L-Immakulata Kunċizzjoni - Poeżija

 

<<|werrej|>> 


Smajt Fuqek


ta' Francesco Pio Attard


 

SMAJT FUQEK

 

Smajt fuqek li ġmielek wisq oħla mill-anġli,

fik għaxqet is-Sema, ferħ il-qaddisin,

f’kor wieħed jgħannulek l-Appostli u l-Martri,

imbellha għal sbuħitek u bik imberkin.

 

Smajt fuqek li tisboq fid-dehen lil kull mara

u fl-għaqal kull ħlejqa int tgħaddi fil-wisa’,

fuq fommok tal-għasel m'hemmx qerq jew tmaqdira;

ġennint lil Min għażlek fost kollha n-nisa.

 

Smajt fuqek li għamlek bla tebgħa mill-bidu

l-Artist illi niseġ il-pjan tal-ħolqien,

u żammek sabiħa biex bik għad jistagħġeb

u jfaħħar lill-Għoli kull nisel, kull żmien.

 

Smajt fuqek li ħsiebek mitluf f’Dak li ħalqek,

ħerqana biex twettaq li jrid minnek hu –

biżżejjed jitlissen fil-ġieħ l-isem tiegħek

biex qalbek tant qlub tirbaħ dlonk għal Ġesù.

 

Smajt fuqek li ħarstek ħanina ’l uliedek

tħarishom mid-dnewwa u l-għajb ta’ kull dnub,

treġġagħhom fil-port kollu kenn l’int bieb tiegħu

ħa jduqu mill-grazzja ta’ demm il-Mislub.

 

Smajt fuqek li tilqa’ lill-midneb u msejken,

imqar wieħed bħali li ttarraf fl-għollieq,

bi ħlewwa ta’ Omm illi l-ħniena hi ħobżha,

iddewwaq il-benna u treġġa’ fit-Triq.

 

Smajt fuqek… u donnu għalxejn, mhix biżżejjed

kull prietka mirquma li mlietek bil-ġieħ –

xbihetek imnaqqxa bħal f’sura tal-Ġenna

tħallini nitħallem ġmiel iktar sabiħ.

 

Imbagħad ma smajtx iżjed lil min bil-foħrija

kuruna jgħannilek, o Immakulata;

smajt leħnek jgħajjalti, rajt ħarstek tfittixni,

traħħamli: “Int ibni, jien fik iffissata”.

 

Dlonk demgħa żżerżqet ma’ palmet ħaddejja,

u f’nifsi, Marija, ġie l-balzmu ta’ kliemek,

ħassejt taħraq fuqi l-bewsa ta’ mħabbtek

…u fhimt: li kont smajt mhux ħlief fraka ħdejn ġmielek!

 

 


Din il-poeżija ta' Francesco Pio Attard inkitbat fit-8 ta' Diċembru 2017 u dehret fuq Facebook.

Burmarrad: 9.12.2017


Qaddisa Verġni Marija

minn fost

in-nisa ma twieldet qatt oħra bħalek.

Int il-bint

u

l-qaddejja

tas-Sultan

il-Kbir

l-aktar għoli u tal-Missier tas-sema,

Int l-omm tal-Mulej Qaddis tagħna

Ġesù Kristu,

Int

l-għarusa ta’

l-Ispirtu s-Santu.