrice Minerva, Assisi 1999. U b'disinji ta' Alessandra Annibali. Assisi 14.7.2003 |
Franġisku qal lil sieħbu Fra Pawlu: "Qiegħed taraha dik Oħtna l-Ħarufa ġwejda qalb dawk il-bdabad? Qed tfakkarni f'Sidna Ġesù Kristu...
|
|